SOLENNITA’ TAL-EPIFANIJA TA’ SIDNA ĠESU’ KRISTU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika Vatikana
Il-Ħamis, 6 ta’ Jannar 1984
1. Illum, fuq ix-xefaq tal-Milied, jitfaċċaw tliet figuri ġodda: il-Maġi tal-Lvant.
Ġejjin mill-bogħod, isegwu d-dawl tal-kewkba li dehrithilhom. Jiġbdu lejn Ġerusalem, jaslu fil-qorti ta’ Erodi. Jistaqsu: “Fejn hu s-sultan tal-Lhud li twieled? Rajna tiela l-kewkba tiegħu biex nadurawh” (Mt 2, 2).
2. Fil-Liturġija tal-Knisja s-sollennità tallum ġġib l-isem ta’ Epifanija tal-Mulej. Epifanija jiġifieri wirja.
Din l-espressjoni tistedinna biex naħsbu mhux biss dwar il-kewkba li dehret għal għajnejn il-Maġi, mhux biss dwar it-triq li dawn l-irġiel tal-Lvant terrqu, isegwu s-sinjal tal-kewkba. L-Epifanija tistedinna biex naħsbu dwar it-triq interna, li fil-bidu tagħha tinsab il-laqgħa misterjuża tal-intellett u tal-qalb umana bid-dawl ta’ Alla nnifsu.
“Id-dawl… li jdawwal lil kull bniedem li jiġi fid-dinja” (cf. Ġw 1, 9).
It-tliet personaġġi tal-Lvant segwew b’ċertezza dan id-dawl ferm qabel ma dehret il-kewkba.
Alla kellimhom bl-elokwenza tal-ħolqien kollu: qal li hu, li jeżisti; li hu Ħallieq u Mulej tad-dinja.
F’ċertu waqt, ‘il hemm mill-velu tal-krejaturi, qarrabhom ferm iktar lejh. U, fl-istess ħin, beda jafdalhom il-verità tal-miġja tiegħu fid-dinja. Huma, b’xi mod, saru jafu dwar il-pjan divin tas-salvazzjoni
Il-Maġi wieġbu bil-fidi għal dik l-Epifanija nterna ta’ Alla.
3. Din il-fidi ppermettitilhom li jagħrfu s-sinifikat tal-kewkba. Din il-fidi ordnatilhom biex iterrqu. Marru Ġerusalem, il-kapitali ta’ Iżrael, fejn il-verità dwar il-miġja tal-Messija kienet għaddiet minn ġenerazzjoni għall-oħra. Kienu ppridkawha l-Profeti, u kienu kitbu l-kotba mqaddsa.
Alla li tkellem bl-Epifanija nterna lill-qalb tal-Maġi, kien tkellem tul is-sekli mal-Poplu magħżul u kien ippridkalu l-istess verità dwar il-miġja tiegħu.
4. Din il-verità twettqet fil-lejl tat-Twelid ta’ Alla f’Betlem, Diġa dak il-lejl huwa l-Epifanija ta’ Alla li ġie: Alla li twieled mill-Verġni u kien imqiegħed f’maxtura fqajra. Alla li ħeba l-miġja tiegħu fil-faqar tat-twelid f’Betlem: Hekk hi l-Epifanija tal- ħabi divin.
Grupp ta’ rgħajja biss kien ħaffef għal-laqgħa…
Imma issa hekk hu li jiġu l-Maġi. Alla li jinħeba minn għajnejn il-bnedmin li jgħixu qribu, jiżvela ruħu lill-bnedmin li ġew mill-bogħod.
Il-profeta jgħid f’Ġerusalem:
“Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek, u s-slaten fid-dija ta’ sbiħek. Għolli dawwar għajnejk ma dwarek u lkoll miġbura ġejjin għandek.Uliedek ġejjin mill-bogħod” (Iż 60, 3-4).
5. Tiggwidahom il-fidi. Toggwidahom il-qawwa nterna tal-Epifanija
Dwar din il-qawwa jitkellem il-Konċilju:
“Jogħġob lil Alla fit-tjubija u l-għerf tiegħu li hu stess jirrivela u juri l-misteru tar-rieda tiegħu (cf. Ef 1, 9), li permezz tagħha l-bnedmin permezz ta’ Kristu, Verb magħmul bniedem, fl-Ispirtu Santu għandhom aċċess għall-Missier u saru parteċipi tan-natura divina (cf. Ef 2, 18; 2 Pt 1, 4). Infatti b’din ir-rivelazzjoni Alla inviżibbli (cf. Kol 1, 15; 1 Tm 1, 17) fl-imħabba kbira tiegħu ikellem lill-bnedmin bħal lill-ħbieb (cf. Es 33, 11; Ġw 15, 14-15) u jitkellem magħhom (cf. Bar 3, 38), biex jistedinhom u biex idaħħalhom f’komunjoni miegħu” (Dei Verbum, 2).
Il-Maġi tal-Lvant iġorru magħhom dik il-qawwa nterna tal-Epifanija. Din tippermettilhom li jagħrfu l-Messija fit-Tarbija mimduda fil-maxtura. Din il-qawwa tordnalhom li jinxteħtu quddiemha u jofrulha r-rigali: deheb, inċens u mirra (cf. Mt 2, 11).
Il-Maġi huma fl-istess ħin aħbar bil-quddiem li l-qawwa interna tal-Epifanija se tinfirex b’mod wiesà fost il-bnedmin tad-dinja.
Il-profeta jgħid: “Imbagħad tħares u wiċċek jiddi u timtelà qalbek, / għax fuqek taqà l-kotra tal-ġid tal-ibħra, / u l-għana tal-ġnus jiġi għandek” (Iż 60, 5).
6. Għeżież ħuti, li din il-lejla intom imlaqqà fil-Bażilika ta’ San Pietru mill-Asja, mill-Afrika u mill-Ewropa biex tirċievu l-ordinazzjoni episkopali minn idejn l-Isqof ta’ Ruma, li jsellmilkom kordjalment permezz tal-elokwenza tas-sollennità tallum, li turi l-Mulej lid-dinja kollha, għaliex il-miġja tiegħu hija għal kulħadd.
Mill-abbundanza tal-Epifanija ta’ Alla jitwieled illum l-episkopat tagħkom. Il-konsagrazzjoni hija fl-istess ħin sejħa biex tossottomettu ħajjitkom kollha lill-qawwa nterna tal-Epifanija, li permezz tagħha Alla nfinit jafda lil kull wieħed minnkom il-Ministeru feddej tiegħu f’Ġesù Kristu, imwieled fil-lejl ta’ Betlem mill-Verġni Omm.
Ilqgħu illum din is-sejħa li l-Knisja qiegħda tagħmlilkom.
Ippermettu lil din il-qawwa divina li ddawwalkom fi qlubkom bħal f’Ġerusalem intern, li għaliha l-liturġija tallum tgħid: “Qum, ħa jiddi wiċċek, / id-dawl tiegħek wasal, / Jiddi fuqek sebħ il-Mulej” (Iż 60, 1).
Ippermettu lill-qawwa feddejja tal-Epifanija divina li ddawwalkom fost il-bnedmin u l-popli, li għandhom intom mibgħuta, bħala xhieda tal-verità u tal-ħniena.
Tassew: “Il-għana tal-ġnus jiġi għandek” (Iż 60, 5).
U mad-don tas-sollennità tallum twieġbu b’don inċessanti, kontinwu: offru deheb, inċens u mirra.
B’dan il-mod l-abbundanza tal-Epifanija divina tibqà fikom u mill-ġdid tiġġedded fit-triq tas-servizz apostoliku. Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb