ĠUBLEW TAL-ASSOĊJAZZJONIJIET LAJKALI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika ta’ San Pietru
Il-Ħadd, 20 ta’ Novembru 1983
1. Huwa hu “il-Primċep u l-Kbir ta’ dawk li jqumu mill-imwiet” (Kol 1, 18).
San Pawl jindika l-Golgota: is-salib. Infatti hemm Kristu aċċetta ġarrab il-mewt umana tagħna. U hemm ukoll sar “il-Kbir ta’ dawk li jqumu mill-imwiet”.
San Pawl jindika fl-istess ħin il-Qawmien mill-Imwiet.
Bħala “Il-Kbir”, Kristu huwa il-“Bidu” tas-Saltna ta’ Alla fuq l-art, U huwa stess huwa s-Sultan.
Lilkom ilkoll hawn preżenti, għeżież ħuti, imma speċjalment lill-membri tad-diversi assoċjazzjonijiet u movimenti ekkleżjali, irrid qabel xejn nippreżenta lil Kristu li llum qegħdin niċċelebraw, Kristu fir-ragalità tiegħu messjanika, hekk kif jirriżulta mill-qari ta’ din il-Liturġija. Illum, infatti, l-aħħar Ħadd tas-sena liturġika, nonoraw u naduraw lil Kristu bħala Sultan. Din is-sollennità hija kważi sintesi tal-misteru feddej kollu. Dan jinkiteb b’espressività partikolari fil-kuntest tas-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni; jiġifieri is-Sena Mqaddsa preżenti.
Intom, għeżież ħuti li nġbartu llum fil-Bażilika ta’ San Pietru, intom u tħossukom marbutin b’mod partikolari mal-misteru ta’ din is-Saltna li fiha Kristu bħala “Il-Kbir ta’ dawk li jqumu mill-imwiet” huwa “L-Bidu” tal-ħwejjeġ kollha. Huwa s-Sultan. Minn dan il-misteru toħroġ il-vokazzjoni tagħkom. L-apostolat tagħkom.
2. Il-Vanġelu tallum skont San Luqa jiġbor fih l-elokwenza drammatika kollha tal-verità dwar Kristu-Sultan.
Hawn hu: Kristu ġie msallab. Fuq rasu twaħħlet kitba bil-Grieg, il-Latin u l-Ebrajk: “Dan hu s-sultan tal-Lhud” (Lq 23, 38).
It-titlu “Is-Sultan tal-Lhud” jirreferi fl-għarfien ta’ Iżrael ta’ dak iż-żmien għat-tradizzjoni tas-slaten, li kienu saltnu fuq in-nazzjon tagħhom. L-ewwelnett kienet tfakkar l-ikbar fost dawn is-slaten, David, li dwar id-dlik tiegħu bħala sultan jitkellem l-ewwel qari tal-liturġija tallum.
Madankollu l-kitba “is-sultan tal-Lhud” hija qabel kollox il-kap tal-akkuża li s-Sinedriju ppreżenta kontra Kristu quddiem Pilatu. L-akkuża hija falza. Aħna nafu liema tweġiba għal din il-proposta ta Ġesù lil Pilatu: miniex sultan. Fuq il-Kalvarju iżda mhemm ħadd li jikkumbatti favuru. Bil-maqlub hemm preżenti taħt is-salib l-avversarji ta’ Kristu, u s-suldati jistgħu jgħadduh biż-żufjett b’impunità sħiħa: “Jekk inti s-sultan . . . salva lilek innifsek” (Lq 23, 37).
It-titlu “rjali” jiġi rriferut lill-Imsallab biss bħala żufjett. Imma hekk hu fost dan iż-żufjett kollu f’salt wieħed mill-għoli ta’ wieħed mis-slaleb viċini jinstemà il-leħen: “Ġesù, ftakar fija meta tkun fis-Saltna tiegħek” (Lq 23, 42). Hekk jgħid wieħed miż-żewġ kriminali li kien mislub maġemb Kristu. U Ġesù jwieġeb minnufih: “Fis-sewwa ngħidlek, illum se tkun miegħi l-ġenna” (Lq 23, 43).
U hawn nerġgħu ningħaqdu mal-parti l-oħra tat-tweġiba mogħtija minn Ġesù lil Pilatu: “Jiena sultan . . . imma s-Saltna tiegħi mhix ta’ din id-dinja” (Ġw 18, 36-37). Mela hawn insibu ruħna fiċ-ċentru stess tal-verità dwar is-Saltna ta’ Kristu. Din il-verità fil-Vanġelu tallum issib oratorija drammatika.
3. Kristu huwa Sultan permezz tas-salib u tal-qawmien mill-imwiet. Propju f’dan il-mod huwa sar “il-Kbir ta’ dawk li jqumu mill-imwiet” u fl-istess ħin reġà saħħaħ il-“primat fuq il-ħwejjeġ kollha”.
Dan il-primat jappartieni lilu sa mill-bidu. Infatti hu bħala Iben mill-istess sustanza tal-Missier – Iben għażiż huwa xbiha tal-Alla inviżibbli” (Kol 1, 15), kien “iġġenerat qabel kull krejatura”. . . dawk viżibbli u dawk inviżibbli . . . Huwa hu l-ewwel fost il-ħwejjeġ kollha u kollox qiegħed iżomm fih” (Kol 1, 16-17).
“Iġġenerat qabel kull krejatura”. U allura huwa Sultan b’mod naturali. Is-Saltna tiegħu kienet miktuba fl-opra stess tal-ħolqien. Huwa qabel kull krejatura. Kull krejatura mill-bidu ġġib fuqha s-siġill tas-Saltna tiegħu: “Ladarba fih inħolqu l-ħwejjeġ kollha”. Dan mela s-saltnar tal-Verb Etern.
Is-saltnar etern ta’ Alla fil-ħolqien jitwettaq permezz Tal-Verb-Iben. Il-ħolqien huwa l-bidu tas-Saltna ta’ Alla. Din hija s-Saltna tal-Missier fl-Iben u permezz tal-Iben.
4. Din is-Saltna għandha d-dimensjoni storika tagħha permezz tal-misteru tar-Redenzjoni. Ir-Redenzjoni daħlet fl-istorja tal-bniedem flimkien mad-dnub. U propju minħabba dan il-Vanġelu tallum jeħodna fuq il-Golgota. Alla ma marx lura quddiem id-dnub tal-bniedem. Ma biegħedx mid-dinja din is-Saltna li kienet mibdija flimkien mal-ħolqien f’Ibnu.
Bil-maqlub: huwa rrikonferma din is-Saltna fis-salib ta’ Kristu biex jirrikonċilja, permezz tiegħu, l-ħwejjeġ kollha, billi ġab is-sliem b’demmu mis-salib tiegħu . . ., il-ħwejjeġ li jinsabu fuq l-art u fis-mewwiet” (cf. Kol 1, 20).
Hekk mela Kristu – Dak li kien “iġġenerat l-ewwel fost il-krejaturi kollha” mill-“bidu” – għandu f’dan il=ħolqien il-“primat”, jiġifieri s-saltnar; u fl-istess ħin, bħala bniedem, permezz tas-salib tiegħu huwa nnifsu “jikseb il-primat fuq il-ħwejjeġ kollha, jiġifieri li jsaltan Dan jiksbu fil-misteru tar-Redenzjoni. Permezz tas-salib, isir Kristu-Sultan. Permezz tas-salib, bħala “il-bir ta’ dawk li jqumu mill-imwiet”, isir “il-mexxej tal-ġisem, jiġifieri tal-Knisja”.
Alla etern iddeċieda li fih, il-Verb-Iben, “tgħammar kull milja”, U permezz tal-opra tar-Redenzjoni din il-“milja” għammret fi Kristu u permezz tas-salib.
Il-Liturġija tas-sollennità tallum ġġegħlna naraw is-Saltna ta’ Kristu – is-Saltna ta’ Alla fi Kristu – f’dawn iż-żewġ dimensjonijiet: tar-realtà tal-ħolqien u tar-realtà tar-Redensjoni.
F’dawn id-dimensjonijiet il-verità dwar is-Saltna ta’ Kristu tkellimna mill-profondità tal-Kelma ta’ Alla.
5. Intom, għeżież ħuti – li qegħdin tieħdu sehem illum fil-Liturġija tal-ġublew straordinarju tas-Sena tar-Redenzjoni – intom b’mod partikolari marbutin bil-misteru ta’ Kristu-Sultan skont d-dimensjoni doppja.
Infatti, il-Konċilju Vatikan II jgħidilna li “il-lajċi iġorru d-dritt u d-dmir għall-apostolat mill-istess għaqda tagħhom ma’ Kristu mexxej. Imdaħħla fil-Ġisem Mistiku ta’ Kristu permezz tal-Magħmudija, imsaħħa mill-virtù tal Ispirtu Santu permezz tal-Griżma tal-Isqof, huma maħtura mill-Mulej innifsu għall-apoatolat”. “Huma, mela – jkompli jgħid il-Konċilju, – waqt li jiżvolġu din il-missjoni tal-Knisja, jeżerċitaw l-apostolat tagħhom fil-Knisja u fid-dinja fl-ordni spiritwali u f’dik temporali: dawn l-ordnijiet, għalkemm huma distinti, fl-uniku pjan ta’ Alla huma hekk marbutin, li Alla nnifsu mhux feħsiebu li jerġà jċedi fi Kristu d-dinja kollha biex jifforma krejatura ġdida: b’mod inizjali f’din l-art, b’mod perfett fl-aħħar jum. Fiż-żewġ ordnijiet il-lajk, li huwa fl-istess ħin fidil u ċittadin, għandu kontinwament iħalli lilu nnifsu jkun iggwidat mull-kuxjenza nisranija biss” (Apostolicam Actuositatem, 3 e 5).
Bosta testjiet oħra tal-Konċilju jikkonfermaw dan is-sies ta’ kull apostolat nisrani fl-ordni lajkali u temporali, taħt it-treġija ta’ Kristu Sultan tal-univers u kap tal-Knisja. Din hija verità kkawżata mill-istess għaqda ta’ Kristu Verb u Iben tal-bniedem, Redentur tagħna, li jtawwal l-opra tiegħu fil-Knisja u permezz tal-Knisja.
Hija wkoll l-esperjenza storika tal-lajkat fil-Knisja, li dejjem, ukoll jekk f’forom li jitbiddlu skont id-diversità taż-żminijiet u tal-postijiet, wettqet il-missjoni tagħha skont id-dimensjoni doppja tar-regalità ta’ Kristu, imma f’għaqda ta’ oriġni spiritwali u kultant kanonika mis-sors ekkleżjali fejn tinġibed il-grazzja u l-qawwa tas-Sultan Imsallab.
6. U fl-aħħarnett ix-xhieda li llum tagħtu intom stess f’din il-Bażilika, għeżież ħuti membri tad-diversi assoċjazzjonijiet u movimenti ekkleżjali, fejn minkejja li taħdmu f’tant oqsma u skont dimensjonijiet differenti, tagħrfu mbuttati mill-istess Spirtu u msejħa mill-unika Knisja timpenjaw lilkom infuskom għall-uniku skop, li dwaru l-Konċilju qajjem l-għarfien ukoll fil-lajkat: l-attwazzjoni tas-Saltna ta’ Kristu fl-ordni kollha tal-ħolqien u tal-istorja, irrestawrata mir-Redenzjoni
Din l-opra fil-lingwaġġ nisrani, tissejjaħ ukoll rikonċiljazzjoni: finalità tas-Sena Ġubilari li fuqha ffissajtu l-ħsibijiet tagħkom b’mod partikolari fil-jiem li ġew qabel din iċ-ċelebrazzjoni ġubilari. Jien kuntent li ħadtu din il-finalità bħala l-impenn speċjali, fostkom u fuq il-qasam kollu tar-rapporti ekkleżjali u soċjali. F’din it-triq se tkunu kollaboraturi validi fil-Miġja tas-Saltna ta’ Kristu.
7. Lilkom mela, li fil-vokazzjoni nisranija tagħkom u fl-impenn tagħkom apostoliku ġġorru bħala siġill partikolari tal-għaqda ma’ Kristu-Sultan, indur lejkom fl-aħħar bil-kliem tal-Appostlu tal-ġnus.
Ħuti “roddu ħajr lill-Missier, li għamilkom denji li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl, ħelisna mill-ħakma tad-dlam, u daħħalna fis-Saltna ta’ Ibnu l-għażiż, li bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet” (Kol 1, 12-14).
Ħuti! Għal dan ejjew niżżu ħajr lill-Missier! U niżżuh ħajr billi nġorru fina din is-Saltna wkoll lill-oħrajn, lill-proxxmu, lil kulħadd; inġorruha bħal teżor inestimabbli! Inġorruha hekk, bħalma ġarrha fih Kristu nnifsu, u mbagħad l-Appostli tiegħu. Inġorruha b’mod li din is-Saltna, bil-qawwa tal-Ispirtu Santu, tinfirex mad-dinja kollha u tapprofondixxi.
Jalla tapprofondixxi u tikkonsolida ruħha bl-irradjazzjoni tal-verità u tal-imħabba. Jalla permezz tas-servizz ta’ ħajjitna u tal-kondotta tagħna – ikoll minkejja dak kollu li hu l-inqas favorevoli donnu jikber fi tmiem it-tieni millennju – tidwi, bħal fil-Liturġija tallum dik l-għajta ta’ ringrazzjament:
“Alleluia, Alleluia, Alleluia. “Imbierek min ġej f’isem il-Mulej: imbierka s-Saltna li ġejja” (Mk 11, 10). Alleluia.
Il-Missier jeħlisna bla jaqtà mill-qawwa tad-dlamijiet u jittrasferina fis-Saltna ta’ Ibnu l-għażiż. Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb