Is-Sibt, 28 ta’ Settembru 2024: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Quddiesa Solenni tal-Inawgurazzjoni tal-Ministeru Pastorali tal-Kan. Krystof Buttigieg bħala Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur. Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, Nadur.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Inġbarna flimkien illejla biex naqilbu paġna u nkomplu naqraw il-ktieb, biex nagħmlu pass ieħor fil-mixja tagħna tal-fidi. Din il-mixja ma tiddependix biss mill-Arċipriet – minn Dun Krystof –, ma tiddependix biss mis-saċerdoti tal-Parroċċa, lanqas mis-saċerdoti l-oħra tad-Djoċesi li hawn jakkumpanjaw lil Dun Krystof f’dan il-mument għażiż, imma tiddependi minna lkoll, b’mod speċjali minnkom, poplu għażiż ta’ dan ir-raħal iddedikat lil Pietru u lil Pawlu, iż-żewġ nirien, iż-żewġt idwal kbar tal-Knisja.
Għażiż Arċipriet, il-Qari tal-lum, b’mod speċjali l-Vanġelu (Mk 9:38-43,45,47-48), jagħti direzzjoni ċara daqs il-kristall ta’ dak li għandek tagħmel b’mod prattiku fil-missjoni tiegħek. U timmaġinawx li dan il-Vanġelu għażlu l-Arċipriet, jew għażiltu jien jew min qiegħed jieħu ħsieb iċ-ċerimonja. Le, dan il-qari tal-Vanġelu tal-lum tagħżlu għalina l-istess Knisja. Huwa l-qari li jmiss, il-Vanġelu tal-Ħadd.
L-għira
Nixtieq nibda b’mistoqsija: X’tah fastidju lil Ġwanni biex imur fuq Ġesù u jgħidlu: “Mgħallem, wieħed raġel, li soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek… hu mhux wieħed minn tagħna” (9:38). X’kienet il-problema ta’ Ġwanni? Hawn xi ħadd tiġih xi ħaġa f’rasu? Kelma waħda rrid: l-għira. Għax għamilha hu u m’għamilthiex jien! U x’inhi l-għira? Meta jien b’xorti ħażina ma napprezzax biżżejjed dak li jien u dak li nagħmel, u ta’ ħaddieħor narah ikbar, isbaħ u aħjar. Jew agħar u agħar, jien noqgħod bi kwieti ma nagħmel xejn għax ma rridx taħbit, u nilmenta u ngerger u nikkritika dak li jagħmel ħaddieħor.
L-għira: meta t-tajjeb ma nibqax niggustah bħala tajjeb u bħala sabiħ, għax tagħmlu int u ma nagħmlux jien. U jekk tagħmlu int, ħa tieħu l-merti int u mhux jien. Jekk jien nara qassis jipprietka aħjar minni, jagħmel il-laqgħat aħjar minni, isejjaħ iktar nies minni, u jien flok ngħid: ‘Kemm hu bravu, kemm qiegħed jaħdem sew, kemm nieħu gost narah miexi ’l quddiem’, nibda ngħid: ‘Imma, imma, imma…’, u nikkritika minn hawn u minn hemm, inkun qiegħed nagħmel preċiż bħal Ġwanni.
Issa ħudu l-organi tal-Parroċċa tagħkom. Din hija xi ħaġa li tant ngħixu ġo fiha li lanqas nindunaw li nkunu niżbaljaw. Araw, ngħidu aħna, fil-politika x’jiġri: dak li jagħmel l-abjad kollu ħażin, anki meta jkun tajjeb; dak li jagħmel l-iswed kollu tajjeb, anki meta jkun ħażin. X’hemm fin-nofs? Il-jien… li m’iniex kapaċi ngħid: ‘Dik xi ħaġa sabiħa’, anki jekk min għamilha ma naqbilx miegħu. U flok li nkompli nippromovi, ngħin, insostni u nissapportja, nara kif nagħmel il-bsaten fir-roti, infixkel. Din tiġri fil-parroċċi, tafux! Ma nafx, forsi n-Nadur meħlusin minnha intom!
Il-komunjoni
Dan huwa wieħed mix-xogħlijiet ta’ Dun Krystof; u din se ġġiegħlu jbati, biex ma ngħidx: ‘Oqogħdu attenti intom biex ma ġġagħluhx ibati’. Għax is-saċerdot irid ifittex it-tajjeb, is-sabiħ, u ma jridx joqgħod jiġi jisma’ lil dik u lill-oħra: ‘Isma’, għax dik l-ixkupa ma poġġithiex f’postha mbagħad wara li naddfet’. Jekk sibtha int l-ixkupa, mur naddaf u iġborha lura f’postha! Nibdew infettqu! Għax l-aktar importanti ma jibqax li nagħmlu t-tajjeb, is-sabiħ, li nimxu wara Ġesù, imma li jekk jista’ jkun ikun hemm il-jien, jidher ħafna l-jien. U din hija battalja li għandu kull wieħed u waħda minna. Ara taħsbu li jien meħlus minnha. Kollha kemm aħna qegħdin fiha. Għalhekk il-Vanġelu hu ta’ veru. U allura, Dun Krystof, waħda mill-missjonijiet il-kbar tiegħek hi li tipprietka l-komunjoni, l-għaqda.
Ħa jkun hemm diversi għaqdiet fil-Parroċċa, mela le. Imma jkunu jittradixxu l-isem tagħhom, ta’ għaqda – għaqda tal-armar, għaqda tan-nar, għaqda tal-festa, għaqda ma nafx ta’ xiex, għaqda tal-Azzjoni Kattolika – ikunu jittradixxu l-kelma ‘għaqda’ jekk imbagħad bejniethom huma ħolqa ’l hawn, ħolqa ’l hemm, u ħolqa ’l hinn, u mhumiex katina. U biex tkun katina trid ġlieda, sforz. Hawn intom għandkom eżempju kbir: Pietru u Pawlu. Dawn kienu tnejn – ftit huma l-parroċċi li għandhom żewġ Patruni – u dawn tnejn għax jurukom il-komunjoni, jurukom l-għaqda, jurukom il-bżonn li jkun hemm il-ftehim. U l-ftehim ma jiġix waħdu.
Ara kemm huwa attwali l-Vanġelu! Dan l-istess diskors għamlu Pawlu f’waħda mill-ittri tiegħu: “…hemm fostkom min jgħid: ‘Jien ta’ Pawlu’, u ieħor: ‘Jiena ta’ Apollo’. U Pawlu qalilhom: ‘Alla hu li kabbar’” (1 Kor 3:4-6). U jekk hemm il-ġid, jekk hemm it-tajjeb, hemm l-Ispirtu ta’ Alla li rridu nirrispettaw. U rridu niġġeddu u nitħabtu ta’ veru. Mhux issa kif noħorġu minn hawn ninsew u nerġgħu nibdew infettqu. Ta’ veru rridu nitħabtu bħala Nsara u ngħidu: ‘Din hija ġlieda li rrid nagħmel kontra tiegħi nnifsi, li t-tajjeb hu iktar importanti milli jekk nagħmlux jien jew le. Anki jekk għamlu ħaddieħor, jibqa’ tajjeb, jibqa’ sabiħ’.
It-tazza tal-ilma
Allura din l-ewwel missjoni tiegħek, Dun Krystof. Din il-missjoni hija tagħkom. “Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu” (9:41). X’jiġifieri tagħti tazza ilma? Dun Krystof u s-saċerdoti tal-Parroċċa għandhom bżonn il-kollaborazzjoni ta’ kulħadd. Għalhekk Ġesù jitkellem fuq tazza ilma. Hawn ġew kulħadd kapaċi jmur jimla tazza ilma u jagħtiha. Għax kulħadd għandu x’jagħti. Kulħadd jista’ jagħti sehmu. M’hemmx ragħaj mingħajr merħla, ministru bla portafoll. M’hemmx merħla mingħajr ragħaj. Imma flimkien, ragħaj u merħla ma’ xulxin.
Smajnieh it-Tieni Qari (Ġak 5:1-6). Kull wieħed u kull waħda minnkom għandu t-tazza tal-ilma speċifika tiegħu x’joffri u x’jagħti, li jekk ma tagħtihiex int fil-Parroċċa, ma jagħtihiex l-ieħor. Imma rridu nagħtuha bl-ispirtu ta’ dak li għadna kif għidna. U hawn il-ġlieda, fl-ispirtu ta’ dak li għadna kif semmejna! Sempliċiment bħala qadi, bħala qaddej. Issa jekk ġejtx rikonoxxut, ma ġejtx rikonoxxut, qalulix u ma qalulix, u ħallewni barra… U kemm ftietaq u problemi, li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ dak li jixtieq il-Mulej Ġesù minna.
Il-kollaborazzjoni
Allura hawnhekk hija sejħa għall-kollaborazzjoni ta’ kulħadd. Ara kemm qegħdin nies hawnhekk. Hawn ħafna nies illejla hawn! Xena sabiħa. Intom m’intomx tarawha, imma jien qed naraha minn hawn fuq. Din il-familja, din il-komunità illi qiegħda tagħmel dan il-pass ieħor fil-mixja tagħha. Kieku llejla kull wieħed u kull waħda minna li hawn hawnhekk, ngħidu: ‘Kif nista’ ngħin jien fil-Parroċċa?’! Mhux billi noħloq, fejn naf jien, grupp ieħor tal-armar. Dak ukoll jgħin, imma lill-kultura, mhux se jgħin il-ħidma pastorali tal-Arċipriet. Ngħin billi npoġġi lili nnifsi għad-dispożizzjoni ta’ min qiegħed imexxi; mhux jikkmanda, imexxi. Imexxi jiġifieri jimxi quddiem: dak hu li jmexxi, mhux jikkmanda u jibbossja. Inpoġġi lili nnifsi u l-kapaċitajiet tiegħi għad-dispożizzjoni ta’ min qiegħed imexxi u ngħidlu: ‘Jien hawnhekk qiegħed biex naqdi. Jekk għandek bżonni, sewwa; jekk m’għandekx bżonni, noqgħod bi kwieti’. Imma kemm tkun ħaġa sabiħa li kieku kollha kemm aħna npoġġu għad-dispożizzjoni ta’ Dun Krystof il-kapaċitajiet tagħna b’sens ta’ qadi! Ngħidilkom illi ma jkunx hawn wisa’ fil-knisja għan-nies. Jaħasra, veru l-missjoni, l-appostolat hu xi ħaġa verament kumplessa u kbira, xi ħaġa ta’ Alla, imma xi ħaġa sempliċi: ta’ relazzjonijiet, titkellem ma’ dak, titkellem ma’ dik, titkellem mal-ieħor u titkellem mal-oħra. Tistieden lil dak, kelma sabiħa lil dak, kelma tajba lill-ieħor. Dan hu l-appostolat. Dan hu l-mod kif timxi l-fidi. U allura t-tieni biċċa xogħol li jitlob il-Vanġelu, jitlobha lilkom: li tagħtu tazza ilma.
Id-direzzjoni mill-Kelma ta’ Alla
It-tielet biċċa xogħol u l-aħħar waħda li jitlob il-Vanġelu. Il-Parroċċa mhix ażjenda, mhix kumpanija. Il-Parroċċa mhix VO, mhix għaqda ta’ volontarjat. Il-Parroċċa mhix fondazzjoni. Il-Parroċċa m’għandhiex f’moħħha l-iskop li tagħmel il-flus. Il-Parroċċa m’għandhiex l-iskop li tkun l-aqwa u l-aħjar. Tinsewx l-ewwel biċċa tal-Vanġelu: l-aqwa u l-aħjar, għax hemm il-jien, il-kburija, is-suppervja personali. Il-Parroċċa mhux dak l-iskop tagħha, imma li timxi wara Ġesù bil-Kappillan fuq quddiem nett, li jimxi wara Ġesù. U jekk tridu timxu wara Ġesù, lill-Arċipriet tagħkom tridu tħalluh jagħtikom direzzjoni, tridu tħalluh jgħidilkom skont Ġesù, fl-għajnejn ta’ Ġesù x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.
Il-parti tal-aħħar tal-Vanġelu niftakruha: “Idek… aqtagħha barra. Riġlek… aqtgħu barra. Għajnek… aqlagħha barra…” (9:43-47), biex ma tagħmilx il-ħażen. Qed ngħixu f’dinja fejn kulħadd jagħti l-permess lilu nnifsu li jagħmel li jrid. Imbagħad il-konsegwenzi ngħixuhom kollha kemm aħna: inkwiet, dwejjaq, stress, dipressjoni. Imma kulħadd jagħmel li jrid, u sadanittant għax m’għandniex direzzjoni. Ħalluh lill-Arċipriet jagħtikom direzzjoni, flimkien mas-saċerdoti sħabu. Aċċettawha d-direzzjoni li jagħtikom, mhux bħala sempliċiment sottomissjoni umana, imma bħala att ta’ smigħ u ubbidjenza lejn il-Kelma ta’ Alla. Il-kelma ubbidjenza hija magħmula minn żewġ kelmiet: ‘ob’ u ‘audire’ – mis-smigħ. Aħna ngħiduha: ‘Isma’ minni, obdini, isma’ minni’. Imma għalfejn? Biex imexxi u jkun il-kmand? Serrħu raskom li lil Dun Krystof nafu ftit: żgur li m’għandux f’moħħu li jikkmanda, li jibbossja. Żgur li assolutament mhux it-tip. Imma ħalluh jagħtikom direzzjoni mill-Kelma ta’ Alla. Mhux il-kelma tiegħu, il-Kelma ta’ Alla. Ħalluh jgħinkom toqorbu lejn Ġesù. U meta noqorbu lejn Ġesù jkun jaqbel lilna. Ma ninsewx kif fil-Vanġelu, qabel ma Ġesù jgħid: “Idek… aqtagħha barra. Riġlek… aqtgħu barra. Għajnek… aqlagħha barra…”, jgħid kelma interessanti ħafna: “Jaħbatlek aħjar” (9:43-47), ikun jaqbillek. Mela jaqbel lilek, jaqbel lili, jaqbel lilna li nimxu skont il-kelma ta’ Ġesù.
Il-Mulej jagħtikom li f’dan il-pass ġdid li qegħdin tkomplu – għax ilkom li bdejtuh ma’ Dun Krystof – toqorbu ftit iktar lejh fuq l-eżempju tal-qaddisin il-kbar tagħkom Pietru u Pawlu.