Bħalissa ninsabu fil-kampanja msejħa Pink October. L-għan għalfejn dil-kampanja tissejjaħ hekk hu l-għaliex in-nies, madwar id-dinja, jużaw il-lewn roża f’żigarella li għandha l-istess lewn bil-għan li jqajmu kuxjenza dwar l-importanza tal-prevenzjoni u tal-eżami kontinwu għad-dijanjożi bikrija tal-kanċer tas-sider. L-istatistika turina li l-kanċer tas-sider hu t-tieni tip ta’ kanċer li l-aktar li qed jolqot nies.
Il-lewn roża, il-lewn ukoll tal-intimità, qed ifakkarna li fil-ħajja għandna l-għaliex insejħu Pink mhux biss ix-xahar t’Ottubru imma s-sena kollha minħabba l-għamla ta’ kanċer li, skont kif qed jingħexu ħajjiet ta’ miljuni ta’ nies, qed jagħmel ħerba fil-qalb tal-bnedmin. Din l-għamla ta’ kanċer hi x-xeħħa. Kemm tagħmel ħsara x-xeħħa ħuti!
X’ironija hux! Mela, għall-kanċer tas-sider arana nagħmlu kull xorta ta’ prevenzjoni u eżami kontinwu biex, kull darba li jfettillu jixref rasu, arana ntajruhielu. U mbagħad, għall-kanċer tax-xeħħa mhux talli ma nagħmlulhiex prevenzjoni talli arana inrewħulha ħa tikber fuq li tikber. Hi ħaġa diżażtruża kemm ix-xeħħa qed twassal għall-inkwiet kbir fil-familji, dawk sekulari u anki reliġjużi. Ix-xeħħa toqtol. Persuna xħiħa lesta li tagħmel kollox u minn kollox basta takkwista. Lesta letteralment tagħti ruħha lix-xitan basta taħfen, trekken u tistgħana hi.
Uħud jużaw il-frażi legali biex infittex id-drittijiet tiegħi bħala skuża bil-għan li jgħaffġu fuq ħuthom. Fejn jidħol il-ġid tal-art ma baqax aktar rispetti. Kemm ġenituri jispiċċaw maqfula fi Djar tax-Xjuħ, joħdulhom kollox u lanqas imorru jarawhom. Possibbli min jagħmel hekk mhux qed jinduna li dal-ħażen kollu qed jiġi fuqu? Possibbli nesa jew nsiet li ġurnata għad tindaħan u jindaħan mill-ħażen u l-kefrija li jkun wera u tkun uriet ma’ min ġabu u ġabitha fid-dinja? L-istess bħalma ċerti wlied li ġew imċaħħda mill-ġenituri tagħhom u llum qed ibatu fuq li jbatu.
Tassew li f’dan iż-żmien hu importanti li nitħaddtu mill-ħniena ta’ Alla. Alla ħares le! Imma quddiem il-ħażen tax-xeħħa ma nistgħu ma nsejħux lill-Mulej biex jagħmel ġustizzja fuq dawk li, għax mimlija bil-kanċer tax-xeħħa, qed imarrdu jew jippruvaw imarrdu b’għemilhom lil dawk kollha li jmissu magħhom.
Dan kollu jwassalni għal dak li tgħid il-Kelma t’Alla fuq dan is-suġġett fl-Ewwel Ittra lil Timotju: Għax ir-regħba għall-flus hi l-għerq ta’ kull ħażen; kien ħtija ta’ din ir-regħba li xi wħud ħarġu barra mit-triq tal-fidi u nfnew b’niket kbir (1 Tim 6:10). U għax ir-rebgħa tifnina minn niket kbir li Ġesù jgħidilna b’tant għaqal: Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu (Lq 12:15). Ir-regħba rridu niġġieldulha għax hija ħażen li jiġi minn ġewwa, joħroġ u jtabbagħna (ara Mk 7:22-23).
Il-kura għal din il-marda qerrieda tinsab fl-Ittra lill-Lhud: Tkunux mogħtija għar-regħba tal-flus; kunu kuntenti b’dak li għandkom, għax Alla stess qal: “Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek” (Lhud 13:5).
Ejjew nagħtu u neżaminaw lilna nfusna biex ninħelsu minn din l-għamla ta’ kankru mill-aktar qerriedi.
Patri Mario Attard OFM Cap