Il-Ħamis, 29 ta’ Awwissu 2024: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa tal-Martirju ta’ San Ġwann Battista. Rotunda Arċipretali ta’ San Ġwann Battista, Xewkija.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Fit-Tieni Qari li għadna kif smajna (2 Tim 4:1-8), San Pawl qalilna biex noqogħdu attenti biex meta nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, naħsbu u nirriflettu fuqha. Noqogħdu attenti biex ma mmorrux wara l-ħrejjef. U jkompli jgħidlu San Pawl lil Timotju li qegħdin ngħixu fi żmien fejn in-nies aktar kuntenti bil-ħrejjef milli bil-Kelma ta’ Alla.
Jiena naħseb illi dak iż-żmien għadu m’għaddiex! Naħseb illi, bħal fi żmien l-Isqof Timotju, illum ukoll aħna nkunu aktar kuntenti nisimgħu l-ħrejjef milli l-Kelma ta’ Alla. Dan għaliex, aktar milli naqrawha, il-Kelma ta’ Alla taqrana hi. Aħna meta naqrawha l-Kelma, tkun qed taqrana, tkun qed tagħmel bil-mod il-mod X-ray ta’ dak li jkun għaddej mill-moħħ u mill-qalb tagħna. U dan hu s-sabiħ tal-Kelma ta’ Alla: hi taqrana, mhux biex tikkundannana, imma biex nagħrfu li lilna Alla jħobbna anki jekk aħna midinbin, biex tikkonvinċina li aħna midinbin maħbubin u maħfurin.
Dan hu li m’għarafx Erodi! Kieku kellna naqraw biċċa żgħira qabel il-Vanġelu li għadna kif smajna minn San Mark (6:17-29), konna nsibu lil Erodi mħawwad, għaliex kellmuh dwar Ġesù, li kien qiegħed jagħmel il-mirakli, u Erodi ġieħ f’moħħu mill-ewwel: “Dak Ġwanni l-Battista, li jien qtajtlu rasu, qam mill-imwiet” (v. 14-16). U hawn diġà l-Kelma ta’ Alla tgħidilna ħafna: il-ħażin u d-dnub li nagħmlu jibqa’ jiġri warajna. Dan li ġralu Erodi: induna li kien għamel żball meta qatel lil Ġwanni l-Battista, u kif sema’ b’Ġesù, li kien jagħmel il-mirakli u jipprietka, moħħu mar fi Ġwanni. Id-dnub ma jorqodx, aħna hekk ngħidu. U Erodi mill-ewwel ġieh f’rasu li Ġwanni l-Battista qam mill-mewt.
Hekk jibda dan ir-rakkont li għadna kif smajna. U din diġà tgħidilna ħafna fuq il-ħajja tagħna. Allura jekk aħna niżbaljaw u jekk aħna għamilna l-ħażin, għamilna dnub bħalma għamel Erodi – forsi ma qtilna lil ħadd bis-sikkina, imma jista’ jkun li qtilna lil xi ħadd bi lsienna, bl-azzjonijiet tagħna, u forsi mhux darba u tnejn tiġri – allura issa x’se nagħmlu? Nistgħu nagħmlu bħalma għamel Pietru – għax Pietru wkoll ittradixxa lil Ġesù –, nagħrfu l-iżball li għamilna u mmorru quddiem il-Mulej nitolbuh iħenn għalina; jew nagħmlu bħalma għamel Erodi: dan ipprova jgħatti u jerġa’ jgħatti dak li għamel u jikkonvinċi lilu nnifsu li ma żbaljax. Toħroġ il-figura dgħajfa ta’ dan il-mexxej, li nafu dwaru mhux biss mill-Vanġelu, imma wkoll mill-ktieb tal-istoriku Ġużeppi Flavju. Dan Erodi Antipa, wieħed mit-tfal ta’ Erodi l-Kbir, kien bniedem dgħajjef u fraġli, bniedem idur ma’ kull riħ. Kien eżatt dak li ma kienx il-Battista għal Ġesù, mhux qasba li tixxejjer mar-riħ. “Xi ħriġtu taraw fid-deżert”, staqsa Ġesù dwar il-Battista, “qasba tixxejjer mar-riħ?” (Mt 11:7). Imma dan Erodi kien qasba tixxejjer mar-riħ.
X’jiġifieri meta ngħidu bniedem mingħajr prinċipju, mingħajr konvinzjonijiet, bniedem li jdur ma’ kull riħ? Jiġifieri bniedem li jħalli l-emozzjoni u s-sentiment tal-mument imexxuh. Jagħmel kif iħossu dak il-ħin. Jagħmel dak li jidhirlu li jaqbillu dak il-ħin. Ma jħarisx fil-bogħod, m’għandux prinċipji. Ma rriflettiex fuq ħajtu, illi kull darba li aġixxa skont l-emozzjoni tal-mument, wara seta’ ġara li ddispjaċieh. Qatt ma rrifletta fuq dan, jew anki jekk irrifletta, ma kienx kapaċi jgħid: ‘Aħjar ma nimxix mal-emozzjoni tal-mument, ma’ dak li nħoss li għandi nagħmel issa’.
X’kienu l-iktar emozzjonijiet qawwijin li kellu Erodi skont il-Vanġelu li għadna kif smajna?
L-ewwel waħda kienet li, miskin, kien iħalli jiġri bih dan il-bżonn kbir ta’ affettività, jiġifieri li jkun maħbub minn xi ħadd, minn mara, tant li sar skjav ta’ din il-mara, ilsir ta’ din l-emozzjoni. Il-Vanġelu kollu jurihulna dan. Mhux biss iġġieled ma’ ħuh Filippu fuqha. Mhux biss kien jismagħha tgerger il-ħin kollu, bil-mibegħda li kienet nibbtet ġewwa fiha għal Ġwanni, imma saħansitra wasal biex qatel il-vuċi, qatel bniedem, qatel raġel illi l-Vanġelu jgħidilna li minkejja li kien iniggżu, kien jieħu gost jisimgħu u għalih kien bniedem qaddis (ara Mk 6:20). Sar ilsir tal-bżonn tiegħu li jkun maħbub.
Issa aħna għidna li l-Kelma ta’ Alla taqrana. U jien nistaqsi: Liema kompromessi nagħmlu fil-ħajja tagħna biex nogħġbu lil xi ħadd? Liema azzjonijiet li aħna m’aħniex konvinti minnhom, li aħna ma rriduhomx, li nafu li huma ħżiena, nibqgħu nagħmluhom biex nagħlqu ħalq xi ħadd, għax nibżgħu li nitilfu l-ħbiberija jew l-imħabba tiegħu?
Il-Kelma ta’ Alla taqrana biex tagħmilna ħielsa u tkompli ddawwalna. Sakemm moħħu kien għadu hemm Erodi, għalkemm kien ilsir, anki ta’ din il-mara, hu kien b’xi mod jew ieħor kapaċi jgħix f’din l-ambigwità: minn naħa jħobb lil Ġwanni l-Battista u ma jridx jeqirdu, u min-naħa l-oħra – għax iħobb u ma jridx jitlef lil din il-mara – jissaporti t-tgergir tagħha, ir-rabja tagħha kontra Ġwanni l-Battista. Sakemm kellu moħħu luċidu, kien kapaċi jżomm f’sitwazzjoni ta’ ambigwità, sieq naħa u sieq oħra. Imma ġie l-mument li ma baqax luċidu. Ġie l-mument li, bejn il-mistednin, bejn is-sakra tal-inbid, bejn l-eċċitament illi ġegħlitu jħoss dik it-tfajla hi u tiżfen, ma baqax jirraġuna.
U hawnhekk il-Kelma ta’ Alla terġa’ ddawwalna. Liema huma dawk il-mumenti f’ħajjitna fejn aħna noħorġu mis-sensi tagħna, ma nibqgħux f’kontroll tal-persuna tagħna, u nagħmlu għażliet u deċiżjonijiet li jibqa’ jiddispjaċina għalihom ħajjitna kollha?
Aħna nafu ngħixu kollha kemm aħna f’dinja. Din l-ikla li għamel Erodi kienet biex jiċċelebra għeluq sninu. U proprju f’din l-ikla li fiha qed jiċċelebra l-ħajja, jeqred il-ħajja ta’ Ġwanni l-Battista. Ara x’ kontradizzjoni! L-ikel, sa minn meta konna żgħar f’ġuf ommna u kif ħriġna minnu, kien iservi għal żewġ raġunijiet: biex nieħdu l-ħajja u biex nidħlu f’relazzjoni ma’ xulxin – it-tarbija ma’ ommha jew ma’ min jisqiha u jitmagħha. Din l-ikla, li bħal kull ikla denja ta’ dan l-isem għandha sservi biex tagħti l-ħajja, issa ħadet tifsira totalment differenti: ma baqgħetx ċelebrazzjoni tal-ħajja u tal-komunjoni, kif suppost tkun kull ikla.
Iż-żewġ tifsiriet fundamentali ta’ kull ikla li nagħmlu huma l-ħajja u l-komunjoni. Illum dan is-sens qegħdin nitilfuh, għax spiċċajna kulħadd jiekol waħdu. Kulħadd jew ħafna jieklu weħidhom. Saret ukoll inqas umana: ħajja li tixbah iktar il-ħajja tal-magni. Tajtha ż-żejt biex tkompli miexja, il-batterija biex il-karozza tibqa’ miexja, biex il-mobile jibqa’ jaħdem.
Imbagħad bilfors li f’ċerti mumenti ta’ ħajjitna tiġri l-estremità. Kemm ikliet ta’ festi, flok li jkunu ċelebrazzjoni tal-ħajja u tal-komunjoni, jispiċċaw bħall-ikla li għamel Erodi u li fiha qatel lil Ġwanni l-Battista! Kemm nisma’ jien b’ċelebrazzjonijiet, anki tas-sagramenti – magħmudija, żwieġ, tqarbina, griżma – li jrid ikun hemm it-‘trab’ fihom ukoll, għax inkella ma jafux jifirħu, inkella mhux sew, inkella dak li jkun ma jkunx kuntent u eċċitat biżżejjed! U l-ikla, flok li sservi bħala ċelebrazzjoni tal-ħajja u tal-komunjoni, isservi għall-egoiżmu, biex jien inkun kuntent mhux l-oħrajn, biex jien inkun sew. Dan hu egoiżmu fittizju, falz, għax ikun qiegħed jeqridni bil-mod il-mod, mingħajr ma ninduna. Aħna wkoll għandna l-bżonnijiet tagħna, u jekk ma noqogħdux attenti dawn il-bżonnijiet tagħna jiġru bina. U meta nitilfu ftit il-kontroll, meta għal xi raġuni jew oħra ma nibqgħux nirraġunaw għalkollox, nagħmlu deċiżjonijiet jew għażliet li mbagħad jibqa’ jiddispjaċina minnhom, jibqgħu jfixkluna u forsi jibqgħu jiġru warajna għal ħafna snin minn ħajjitna, biex ma ngħidx għal ħajjitna kollha. Kultant ukoll jeħduhielna l-ħajja tagħna! Għax jekk tifel ta’ 16 jew 17-il sena diġà dara li mhux kapaċi jifraħ u jkun kuntent mingħajr droga, allura se jispiċċa biex id-droga stess, li jkun beda jużaha biex tagħmlu kuntent, tkun il-minġel, il-mannara, il-kundanna li teqridlu ħajtu. U dan mhux biss fil-mument tal-mewt – anki dak – imma għall-bqija tal-ħajja kollha kemm hi. U l-ikla, il-festa li suppost isservi bħala ċelebrazzjoni tal-ħajja u tal-komunjoni, minflok isservi biex tkun ċelebrazzjoni tal-qerda.
Allura fejn hu l-qofol ta’ dan kollu? Ġwanni l-Battista x’kellu speċjali? X’għandna bżonn infittxu aħna fil-ħajja tagħna? Dak li ma kellux Erodi! Fl-Ewwel Qari, Alla lill-profeta Ġeremija jgħidlu: ‘Nagħmel minnek fortizza qawwija, kolonna tal-ħadid, ħajt tal-bronż… jekk inti tisma’ l-Kelma tiegħi u xxandarha. Ħa nagħtik il-Kelma tiegħi fuq ilsienek biex tgħixha u xxandarha. Tkun ħajt tal-bronż, kolonna tal-ħadid, sur qawwi li ħadd ma jilħqek, li ħadd ma jkissrek’ (ara Ġer 1:17-19). Dak li kellu Ġwanni l-Battista, u dak li ma kellux Erodi; dak li qegħdin nitilfu aħna llum: il-Kelma ta’ Alla li tpoġġina f’postna, li tarana, li tipponta subgħajha lejna u tgħidilna li aħna qegħdin niżbaljaw. Imma fl-istess waqt din il-Kelma tagħtina l-qawwa biex ninbidlu u nikkonvertu, bil-maħfra li jagħtina Alla, bl-imħabba b’xejn li biha jħobbna Alla u jagħtina l-kuraġġ biex nagħmlu pass ’il quddiem biex ma nkunux skjavi.
Ma nafx min kien l-iktar liberu: jekk hux Ġwanni l-Battista, li kien kapaċi jagħti anki rasu għall-konvinzjonijiet tiegħu, jew Erodi, li kien is-sid ta’ parti kbira mill-pajjiż! Min kien l-iktar liberu f’qalbu: Ġwanni l-Battista, li ma kellux x’jilbes, ma kellux x’jiekol, jew Erodi, li kien qiegħed jagħmel dik il-festa kbira? U allura min kien l-iktar kuntent? Għax il-bniedem liberu hu l-bniedem kuntent. Ara għandhiex raġun il-Kelma ta’ Alla!
Ejjew nitolbu lill-Mulej bl-interċessjoni ta’ Ġwanni biex, kif il-Kelma ta’ Alla li kienet taħraq ġewwa fih, hu xandarha, wassalha, għexha b’kull mod, u saħansitra kien kapaċi jmut għaliha, aħna nagħrfu s-sbuħija, il-kobor u d-dawl li tagħtina l-istess Kelma f’ħajjitna, in-nifs ġdid tal-Ispirtu ta’ Alla li titfa’ fina, ħa tgħinna verament ngħixu umanament bħala bnedmin kuntenti u fil-paċi tassew.