Is-Sibt, 12 ta’ Ottubru 2024, it-28 Ħadd ta’ Matul is-Sena: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-50 anniversarju tal-Ispigolatrici della Chiesa. Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Il-Vanġelu tal-lum (Mk 10:17-30) ikellimna dwar marda partikulari u kerha. L-iskop tal-Vanġelu mhux tant li jkellimna dwar kif Alla jkun kuntent, imma dwar kif aħna nkunu kuntenti. Il-Vanġelu jkellimna dwar il-bniedem, u Ġesù llum jitkellem dwar din il-marda proprju biex jgħinna neħilsu minnha. Bil-Grieg din il-mardajsejħulha pleonexia. Mhix marda tal-qalb, u lanqas hi marda tal-moħħ; mhix marda tal-ġilda, lanqas tan-nervaturi. Imma hi marda tal-bniedem kollu kemm hu. Hija kankru li jmiss kull parti tal-persuna.
Liema hi din il-marda? Meta aħna b’mod żbaljat, forsi kultant mingħajr ma nindunaw, inpoġġu l-flus fl-ewwel post. U neta tpoġġi l-flus fl-ewwel post, ma tibqa’ tara ’l ħadd. Biex ma tibqax tara ’l ommok u ’l missierek, biex ma tibqax tara ’l ħutek, veru ma tibqa’ tara lil ħadd! Ġesù darba fil-Vanġelu qal: “Jew tħobb ’l Alla jew il-flus” (ara Lq 16:13). U kellu raġun jgħidha, għax jekk jien inpoġġi l-flus bħala l-aktar ħaġa importanti f’ħajti, mingħajr ma ninduna nħossni alla. Għax bil-flus tagħmel kollox, jew mingħalik tagħmel kollox. U min jagħmel kollox? Alla! Allura b’mod żbaljat jien inħossni alla, sakemm ma tiġrix xi ħaġa li ma tistax tixtriha jew tħallas għaliha bil-flus. U ħafna drabi mbagħad mhux talli tinduna, talli tispiċċa f’dipressjoni, tispiċċa fl-estrem l-ieħor: minn alla, mill-quċċata tas-sema, tinżel fil-qigħan tal-art. U din xi darba jew oħra fil-ħajja trid tiġri.
Allura meta Ġesù liż-żagħżugħ għani jistaqsih u jgħidlu: “Il-kmandamenti tafhom?” – jiġifieri, lil ommok u lil missierek tirrispettahom?, tisraq?, ma tisraqx?, tigdeb?, ma tigdibx? – Ġesù kien qed jippruvah. Għax min ipoġġi l-flus fl-ewwel post, dawn il-kmandameti jsibha bi tqila biex jobdihom. Jekk tpoġġi l-flus fl-ewwel post, issibha bi tqila biex tobdi l-Kmandamenti u tibda tiġġustifika kollox, u s-serq jibda jsir profitt; ommok u missierek jibdew isiru xkiel biex inti tilħaq u tasal fejn tkun waħħalt f’moħħok li tasal; ħutek, dawk li m’għandhomx flus, tibda tqishom dubbien; dawk li għandhom flus aktar minnek, tibda tibża’ minnhom u tħosshom kompetituri tiegħek! Ara x’fixla tiġri fil-bniedem u ma nindunawx! Jinsa l-bniedem min hu tassew.
Ġesù jrid jgħinna nkunu nies ta’ veru. Il-flus għandna bżonnhom, irridu naħdmu għalihom, u sewwa li jkollna, imma ma għandniex nagħtuhom l-ewwel post. Għax jekk ikollhom l-ewwel post, nimirdu bil-pleonexia, naħsbu li aħna allat, nitilful-bearings, nitilfu l-orjentament, ma nibqgħux nafu tassew min aħna. Il-Vanġelu jixtiqilna l-ġid lilna, jixtieq li aħna nkunu kuntenti, u għalhekk il-Vanġelu jitlobna biex imbagħad mas-Salmista nitolbu lill-Mulej jagħtina l-għerf tiegħu, l-intelliġenza tiegħu, u jagħtina li naħsbu kif kien jaħsibha hu (ara Salm 90).
Illejla qed infakkru l-50 anniversarju mill-preżenza ta’ dawn ix-xebbiet f’nofsna, ikkonsagrati lil Alla. Qegħdin infakkru nies li kontinwament bil-ħajja tagħhom ifakkruna li l-flus mhumiex kollox. Waħda mill-affarijiet li jagħmlu dawn ħutna meta jgħixu f’komunità hija li jpoġġu kollox flimkien. Għax il-flus huma importanti, huma mezz, mhux skop. U kemm għandna bżonn fi żmienna li nkunu xhieda, aħna b’mod speċjali! Kemm għandna bżonn inkunu tassew xhieda fil-ħajja tagħna u l-flus inqisuhom bħala mezz, bħala strument u mhux bħala skop.
Naħseb li dak kollu li qed ngħid illejla jdawwal xi ftit dak li qed jingħad fil-gazzetti, fl-aħbarijiet u fir-radjijiet dwar dik il-manuvra li se ssir mill-bank [APS] li b’mod tradizzjonali jissejjaħ ‘tal-Knisja’. Il-Vanġelu jrid idawwal id-deċiżjonijiet u l-għażliet tagħna dejjem, għall-ġid tagħna. Meta aħna l-flus inpoġġuhom f’posthom, u ma nħalluhomx imexxuna minn imneħirna, il-flus ingawduhom u ngawduhom tassew.
Kemm hawn nies jgħaddu ħajjithom jaħdmu u jistinkaw lejl u nhar! Għax il-problema mhix li jilħqu somma… għax meta tilħaq dik is-somma trid tirduppjaha, trid tkabbarha. Mhux dik il-problema, imma l-kilba, il-pleonexia li hemm ġo fik li ma jsoddha u ma jwaqqafha ħadd u xejn, għax dejjem trid, għax qatt ma hu biżżejjed, bl-illużjoni li xi darba se tgawdihom. Imbagħad lanqas igawduhom ta’ warajk, għax tħalli ħafna fuq xiex jiġġieldu.
Il-Mulej jagħtina l-grazzja tal-intelliġenza tal-Iskrittura. Il-Mulej jagħtina l-grazzja li dawk l-għażliet ta’ ħajja li wħud madwarna jagħmlu – li jikkonsagraw lilhom infushom lil Alla – nifhmu li mhumiex storja tal-passat, imma bżonn tal-bniedem illum. Dak li jgħid il-Vanġelu qed narawh iseħħ f’demm u laħam, f’esperjenza ta’ persuni.
Il-Madonna Ta’ Pinu tagħtina l-għajnuna li nersqu dejjem aktar lejn Binha Ġesù.