Qatt mhu biżżejjed

Nammettu jew le l-ħajja li qed ngħixu fiha hi dgħajfa issemmix. Ibda biex mhux kull parti hemm l-għana. Jeżiżtu tant postijiet fejn, minflok għana, hemm miżerja sħiħa.

Id-dinja sabiħa. Imma mhux kulħadd hu responsabbli li lest li jaqsam is-sbuħija tagħha ma’ ħaddieħor. Uħud għamlu liġijiet biex jitpaxxew huma u jċaħħdu lill-kotra milli tgawdi mill-istess dinja li l-Missier tagħna tas-Sema, fil-ġustizzja tiegħu, tana biex nieħdu gost biha, nieħdu lkoll mir-riżorsi li toffrilna ħalli ngħixu aħna u magħna jgħixu l-oħrajn ukoll. Iwa, għal uħud l-istorja hi l-ewwel jien, it-tieni jien, it-tielet jien u jekk jibqa’ jien. Qed jitħanżru fil-kejk huma.

Kantaliena li tifga

Dil-kantaliena ta’ “l-ewwel jien għax jien alla sidi” trid tieqaf. Ma jistax ikun li kulħadd ifendi għal rasu mingħajr l-anqas biss ma tinfetaħ il-qalb għal dawk li qed ibatu. Iebsa hux meta l-bniedem għandu l-ħila li tah il-Mulej biex jisma’ u jagħżel li ma jismax. Il-biċċa hi lanqas, jekk irid, ma jista’ jevitahom lill-fqar. Fil-fatt, l-istorja qed tgħallimna fuq li tgħallimna li l-fqar dejjem ġejjin. Anki f’pajjiżna. U, dil-biċċa tal-faqar, hi ħafna aktar u wisq lil hinn minn lotta partiġjana ta’ min hu l-aħjar f’li jgħin lil dawn il-fqar. Il-kwistjoni hi, u għandha tkun, li aktar għandha tkun trawwim ta’ kuxjenza nazzjonali favur dawk li qed ibatu.

Hawnhekk tajjeb li nagħmlu differenza bejn min qed ibati u min li, biex jibqa’ għaddej b’kapriċċieh u b’kapriċċieha, ma jridux iħarrku b’subgħajhom iż-żgħir imqar naqra li hi naqra l-ilma tas-sagrifiċċju. Il-mottos ta’ “Money no problem” u “Nagħtuha għall-ħela” ma jagħmlux ġid. Fil-ħajja hemm limitu għal kollox. Hawnhekk nara għamla ta’ faqar kbir: l-injoranza. Kemm issir ħsara kbira bl-injoranza. Kien għalhekk li Nelson Mandela kien iħobb jgħid: “Il-boloħ jitkattru meta n-nies għaqlija ma jiftħux ħalqhom”.

Irridu niftħu ħalqna għax kulħadd għandu xi naqra minn dak l-għaqal tal-Mulej. Allaħares jekk il-Mulej investa l-għaqal kollu tiegħu f’persuna waħda u daqshekk. Li kieku dan kien il-każ tassew li kien jidħol fi kriżi kbira isemmix. Ma nsemmu xejn, imma jekk dik il-persuna jiġrilha xi ħaġa min se jgħaddi dan l-għerf? Għalhekk, il-Mulej, bil-grazzja li ħadd ma jista’ jifhem tiegħu, jagħti għerfu lil min jiġġarrab u lest li jitgħallem mit-tiġrib tiegħu stess. Wara kollox, bħalma aħna lkoll aħwa fil-ġisem anki fl-għerf aħna lkoll aħwa għax naqsmu mill-istess għerf. Kulma rridu hu dik il-parresia, li hi l-kuraġġ li nitkellmu b’libertà, b’żelu, ħalli ħajjitna tkun miftuħa għax tinstab disponibbli għal Alla u għall-aħwa (ara Atti 4:29; 9:28; 28:31; 2 Kor 3:12; Efes 3:12; Lhud 3:6; 10:19)”. Biex wieħed jiżen dan il-kliem ikun biżżejjed jekk jaqra l-eżortazzjoni appostolika dwar il-Qdusija fid-dinja tal-lum “Gaudete Et Exsultate”, “Ifirħu u thennew”, nru. 129, li kitbilna Papa Franġisku.

Nibqgħu niżirgħu

Quddiem tant bżonnijiet li hawn fil-ħajja faċli li wieħed jaħsel jibda’ jaqta’ qalbu. Imma fuq dan il-punt il-Kelma ta’ Kristu isserraħħli qalbi bil-bosta għax tgħidli: “Il-foqra dejjem issibuhom magħkom, imma lili mhux dejjem issibuni” (Ġw 12:8). Nagħmlu x’nagħmlu u nagħmlu kemm nagħmlu l-problema tal-faqar xorta waħda se tibqa’ fostna. Għal diversi raġunijiet, responsabbiltà tagħhom jew le, nies li jfaqqru lilhom infushom b’deċiżjonijiet żbaljati li wettqu jew anki vittmi ta’ xi ħaġa se jibqa’ dejjem. Madankollu, int u jien nistgħu nagħtu l-kontribut tagħna, ċkejken kemm hu ċkejken. Imqar jekk familja li għandha tieħu ħsieb familja fil-bżonn.

Hu fatt tassew ta’ niket li donnu moħħna, meta nsemmu l-kelma kontribut, jeħel biss ma’ flus. Fejn ikun hemm ċentri ta’ għoti tal-ikel u persuna tista’ tagħti xi donazzjoni f’dal-post hi ħaġa ta’ min jirrakkomandaha. Wara kollox Ġesù fil-vanġelu jgħidilna: “Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni” (Mt 25:35). Safejn naf jien qatt ma qalilna: “Kont bil-ġuħ u tajtuni l-flus”. Flus f’idejn żbaljati ħsara jġibu. Imma l-għoti tal-ikel lil min m’għandux x’jiekol hu barka mis-sema. Wara kollox, Kristu nnifsu tana lilu nnifsu bħala ikel u xorb u mhux fi flus. Illum nifhem l-għaliex ċerti nies jgħiduli: “Patri, sewwa Alla qal għall-flus: ‘Ħa noħloq ħaġa egħżeż minni’”. Sinċerament ma nafx fejn tinsab din is-silta fil-Bibbja. Qallibt fuq li qallibt fiha u ma sibt xejn. Li naf hu li l-flus ivvinthom il-bniedem biex jinnegozzja ma’ ħutu l-bnedmin. U, bħal kull ħaġa oħra li għamilha l-bniedem, il-flus ukoll huma oġġett ta’ studju kbir għax fihom kemm it-tajjeb u anki x’wieħed x’jirranġa.

Barra minhekk, u bħalma issemma diġa’, l-għajnuna ta’ kulħadd hi meħtieġa quddiem il-faqar. Irridu ħafna edukazzjoni li tgħinna biex ma naqgħux fil-faqar. Ma nistax inħalli xewqati jieħdu sopravvent fuqi. Ma nistax inħallihom jaħkmuni. Mhux kull ħaġa li hemm fis-suq hi għalija. Irrispettivament mill-magna tal-biża tal-pubbliċità hemm ċerti prodotti li ma nistax naffordjahom. Fir-rejaltà huma wisq ‘il bogħod minn dak li nista’. Jekk dawn mhumiex affarijiet neċessarji u essenzjali l-għaliex għandi nitqatta’ minn ġewwa u minn barra biex nixtriehom? Hekk, ngħidu aħna, nista’ ngħaddi b’handback ta’ €100 Ewro? L-għaliex għandi mmur għal wieħed ta’ €1,000 Ewro meta dan jien ma naffordjahx?

Daqxejn ta’ dixxiplina fuqna nfusna rridu nagħmlu. Wara kollox din hi att ta’ umiltà ukoll. L-umiltà hi verità. U l-verità x’titlob? Is-sabar. Kif il-Mulej qed jgħallimna b’dan l-eżempju jew ikolli s-sabar li nġemma’ għalih sakemm nixtrieħ inkella jkolli s-sabar li nasal li nammetti bil-verità kollha: “Dan ma nistax nixtrih. Ejja nikkuntenta ruħi b’dak tal-€100 Ewro”. Fl-aħħar mill-aħħar, irrid nifhem ukoll li mhux kulma nara fuq il-midja soċjali jew inkella fuq dak li tagħmilli l-pressjoni s-soċjetà u l-moda jien nista’ ikolli. Xi minn daqqiet jew nagħżel li nara dawn il-prodotti mill-bogħod inkella ma nara xejn u nibqa’ fil-paċi.

Punt ieħor ta’ min isemmi f’dan kollu hu li għax ma nistax nagħmel ċertu kapriċċi ma jfissirx li għandi xi ħaġa nieqsa minn ħaddieħor. Anzi, għandi opportunità tad-deheb li biha nista’ nikber għax ma nħallix il-pressjoni tal-midja li tiddettali hi x’għandi nagħmel imma, għal darba, qed nibda’ nieħu responsabbiltà tal-għażliet u tal-għemejjel tiegħi jien stess.

Kemm hawn bżonnha jaħasra din it-tip ta’ edukazzjoni li m’għandhiex marbuta magħha la xi ċertifikat u lanqas xi skola ta’ tagħlim. Fil-fatt, l-iskola ta’ tagħlim ta’ din l-edukazzjoni hi l-istess ħajja bl-għażliet żbaljati li, għax bnedmin, ilkoll inwettqu minn żmien għall-ieħor. L-għalliema ta’ din l-iskola nistgħu nkunu int u jien li mhux l-ewwel darba li ninbarmu minn deċiżjonijiet ħżiena li jafu jfaqqruna. X’servizz ikun dan lil dawk fostna li qatt ma jistgħu jieħdu ruħ l-għaliex jibqgħu fuq li jibqgħu jirrepetu l-istess żball u ma jridux jieħdu responsabbiltà t’għemilhom u hekk jibdlu ħajjithom u jimxu ‘l quddiem.

Qattra f’oċejan

Il-kontribuzzjoni tiegħek u tiegħi f’dan l-oċejan hi mportantissma. Kif konna nisimgħu b’tant għaqal fuq Xandir Malta, “Kull qattra tgħodd”. Anki f’dan l-oċejan ta’ bżonnijiet il-qattra tiegħek mhux biss ta’ flus imma wkoll ta’ edukazzjoni lil min ma jafx jew anki lil min webbes rasu fil-vizzju li faqqru, tgħodd fuq li tgħodd. Wara kollox din hi l-fraternità universali li tant hawn bżonn li ngħixu. Aħna aħwa ta’ xulxin għax ilkoll bnedmin, maħluqa minn Missier wieħed fis-Sema u li għandu se mmorru nemmnu jew le.

Mintix se ssolvi l-problemi imma li tkun qattra fis-soluzzjoni hi ta’ barka kbira. Nawguralek li tibqa’ tkun hekk sal-aħħar nifs ta’ ħajtek fuq din l-art.

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading