Ġesù Ewkaristija,
għal ftit ġejt noqgħod ħdejk
sabiex nitkellem miegħek
u nuri mħabbti lejk.
Ilqagħha din iż-żjara
li llum erfajt għalik:
Int taf li jien inħobbok
u spiss niftakar fik.
Missierna, Sliema, u Glorja
Ġesù Ewkaristija,
kull ħajr sinċier nagħtik
tal-ġid li tajtni f’ħajti
biex nibqa’ nemmen fik.
Għallimni nagħraf sewwa
l-imħabba tiegħek lejja,
għallimni nżommok f’qalbi,
kuljum quddiem għajnejja.
Missierna, Sliema, u Glorja
Ġesù Ewkaristija,
tal-lejl u n-nhar is-Sid,
noffrilek dal-jum tiegħi
bix-xogħol u bit-taħbit.
Noffrilek ħajti kollha
bil-ferħ u n-niket tagħha,
jien naf li inti tridha
u b’għożża dlonk tilqagħha.
Missierna, Sliema, u Glorja
Ġesù Ewkaristija,
illum b’qalbi sogħbiena
nixtieq nitolbok maħfra
u minni jkollok ħniena.
F’dis-siegħa kollha mħabba
li jien erfajt Għalik,
inwiegħed li qatt iżjed
ma jien se noffendik.
Missierna, Sliema, u Glorja
Ġesù Ewkaristija,
mexxini fit-triq tiegħek,
tħallini qatt fil-ħama
u t-tajn tal-għelt nitmiegħek.
Ħarisni llum u dejjem
mill-ħażen u mid-dnub:
għallimni nħobb biss lilek
kull ħin, Ġesù maħbub.
Missierna, Sliema, u Glorja
Silenzju / soft background music 3 min
Innu: ___________________
Qari mill-Evanġelju skond San Mark (Mk 7,1-8, 14-15, 21-23)
F’dak iż-żmien, il-Fariżej u xi wħud mill-kittieba li ġew minn Ġerusalemm inġabru ħdejn Ġesù, u raw li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qegħdin jieklu b’idejhom mhumiex indaf, jiġifieri mhumiex maħsulin. Għax il-Fariżej, u l-Lhud kollha, biex iħarsu t-tradizzjoni ta’ missirijiethom, ma jmissux ikel qabel ma jkunu ħaslu jdejhom sewwa; hekk ukoll wara li jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux; u għandhom bosta drawwiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor, bħalma huma l-ħasil tat-tazzi u tal-buqari u tal-ktieli tal-bronż. Mela, il-Fariżej u l-kittieba staqsewh: “Dan l-għala d-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skont it-tradizzjoni ta’ missirijiethom, imma jieklu b’idejhom mhumiex indaf?”.
Iżda hu weġibhom: “Sewwa ħabbar Iżaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħalma hu miktub: ‘Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin’. Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin”.
Raġa’ sejjaħ in-nies lejh u qalilhom: “Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmuni! Ma hemm xejn minn barra li meta jidħol fi bniedem itebbgħu; imma dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem. Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena, żína, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha. Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtabba’ lill-bniedem”.
Il-Kelma tal-Mulej
It-Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
F’din is-silta li għadna kemm smajna, naraw lil Ġesù jagħmel diskors qawwi. Huwa jistieden lil Fariżej, kif ukoll lilna lkoll, id-dixxipli tiegħu, biex inkunu awtentiċi. Dak li nagħmlu, nagħmluh minn qalbna, frott l-imħabba li għandna għal Alla l-Imbierek. (2 sek pawsa)
Ġesù jikkritika ħafna l-Fariżej, talli kienu josservaw bl-għeruq u xniexel il-preċetti u t-tradizzjonijiet reliġjużi tal-poplu tagħhom; però mbagħad qalbhom kienet il-bogħod minn Alla.
Lilna wkoll, Ġesù qiegħed isejħilna biex nieqfu u neżaminaw ftit lilna nfusna, aħna li forsi ngħixu minn qalbna t-tradizzjonijiet insara; aħna li niċċelebraw festi sbieħ u kbar; imma forsi mbagħad meta niġu għal qofol tal-ħajja nisranija: jiġifieri, dik li nħobbu lil Alla b’qalbna kollha u lill-proxxmu bħalna nfusna; forsi hemmhekk inkorru. (2sek pawsa)
Ġesù qed jagħmlilna sejħa għall-awtentiċità, sejħa biex ma noħolqux allat foloz mit-tradizzjonijiet anke sbieħ u nsara tagħna; imma nagħmlu minnhom strument li jwassalna għal qofol tal-ħajja nisranija: dik li nħobbu lil Alla u lill-proxxmu tagħna. (2 sek pawsa)
Agħtina Mulej, d-don li nkunu awtentiċi; nsara ta’ veru, nsara ġenwini.
Silenzju biss 3 min.
Kant: ________________
Talbiet tal-Komunità
Ejjew issa nressqu t-talbiet tagħna lil Alla, b’fiduċja kbira fl-imħabba tiegħu għalina:
Nitolbuk Mulej għall-Knisja, biex l-Ispirtu ta’ Alla jagħmilha leħen profetiku fid-dinja, biex b’umiltà u fedeltà tħaddan lil min hu fil-bżonn bil-ġenerożità ta’ Kristu nnifsu. Nitolbu
Nitolbuk Mulej għall-mexxejja tad-dinja, li l-politika u l-għażliet tagħhom isiru bil-ġid tan-nies kollha f’moħħhom. Nitolbu.
Mulej, kun magħna biex ma nħallux id-dinja tkaxkarna, agħmel li jkollna l-ħila nimxu kontra l-kurrent u naqsmu mal-oħrajn id-don tal-fidi li tajtna int. Nitolbu.
Mulej, għin lill-morda u lil dawk li ma jistgħux joħorġu minn djarhom, agħti kuraġġ lilhom u lil dawk li jieħdu ħsiebhom. Nitolbu.
Fis-skiet nagħmlu t-talba personali tagħna.
Tingħata l-Barka Sagramentali:
Dal Misteru …