Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal adorazzjoni
Għażiż ħija/oħti, ersaq qrib tiegħi u la tibżax minni, għax jien ta’ qalb ħelwa u umli. Ersaq qribi ħalli tisma’ t-taħbita ta’ qalbi mimlija mħabba għalik. Il-Qalb tiegħi hi ġentili, ħanina u ġusta; mimlija ħniena u maħfra għalik. (2 sek pawsa)
Jien nifhmek tajjeb. Naf li xi drabi tkun irrabjat u ma tkunx taf fejn sa taqbad tagħti rasek. Nifhmek sew jien, għax dak kollu li tgħaddi minnu diġa’ għaddejt minnu jien qablek. Taħseb li ma nafx meta ħlief dlam ma tarax? Meta jidħku bik? Meta titlef l-għeżież tiegħek! Meta għajnejk ma jibqgħalhomx aktar dmugħ xi jxerrdu! Meta tħossok qed tegħreq!
Iva naf, dażgur li naf. Kulma tħoss u tbati int, jien għaddejt minnu wkoll. Minn kollox batejt jien ukoll: Ġuħ, għatx, biki, tradiment, swat, żeblieh, faqar, għejja, solitudni, diżapunt u tbatijiet oħra. Kollha ġarrabthom jien. (3 sek pawsa)
Ersaq mela qrib tiegħi. Iftaħ qalbek u għidli kulma qed itaqqallek qalbek, u jinkwetak. Għidli kollox, anki d-dubji tal-fidi tiegħek. Serraħ moħħok li jien ma nitkaża b’xejn u b’ħadd. Għidli bil-problemi u l-inkwiet li għandek biex inressaqhom quddiem il-Missier. Tkellem spiss miegħi biex nibgħatlek kuljum id-dawl tal-Ispirtu Qaddis li tant teħtieġ.
Ħaġa waħda nitolbok, intelaq f’idejja b’fiduċja sħiħa. Ħalli l-imħabba tiegħi tidħol f’qalbek, f’moħħok, f’ruħek u f’ħajtek. Sabiex Missieri u Missierek ikun igglorifikat.
Silenzju/ background music 3 min
Innu:__________________
Qari mill-Evanġelju skond San Mark Mk 12:38-44
F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed jgħallem fit-tempju u jgħid: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa”.
Ġesù kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi żewġ ċenteżmi.
Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix”.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
Is-soċjetà, fiż-żmien l-Antik Testment u fit-Testment il-Ġdid, naraw li kienet kollox tiddependi mill-irġiel. Allura fejn ir-raġel tal-familja kien jonqos, ir-romol u l-iltiema, kienu jaqgħu f’sitwazzjoni ta’ disperazzjoni, ta’ faqar u ta’ abbandun. Mhux ta’ b’xejn li l-liġijiet tal-Antik Testment kienu jinsistu ħafna fuq il-kura tar-romol u tal-iltiema. (2 sek pawsa)
Illum, naraw lil Ġesù jfaħħar armla fqira, illi fil-kaxxi l-kbar, – li fil-fatt, kien hemm tlettax-il kaxxa fit-Tempju, u li f’dawn kienu jinġabru l-offerti għat-tempju, din l-armla titfa’ żewġ muniti li kważi, kważi ma jiswew xejn. U Ġesù jikkumenta li hi tefgħet kull ma kellha biex tgħix. Dawk iż-żewġ muniti tar-ram, isiru sinjal ta’ din l-armla, illi kompletament qed tafda fil-providenza ta’ Alla. (3 sek pawsa)
Għall-Mulej, mhux kemm tagħti, imma b’liema qalb tagħti. Ġesù għandu stima għolja tal-isforzi anki żgħar tagħna, imma sinċieri, li nagħmlu biex ngħixu ħajja tajba. Ġesù jbierek l-isforzi żgħar tagħna, anke jekk nagħmlu fjask; għax Ġesù jħares lejn il-qalb. U mill-affarijiet żgħar tiegħi, Alla għandu l-ħila jagħmel ħwejjeġ kbar. Għalhekk dak li nagħmlu, ejjew nibdew nagħmluh aktar mill-qalb u b’aktar imħabba.
Silenzju 3 min
F’dan l-Evanġelju, Ġesù jikkuntrasta dan l-att ta’ fiduċja sħiħa li l-armla għamlet fih, mal-kburija, mal-ipokresija, u mal-arroganza ta’ dawk li kellhom. Li ħafna drabi l-ġid materjali wassal biex iżommuh għalihom, ikunu xħaħ, u li dan iwaqqafhom milli jafdaw fil-ħniena infinità ta’ Alla, u fil-grazzja tiegħu biss. (2 sek pawsa)
Ejjew illum, nilqgħu din is-sejħa li qed jagħmlilna l-Mulej, biex ma nafdawx fuqna nfusna, ma nafdawx fuq il-kapaċitajiet tagħna, biex ma nafdawx fuq il-ġid materjali; imma nafdaw kompletament fil-ħniena u fil-grazzja ta’ Alla. Il-Mulej isejħilna biex bħalu nkunu umli u niddependu biss mill-imħabba tremenda li l-Missier għandu għalina. (2 sek pawsa)
Jalla l-offerta ta’ ħajjitna tkun bħal tal-armla, sħiħa. Noffru mhux biss kull ma għandna, imma fuq kollox, noffru kull ma aħna.
Silenzju/ soft background music 3 min
Kant: ________________
Talbiet tal-Komunità
Ġesù jurina, li hemm aktar ferħ filli nagħtu milli li nirċievu. Nitolbu lill-Missier biex jagħtina qalb ġeneruża u mimlija fidi.
Nitolbu għall-Knisja, biex bħal armla tal-Evanġelju, ma tintrabatx mal-ġid materjali, imma tużah biss għat-tixrid tas-Saltna ta’ Alla. Nitolbu
Nitolbu għall-istituzzjonijiet li jieħdu ħsieb itaffu l-faqar fid-dinja, u għall-ġnus kollha biex jingħaqdu ħalli kulħadd ikollu ħajja deċenti. Nitolbu.
Nitolbu għal min għandu l-ġid, biex jifhem li dan irid jintuża għall-ġid tal-komunità, u mhux biex jistagħnu biss xi wħud. Nitolbu
Għalina, biex nitgħallmu nagħtu lil Alla kull ma aħna u għandna, bl-istess fidi tal-foqra, li tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet. Nitolbu.
Daħħal fis-saltna ta’ dejjem lil ħutna l-mejtin, li taw ħajjithom b’imħabba għalik u għall-oħrajn. Nitolbu
Fis-skiet inresqu t-talba personali tagħna.
Tingħata l-Barka Sagramentali:
Kant: Dal Misteru