VIŻTA LILL-PARROĊĊA RUMANA TA’ SAN FILIPPU NERI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
L-Ewwel Ħadd tal-Avvent
27 ta’ Novembru 1983
1. “Barra minn dan, intom tafu f’liema żmien qegħdin: waslet is-siegħa li intom tqumu min-ngħas” (Rm 13, 11).
B’dan il-kliem, għeżież ħuti, il-Liturġija tallum tindirizza lil kull wieħed u waħda minna billi tgħallimna nilqgħu l-appell li jiġina fil-bidu tal-Avvent, Inqumu min-ngħas ifisser niftħu qalbna għal dik ir-realtà divina li hija marbuta maż-żmien uman. Minħabba dan jingħad: “Is-salvazzjoni hija iktar fil-qrib”.
L-Avvent huwa bħala l-ewwel dimensjoni ta’ dan l-irbit tar-Realtà divina maż-żmien uman. Din ir-rabta tirrifletti fis-sena liturġika: l-ewwel Ħadd tal-Avvent huwa fl-istess ħin il-bidu tas-sena l-ġdida liturġika.
2. Hekk hu dan huwa fl-istess ħin l-Avvent tas-Sena Mqaddsa tar-Redenzjoni.Dan il-Ġublew straordinarju tar-Redenzjoni għandu karattru speċifiku ta’ “avvent”: iħejji għat-tielet millennju wara Kristu. Minn hawn tispikka l-elokwenza partikolari tal-Avvent ta’ din is-sena, li għandu jesprimi dak l-atteġġjament tal-Knisja, li dwaru diġa tkellimt fil-Bolla tal-indizzjoni (Ġwanni Pawlu II, Aperite portas Redemptori, 7), li għalih hi “tħossha partikolarment impenjata għall-fedeltà għad-doni divini, li għandhom fir-Redenzjoni ta’ Kristu s-sors, u permezz tagħhom l-Isirtu Santu jiggwidaha għall-iżvilupp u t-tiġdid, sabiex issir għarusa dejjem iktar xierqa ta’ Sidha. Minħabba dan hija tafda fl-Ispirtu Santu u għall-azzjoni misterjuża tiegħu trid tassoċja ruħha bħala l-Għarusa li titlob l-avvent ta’ Kristu” (cf. Ap 22, 17).
Dan il-karattru partikolari ta’ “avvent” propju tas-Sena Mqaddsa preżenti, għandu jkun migħux mill-Knisja “bħall-istess sentimenti li bihom il-Verġni Marija stenniet it-twelid tal-Mulej fl-umiltà tan-natura umana tagħna. Bħalma Marija ġiet qabel il-Knisja fil-fidi u fl-imħabba fit-tbexbix tal-era tar-Redenzjoni, hekk illum tiġi qabilha waqt li, f’dan il-Ġublew, se terħila lejn il-millennju l-ġdid tar-Redenzjoni” (Ġwanni Pawlu II, Aperite portas Redemptori, 9).
3. “Konxji tal-waqt”: Xi tfisser? “Ejjew inmorru ferħana niltaqgħu mal-Mulej”.
L-Avvent huwa l-prospettiva ferrieħa li “nmorru f’dar il-Mulej:” (cf. Sal 121, 1): li naslu fit-tarf ta’ dan il-“pellegrinaġġ” kbir li għandu jkun il-ħajja fuq din l-art. Il-bniedem huwa msejjaħ biex jgħammar f’ “dar il-Mulej”. Hemm hija d-“dar” vera tiegħu. Il-pellegrinaġġ tas-sena Mqaddsa huwa figura tal-mixja tagħna lejn dar il-Missier, u l-Avvent jistimulana biex ngħaġġlu b’tama din il-mixja.
L-Avvent huwa stennija ta’ “jum il-Mulej”, jiġifieri tas-:siegħa tal-verità”. Huwa l-istennija ta’ dak il-jum li fih huwa jkun imħallef fost il-ġnus u se jkun arbitru fost bosta popli” (Is 2, 4). Din il-milja ta’ verità se tkun il-bidu u l-pedament tal-paċi definittiva u universali, li hija l-oġġett tat-tama tal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba.
L-Avvent huwa rikonferma tal-mixja eterna tal-bniedem lejn Alla; u bidu ġdid, kull sena, ta’ din il-mixja: il-ħajja tal-bniedem mhix triq imprattikabbli, imma triq li twassal għal-laqgħa mal-Mulej! Hemm ukoll f’din l-invokazzjoni tal-ewwel Ħadd tal-Avvent kważi bxara bil-quddiem ta’ dawk it-toroq li fil-lejl ta’ Betlem wasslu lir-rgħajja u lis-slaten Maġi tal-Lvant lejn l-imwieled ġdid Ġesù.
4. “Konxji tal-waqt”, xi tfisser? “Ilbsu mill-ġdid tal-Mulej Ġesù Kristu”” (Rm 13, 14):
– It-triq tal-Avvent tieħu lejn l-intern tal-bniedem, li b’modi differenti huwa mtaqqal bid-dnub, kif jistqarr it-tieni qari;
– il-laqgħa li dwarha jitkellem hawn fuq ma titwettaqx biss “minn barra”, imma wkoll “minn ġewwa”, u tikkonsisti f’tali bidla minn ġewwa tal-bniedem, li tikkorrispondi mal-qdusija ta’ Dak li miegħu niltaqgħu: f’tali mod jikkonsisti l-“ilbies tal-Mulej Ġesù Kristu”;
– is-sens “storiku” tal-Avvent huwa ppenetrat mis-sens “spiritwali”. Infatti, l-Avvent ma jridx ikun biss it-tifkira tal-perijodu storiku li ppreċeda t-twelid tas-Salvatur, ukoll jekk hu, hekk intens, diġa minnu nnifsu għandu sinifikat spiritwali għoli ħafna. ‘Il hemm minn dan, bdanakollu, u iktar b’mod prodond, l-Avvent irid ifakkarna li l-istorja kollha tal-bniedem u ta’ kull wieħed u waħa minna għandha tiftiehem bħala “Avvent” kbir, bħala stennija, waqt wara waqt, tal-miġja tal-Mulej, hekk li hu jsibna lesti u attenti biex inkunu nistgħu nilqgħuh denjament.
5. “Konxji tal-waqt” ifisser: “Għassu . . . għaliex la tafu l-jum li fih se jiġi l-Mulej tagħkom” (Mt 24, 42):
– l-irbit ta’ Alla, tar-realtà divina, maż-żmien uman, minn naħa jirrikonferma l-limitezza ta’dan iż-żmien, li għandu tmiem, u minn naħa l-oħra jiftaħ dan iż-żmien għall-eternità ta’ Alla u għar-“realtajiet aħħarin” marbutin magħha;
– l-Avvent għandu sinifikat “eskatoloġiku,” ladarba jfakkar il-ħsieb tagħna u l-intenzjonijiet tagħna għar-realtajiet futuri. Dan ifakkarna l-aħħar destinazzjoni tal-mixja tagħna, u jistimulana biex nimpenjaw ruħna fir-realtajiet terreni mingħajr ma jħallina negħrqu fihom, imma bil-maqlub, billi jiggwidana lejn dawk ċelesti; iħeġġiġna biex inħejju ruħna sewwa għal dawn tal-aħħar, b’mod li l-Avvent tal-Mulej ma jsibniex mhux imħejjija u indisposti;
– “Għassu”: l-ispirtu tal-bniedem “imqajjem” għar-realtà divina, attirat permezz ta’ dak stess lejn d-destini eterni tiegħu f’Alla, għandu janima t-temporalità kollha b’għarfien ġdid.
6. Ħuti għeżież tal-parroċċa ta’ san Filuppu Neri, lilkom ilkoll tmur it-tislima ta’ mħabba tiegħi, waqt li niżżi ħajr lill-Mulej talli ppermettieli din il-laqgħa. Il-ħsieb tiegħi ta’ barka jmur lill-Kardinal Vigarju, lill-kappillan Dun Amedeo Zanotti u lill-kollaboraturi tiegħu, saċedoti, raliġjużi u lajċi, liż-żgħażagħ, lill-anzjani, lit-tfal, lill-familji, lill-ħaddiema, lill-morda, lil kulħadd.
Il-parroċċa tagħkom, imwaqqfa mis-saċerdoti mibgħuta hawn minn Dun Calabria,bl-għajnuna tal-Mulej,qiegħda dejjem iktar tiċċara s-sens tat-tiġdid konċiljari veri, u l-frott ta’ tali mpenn żelanti beda jinħass fil-fjoritura tal-vokazzjonijiet reliġjużi u saċerdotali, f’sehem qawwi fil-Liturġija, f’għarfien ikbar tal-valur tal-komunità parrokkjali u tal-preżenza essenzjali, fiha, tal-ministeru lajkali, u fi prattika iktar ġeneruża tal-opri tal-karità u tal-ħniena.
Komunità parrokkjali magħquda u żelanti tistà tiżvolġi, bil-qawwa tal-Ispirtu Santu, irwol essenzjali fit-tnaqqis tad-distanza bejn il-mudell evanġeliku li dan jipproponi lid-dinja u l-kondizzjonijiet reali tad-dinja nfisha, dejjem f’xi qies reżistenti, sakemm għadna hawn isfel għas-sejħa evanġelika, għall-konverżjoni u għall-penitenza. Dan il-fatt, madankollu, bogħod milli jdgħajjef ix-xhieda li trid tingħata lid-dinja, għandu jsaħħaħha dejjem iktar, fil-konvinzjoni l-iktar soda li d-dinja, minkejja kollox, għandha bżonn assolut ta’ Ġesù msallab u rxuxtat. Il-qawwa tal-grazzja tiegħu, b’mod speċjali permezz tal-kariżma tal-lajċi nsara, tistà u għandha tippenetra u tanima evanġelikament l-ambjenti kollha sekulari tal-familja u tax-xogħol, tal-iskola, tas-soċjetà u tal-kultura.
7. Fl-ewwel Ħadd tal-Avvent ta’ dan il-Ġublew straordinarju tar-Redezjoni ingħatali, bħala Isqof ta’ Ruma, li nżur il-Komunità tagħkom, imqegħda taħt il-protezzjoni ta’ San Filippu Neri, fjorentin trapjantat Ruma, fejn għal bosta snin kellu mod jixgħel dik is-serenità karatteristika u t-tieba ferrieħa, u li jesprimi dawk id-doti straordinarji tiegħu ta’ Ragħaj u ta’ edukatur, li jirrennduh ukoll illum għalliem kbir ta’ ħajja nisranija, ħuna li jħejjijna għall-miġja ta’ Kristu.
Minn qalbi nixtieq li din iż-żjara tiegħi tippermettilna li niftħu maġġorment għajnejn ir-ruħ għar-realtà divina u biex ngħid hekk li nqumu mill-ġdid għaliha. Jalla tippermettilna fl-istess ħin li ninbidlu internament, li l-umanità tagħna, b’mod dejjem iktar matur, jilbes ta’ Sidna Ġesù Kristu. .
B’ferħ ġdid nimxu lejn il-laqgħa mal-Mulej li għandu jiġi, bħal kull sena, fis-sollennità tal-Milied; lejn il-Mulej li għandna niltaqgħu miegħu ukoll fi tmiem it-toroq tagħna terreni. Infatti l-Avvent ifakkarna, kull sena, li l-ħajja umana mhijiex triq imprattikabbli lejn Alla, imma hija triq vera magħmula propju mill-Verb divin.
Lit-Tfal tal-iskejjel elementary u medji
Għeżież, illum, l-ewwel Ħadd tal-Avvent – u tassew għandna wkoll ftit riħ – nieħu pjaċir li nistà nżur il-parroċċa tagħkom, il-parroċċa ta’ San Filippu Neri. L-ewwel laqgħa li qiegħda sseħħ tul din iż-żjara hija magħkom, mas-subien u l-bniet tal-iskejjel u tad-diversi gruppi li qegħdin iħejju ruħhom għall-Ewwel Tqarbina u għall-Griżma tal-Isqof, u maż-żgħar nett tal-ażili li huma taħt il-protezzjoni tas-sorijiet.
Insellmilkom ilkoll mill-qalb, lill-ġenituri u l-katekisti rġiel u nsa tagħkom. Lildawk kollha, isomma, li jsegwu l-formazzjoni reliġjuża tagħkom. Nifraħ bil-preżenza tagħkom ilkoll. Nafu sewwa li San Filippu Neri huwa Patrun ta’ Ruma, nafu wkoll li huwa qaddis ferrieħ ħafna. Jiena kuntent li l-parroċċa tagħkom tinsab taħt il-patroċinju tiegħu. Imma nawguralkom ukoll il-ferħ li joħroġ miż-żmien tal-Avvent, żmien ta’ tħejjija għall-miġja tal-Mulej.
Din it-tħejjija tferraħna, jekk ikollna qalb pura, għaliex bil-qalb pura nistgħu nilqgħu lil Ġesù fil-misteru tal-Milied tiegħu. Għalhekk jiena nawguralkom dan il-ferħ li kkaraterizza San Filippu Neri, il-ferħ li jiġi mill-grazzja tal-Mulej. Dan il-ferħ li jġegħlna nifrħu l-qalb lill-Mulej, niltaqgħu mal-Mulej fl-Avvent tiegħu. Tħejjija tajba għas-Sagramenti, għall-l-Ewwel Tqarbina, għall-Griżma, hija tħejjija tajba biex tkunu nsara tajbin. San Filippu Neri kien nisrani tajjeb; hemm bżonn titgħallmu minnu għaliex il-Qaddisin ingħatawlna mill-Providenza. Hemm bżonn li nimitaw lil San Filippu Neri fil-ferħ tiegħu imma wkoll fil-purezza tiegħu tal-qalb..
Lir-reliġjużi Nisa
L-Avvent huwa żmien qawwi; nawguralkom li tgħixuh bl-istess qawwa. Ilqgħu lill-Għarus Ċkejken li se jiġi fil-lejl tal-Milied. Lil ħutkom kollha nawgura vokazzjonijiet speċjali, tajbin għal kull wieħed mill-istituti tagħkom u mberikkom flimkien mal-Kardinal u mal-Isqfijiet preżenti.
Lill-Kunsill Pastorali
Għeżież ħoti, Kristu afda l-Knisja tiegħu lill-bnedmin, lill-Appostli u lis-suċċessuri kollha tagħhom. Dawn is-suċċessuri naturalment, jekk din għandha x’taqsam mas-suċċessjoni ġerarkika, huma l-Isqfijiet – l-Isqof ta’ Ruma il-kap –; imma fejn jidħol l-ispirtu apostoliku, hija aħna lkoll is-suċċessjoni tal-Appostli għaliex ngħixu l-istess missjoni, l-istess fidi, l-istess grazzja, l-istess Mulej, l-istess Missier. Il-Knisja hija afdata lilna lkoll, b’modi differenti naturalment: affidament isir permezz tal-vokazzjoni saċerdotali, affidament ieħor isir permezz tal-vokazzjoni reliġjuża, ieħor isir permezz tal-vokazzjoni lajkali, u l-lajċi f’ħajjithom familjari, f’ħajjithom professjonali, f’ħajjithom soċjali, kulturali, eċċ., b’dik l-għana umana kollha li tinvolvi l-Knisja. L-istess Knisja ta Kristu – nirrepeti – hija afdata lilna lkoll. Hekk hu, il-Kunsill pastorali, frott storiku tal-Konċilju Vatikan II, tar-riflessjonijiet tiegħu u tal-orjentamenti tiegħu, huwa s-sinjal mhux biss simboliku imma realistiku tal-fatt li l-Knisja hija afdata lilna lkoll. Hemm Knisja waħda li tissejjaħ parroċċa. Parroċċa ta’ San Filippu Neri, li fiha hemm iktar minn 20,000 nisrani, membri ta’ din il-komunità. Lilhom hija afdata l-parroċċa tagħhom. Il-Kunsill pastorali huwa strument speċjali, mezz speċjali, organizzattiv, strutturali, biex jesprimi din r-realtà.
Għalkemm ir-Rgħajja jkunu Isqfijiet u saċerdoti, intom tieħdu sehem fl-interess pastorali tagħhom għaliex dan jappartieni biss għall-wirt apostoliku, għall-apostolat. Ridt nenfasizza l-importanza tal-Kunsill pastorali, l-iskop ewlieni tiegħu. U dan kollu biex nagħtkom awgurju tassew kordjali għas-sehem attiv u kostruttiv tagħkom fil-ħajja ta din il-parroċċa, għall-iżvilupp spiritwali u soċjali, nisrani u uman. Irrid ukoll nawgura kull ġid lil kull waħda u wieħed minnkom, lill-familji tagħkom, lill-persuni li huma għeżież għalikom u permezz tagħkom lill-komunità parrokkjali kollha”.
Lill-Azzjoni Kattolika, lill-ACLI u lill-Assoċjazzjoni San Vinċenz
Grazzi tal-preżenza tagħkom f’dan l-ewwel Ħadd tal-Avvent għaż-żjara pastorali tal-Papa, rappreżentanti ta’ apostolat li qiegħed jinfirex fil-parroċċa. Iċ-ċentru tal-parroċċa huwa l-knisja, imma fil-parroċċa hemm tempju spiritwali ieħor, magħmul minn ġebel ħaj, li huwa aħna. U hekk l-apostolat joħroġ minn qalb Kristu u jinfirex f’din il-binja ħajja, f’komunità li għandha tkun ispirata mill-ispirtu ta’ Kristu. Għal dak kollu li tagħmlu niżżikom ħajr u nawguralkom li tkomplu f’din it-triq tal-apostolat tal-lajċi.
Liż-żgħażagħ tal-parroċċa
Il-mistoqsija tagħkom hija mistoqsija ċentrali. Din hija mistoqsija li jagħmlu lill-Knisja, lill-Papa, iż-żgħażagħ ta’ kull parti tad-dinja u b’mod speċjali dawk tal-kontinent tagħna, tal-Pajjiżi kollha Ewropej, li għandhom l-istess tradizzjonijiet tagħna; passat komuni, passat nisrani. X’nistà ngħidilkom biex inwieġeb għal din il-mistoqsija fundamentali? Hawn aħna nistgħu nirreferu ruħna għall-passat, anzi, għandna nirreferu għall-passat tal-popli tagħna, tal-poplu Taljan tagħkom. Tant rikkezzi, tant sbuħijiet, tant teżori ta’ kultura, ta’ fidi; tant qaddisin, artisti, xjenzjati, dan kollu huwa ġid kbir għall-umanità kollha. Għal dan irridu nirreferu għall-passat. Illum iżda, l-ewwel Ħadd tal-Avvent, jiena naħseb li l-mistoqsijiet tagħkom għandhom jirreferu qabel xejn għall-futur. Għaliex? Għandhom jirreferu għall-futur għaliex intom żgħażagħ, u għaliex dan il-futur, dan il-ġejjieni tad-dinja, b’mod speċjali tad-dinja tagħkom donnu mhedded serjament. Nifhmu dan billi naraw dawn il-meżżi tat-teknika moderna li kapaċi jeqirdu l-pjaneta li fiha ngħixu. Din it-theddida tkabbar fil-qalb tal-ġenerazzjoni tagħkom dwejjaq, dulur li jaffettwa l-eżistenza tagħna. U forsi intom iż-żgħażagħ tħossu dan id-dulur b’mod iktar kbir mill-oħrajn, għaliex ħajjitkom, kif għidtilkom, hija miftuħa għall-futur, għall-ġejjieni.
X’għandi ngħidilkom f’dan l-ewwel Ħadd tal-Avvent; x’jgħidilna l-Avvent. L-Avvent jgħidilna appuntu li l-umanità kollha u kull bniedem għandu futur feliċi. Minkejja dak kollu li jistgħu jġibu ż-żminijiet, l-esperjenzi umani, l-istorja, it-traċedji. Minkejja dak kollu li naraw kull jum, li nħossu kważi fl-arja: minkejja kollox l-umanità għandha futur, għandha ġejjieni, u ġejjieni tajjeb, ġejjieni divin. Dan huwa l-messaġġ tal-Avvent, il-messaġġ tas-salvazzjoni. Alla jrid isalvana u jsalvana.
Xi jfisser dan kollu? Ifisser, għeżież żgħażagħ, li intom, il-ġenerazzjoni l-ġdida, hemm bżonn li tersqu iktar qrib ta’ Kristu: il-ġejjieni tal-umanità u ta’ kull bniedem huwa fih, u permezz tiegħu. U dan il-ġejjieni personali u wkoll komunitarju huwa possibbli wkoll fis-sitwazzjonijiet, fiċ-ċirkustanzi l-iktar kuntrarji. Ta’ dan għandna l-provi. Fil-passat ukoll, fil-passat iktar qrib għandna l-provi tar-rebħiet umani miksuba grazzi għall-ħbiberija profonda ma’ Kristu. Hekk hu, intom iż-żgħażagħ m’għandkomx tiddubitaw dwar il-futur tagħkom, dwar il-ġejjieni tagħkom.
Hemm bżonn li jkollkom fiduċja, ukoll minħabba li għandkom privileġġ: il-privileġġ taż-żgħożija li lilha huwa ntitolat il-futur. Intom tistgħu, ma’ Kristu, tibqgħu denji tal-umanità tagħkom, fidili lejn il-fidi nisranija tagħkom. Anzi intom, flimkien ma’ Kristu, tistgħu tkunu bennejja ta’ dinja aħjar, bennejja tal-paċi, tal-ġustizzja, ta’ ħajja iktar umana, iktar denja tal-bniedem. Naturalment dan kollu jibbaża ruħu, bħalma għidtilkom, fuq il-ħbiberija u fuq il-fedeltà lejn Kristu.
Dan huwa dak li ridt ngħidilkom biex inkun f’sintonija mal-preokkupazzjonijiet tagħkom. Mat-tamiet tagħkom, biex inwieġeb il-mistoqsijiet tagħkom. Intom il-ġenerazzjoni tat-tama: intom, kif għidt l-ewwel jum tal-Ministeru papali tiegħi, it-tama tad-dinja u tal-Knisja, intom it-tama tal-Papa. Intom it-tama. Grazzi”.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb