minn Manwel Cutajar
Il-Mużika u l-Kant fl-Antik Testment,b’referenza speċjali għas-Salmi
Għarfien dwar il-perijodu bibliku jista’ jinkiseb l-aktar mir-referenzi letterarji fil-Bibbja kif ukoll minn sorsi post-bibliċi. L-istudjużi u l-istoriċi tar-reliġjon u l-mużika jsostnu li l-mużika, kemm vokali kif ukoll strumentali,kienet ikkultivata sew fost il-Lhud,il-Kristjani tat-Testment il-Ġdid, u l-Knisja Kristjana matul is-sekli.
Ħarsa lejn it-Testment il-Qadim turi kif il-poplu Ebrajk kien iddedikat għall-istudju u l-prattika tal-mużika, li għandha post uniku fil-kotba storiċi u profetiċi,kif ukoll fis-Salterju.
Il-mużika tar-ritwali reliġjuża kienet użata ferm mis-Sultan David li kien ifaħħar lil Alla waqt li jdoqq l-arpa ukien ħatar ukoll irġiel mit-Tribu ta’ Levi bħala l-“kustodji tal-mużika tas-servizz Divin”.
Mid-39 ktieb tat-Testment il-Qadim,il-Ktieb tas-Salmi bil-150 Salm li hemm fih,attribwiti lis-Sultan David,serva bħala sisien tal-Innoloġija Ġudeo-Kristjana.
Ħafna mill-isbaħ mużika tal-Bibbja Ebrajka tinsab fis-Salmi,”Il-kelma “salm” li hija ppronunzjata b’p siekta ġejja mill-kelma Griega ψαλμοί (psalmoi), li tfisser ”għanja kantata għall–(mużika) tal-arpa.”
Is-salterju kien wieħed mill-istrumenti li jakkumpanjaw is-Salmi.
Aktar tard il-kelma “salterju” bdiet tfisser u tirreferi għal kull forma ta’ melodija. Is-Salmi kienu kantati mis-saċerdoti u l-kongregazzjoni,jew minn żewġ korijiet.
L-istudju ta’ strumenti mużikali antiki ilu pprattikat għal sekli sħaħ b’xi riċerkaturi jistudjaw strumenti minn Iżrael li jmorru lura għall-perjodu bibliku.
Il-Tagħrif arkeoloġiku u miktub juri biċ-ċar li l-mużika kienet parti integrali mill-ħajja ta’ kuljum f’Iżrael tal-qedem. Figurini u rappreżentazzjonijiet ikonografiċi juru li n-nies daqqew il-kordifoni u t-tnabar tal-qafas, u li l-vuċi umana kienet essenzjali hekk kif in-nisa u l-irġiel kantaw għanjiet ta’ imħabba kif ukoll ta’ niket b’rispett għall-mejtin. It-tagħrif jiddeskrivi wkoll xeni fil-beraħ ta’ mużika u żfin ta’ rabja,kultant profetiċi.
Għaldaqstant,fil-perjodu bibliku, insibu kultura mimlija mużika, fejn in-nies użaw il-mużika fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Mużika bħal din kienet kapaċi tesprimi varjetà kbira ta’ burdati u sentimenti ta’ ferħ u niket, korla,tama u biża’, fidi u dubju.
Minn dan jidher kemm il-mużika u l-kant kellhom sehem importanti ferm kemm fil-ħajja sekulari u komunitarja kif ukoll fil-ħajja reliġjuża tal-Lhud.
Xi Salmi kienu mnebbħa mill-Opra Divina ta’ Alla fil-Jiem tal-Ħolqien imsemmija fl-Ewwel u t-Tieni Kapitoli tal-Ktieb tal-Ġenesi. Bosta vrus tas-Salmi jirreferu propju għal dawn il-jiem. Filfatt,mill-150 Salm sitta minnhom,jiġifieri s-Salmi 8,19,29,65,104,u 139 (b’mod aktar estentiv fis-Salm 104) spiss jissejħu s-Salmi tal-Ħolqien għax jipprovdulna dehra ta’ kif Alla jridna narawH fl-Opri tal-Ħolqien Tiegħu.
Il-Miraklu Ewkaristiku f’Fatima, Portugal
Tħejjijiet kbar normalment jippreċedu ġrajjiet kbar.Hekk ġara f’Fatima! Id-dehriet tal-Madonna f’Fatima kienu preċeduti minn tliet Dehriet tal-Anġlu tal-Paċi lill-viżjunarji Lucia, Francisco u Jacinta, it-tlett itfal li dehritilhom il-Madonna għal sitt darbiet bejn it-13 ta’ Mejju u t-13 ta’ Ottubru 1917.
Kien propju f‘waħda minn dawn id-dehriet tal-Anġlu li seħħ dal-Miraklu Ewkaristiku.
F’jum tar-Rebbiegħa fl-1916 Lucia, Francisco u Jacinta kienu qed jipproteġu lilhom infushom minn xita fina fl-għoljiet ħdejn Cova da Iria,imsejħa “Cabeço”,fejn kienu jmorru jaħdmu l-għelieqi,u jilagħbu wkoll.
F’daqqa waħda,riħ qawwi heżżeż is-siġar. Imbagħad it-tfal raw żagħżugħ ta’ sbuħija kbira miexi lejhom. Kellu madwar ħmistax-il sena,u jiddi bħal kristall milqut mir-raġġi tax-xemx.
Hekk deher l-Anġlu għall-ewwel darba!
Suor Lucia, aktar tard matul ħajjitna, iddeskriviet dak li seħħ dakinhar:
“Malli daż-żagħżugħ resaq lejna qalilna:‘Tibżgħux! Jiena l-Anġlu tal-Paċi. Itolbu miegħi.’
Niżel għarkobbtejh,tbaxxa sakemm rasu messet l-art. Aħna għamilna l-istess u rrepetejna l-kliem li smajnieh jgħid:‘Alla tiegħi! Nemmen, nadurak, nittama Fik u nħobbok! Nitolbok maħfra għal dawk li ma jemmnux, ma jadurawkx, ma jittamawx u ma jħobbukx.‘ Imbagħad għeb.”
Il-Miraklu Ewkaristiku li seħħ fit-Tielet Dehra tal-Anġlu
L-aħħar dehra tal-Anġlu seħħet fil-bidu tal-Ħarifa tal-1916,għal darb’oħra f’Loca do Cabeço.Skont ir-rakkont ta’ Suor Lucia, seħħ hekk:
“Wara li kilna xi ħaġa,morna nitolbu fi grotta fuq in-naħa opposta tal-għolja…Hekk kif wasalna,inżilna għarkobbtejna, b’wiċċna mal-art u bdejna ntennu t-talba li għallimna l-Anġlu: ‘Alla tiegħi! Nemmen, nadurak …’ Ma nafx kemm-il darba konna għidna dit-talba meta rajna dawl straordinarju jiddi fuqna. Qomna biex naraw x’kien qed jiġri u rajna lill-Anġlu b’kalċi f’idu x-xellugija. Qtar tad-Demm waqgħu fil-kalċi minn Ostja sospiża fuq l-kalċi.”
Waqt li ħalla l-kalċi u l-Ostja sospiżi fl-arja, l-Anġlu niżel ħdejn it-tfal u qal it-talb li ġej għal tliet darbiet:
‘Trinità Qaddisa,Missier,Iben u Spirtu s-Santu,jiena nadurak profondament u noffrilek il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità l-Iktar Prezzjuż ta’ Ġesù Kristu, preżenti fit-tabernakli kollha tad-dinja, bħala kumpens għall-insulti,sagrileġji u indifferenza li bihom Huwa offiż.U permezz tal-merti infiniti tal-Qalb l-Iktar Imqaddsa Tiegħu u tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija,nitlob minnek il-konverżjoni tal-midinbin foqra.’
Imbagħad, -Anġlu qam u qarben lil Lucia bl-Ostja, u Francesco u Jacinta li kienu għadhom ma għamlux l-Ewwel Tqarbina,tahom it-Tqarbin mill-kontenut tal-kalċi biex jixorbu,u qal: ‘Ħudu u ixorbu l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu,li Huwa insultat b’mod orribbli minn irġiel ingrati! Agħmlu riparazzjoni għad-delitti tagħhom u kkonslaw lil Alla tagħkom.’
“L-Anġlu reġa’ nxteħet mal-art u tenna magħna l-istess talba tliet darbiet oħra: ‘Trinità Qaddisa…’ u mbagħad għeb.
“Bqajna f’dil-qagħda għal ħin twil,nirrepetu l-istess kliem għal darb’oħra.Meta fl-aħħar qomna, ndunajna li dalam u kien il-ħin li mmorru d-dar…”
(Referenzi: Suor Lucia,Memórias e Caritas, pp. 109-119; Fr. John De Marchi,Fatima – Il-Fatti,pp. 34-37;Kanonku José Galamba de Oliveira, “Historia das Aparições”f’Fátima,altar do mundo,vol. 2, pp. 51-59).
Nota: Ladarba qegħdin nitkellmu dwar it-tlett itfal Lucia,Francisco u Jacinta tajjeb ngħidu li fil-5 ta’ Ottubru 2024 fis-Santwarju Parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima, Gwardamangia, ġiet inawgurata u mbierka opra mill-isbah fil-mużajk f’apside ċentral,ċilindriku,maħduma mill-kumpanija Eikon f’Għawdex, immexxija minn Fr.Roberto Gauci, fuq wara tal-Istatwa tant devota tal-Madonna ta’ Fatima nkurunata.Naturalment, ma jistax jonqos li f’dal-mużajk hemm il-figuri ta’ Lucia ,San Francisco u Santa .Jacinta Marto li rċevew l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu minn idejn l-Anġlu fil-Miraklu Ewkaristiku ta’ Fatima.
Preżenti għal dil-inawgurazzjoni kien hemm ukoll l-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona O.P.Prosit tabilħaqq lill-Kappillan Patri Joseph Zahra O.P. u l-Komunità Duminkana, lil Fr Roberto Gauci tal-arti tiegħu u l-Komunità Parrokkjali ta’ G’Mangia għal dil-opra tant artistika u sabiħa, mimlija b’simboli b’tifsir reliġjuż u teoloġiku.