Ir-rigal ta’ Francesco

Ġieli, fil-ħajja, minkejja l-isfidi u l-imrar li jiġu fuqna, anki permezz ta’ persuni oħra, il-Mulej ilaqqagħna ma’ persuni li meta tiltaqa’ magħhom sempliċiment tgħid: “Dan Alla bagħthuli f’ħajti”. L-istess nista’ ngħid jien għal ħuna Francesco Spiteri li għadda għall-ħajja ta’ dejjem fl-età żgħażugħa ta’ 15-il sena nhar il-festa tal-Pjagi ta’ Missierna San Franġisk nhar it-Tlieta 17 ta’ Settembru 2024.

Lil Francesco sirt nafu dan l-aħħar waqt li kien qed jieħu t-trattament tiegħu fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Minn meta ltqajt miegħu u mal-ġenituri tiegħu Luke u Dorianne, flimkien ma’ binthom Maria, bdejna vjaġġ flimkien. Mhux ċajta li wieħed jgħaddi minn dan il-vjaġġ tal-mard u tat-tbatija. Mat-triq ikun hemm l-istaġuni kollha possibbli li l-ħajja u l-esperjenza umana tagħna taf toffri. Imma naħseb li taqblu miegħi li l-bniedem mhux biss kif jidher minn barra. Hu ħafna minhekk. Din fehemha tant tajjeb Missierna San Franġisk meta kien qal dik il-famuża sentenza li saret tant sinonima miegħu: “Il-bniedem hu kif inhu quddiem Alla”. U dan hu li se napprezzaw f’dawn il-kelmtejn fuq ħuna u ħabibna Francesco, kif kien quddiem Alla.

Żgħażugħ umli

Bħal San Franġisk t’Assisi, li għalih kien imsemmi, Francesco kien tabilħaqq dak iż-żgħażgħ umli. Għalih joqgħodu perfettament il-kelmiet li Ġesù jgħid fil-vanġelu skont San Mattew u li bihom l-Ispirtu s-Santu urieni li għandi nibda’ l-omelija tiegħi fiċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajtu li seħħet nhar is-Sibt 21 ta’ Settembru 2024 fil-Knisja Arċipretali u Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar. Fi knisja imballata bin-nies, fosthom ħafna żgħażagħ u sħab Francesco, kliem Ġesù rbombja sewwa: “Nfaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok” (Mt 11:25-26).

U l-għaliex dan il-kliem ta’ Ġesù daqshekk irbombja? L-għaliex għal min ingħad għexu. Francesco kien dik il-persuna umli li Ġesù kien qed ifaħħar fil-vanġelu. Ta’ żgħażugħ li kien u li l-ħajja ħabbha bħaż-żgħażagħ l-oħra, Francesco intebaħ li l-ħajja hi opportunità sabiħa ta’ mħabba u ferħ. Biss, u bħal San Franġisk, Francesco kien żgħażugħ differenti miż-żgħażagħ l-oħra. Għalkemm ma kienx juri Francesco kien żgħażugħ li jirrifletti sewwa fuq ħajtu. U, f’dawn ir-riflessjonijiet li spiss kien jagħmel, bil-mod il-mod beda jħalli lill-Ispirtu s-Santu jurieh li m’għandu qatt ikun ifissat fuqu innifsu imma li jara x’jagħmel biex ikun ta’ sollief u kuraġġ għal ħaddieħor. F’dan is-sens Francesco għex il-qdusija vera kif jgħallimna t-teologu Maurice Zundel: “Il-qdusija hi li tagħmel lil ħaddieħor ferħan”.

Fiċ-ċokon tiegħu Francesco dan fittex li jgħixu sal-qiegħ nett. Emmen fil-kliem ta’ Ġesù li qalilna: “U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu.” (Mt 10:42). Min jaf kemm kien jaqdi lil żgħażagħ oħra fil-bżonn fis-skiet u mingħajr ħafna fanfarunati. U dan kien jagħmlu l-għaliex kien umli.

Bħalissa jiġini f’moħħi fatt li rrakkuntatli ommu Dorianne. Meta kien imur l-iskola dejjem kien jieħu ikel biżżejjed li jsostnieh fil-jum tal-iskola li kien ikollu quddiemu. L-iskola kien hemm student li ma kellux ikel x’jiekol. X’kien jagħmel Francesco? Kien jieħu l-ikel tiegħu u prattikament jagħih lil dan it-tifel anki jekk kien jispiċċa bil-ġuħ hu. Xi ssejjaħlu dan l-att jekk mhux att ta’ qdusija?

U ara taħsbu li Francesco kien se joqgħod jiffanfra bil-karità li l-Mulej kien jagħmel bih. Xejn minn dan. Kien jibqa’ sieket. Żgur li f’moħħu kien jitlagħlu kliem Ġesù li jgħidilna: “Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas mingħand Missierkom li hu fis-smewwiet.
Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu” (Mt 6:1-4).

Iż-żgħażugħ li ħafer

Anki jekk kellu spirtu mill-isbaħ u li jferraħ lil kulħadd, Francesco sab min urieh ix-xewk u mhux il-ward fil-ħajja qasira tiegħu. Bħal kull wieħed u waħda minna, anki dan iż-żgħażugħ ferrieħi sab min iweġġagħlu qalbu.

Minkejja l-uġiegħ li kkawżawlu, Francesco qatt ma rrikorra għall-vendetta. Ta’ żgħażugħ tassew Nisrani li kien ħass ġewwa fih li l-maħfra u mhux il-vendetta kellha tkun it-triq li kellu jagħżel biex biha jgħix. Għalhekk għażel li jaħfer u jibqa’ miexi fil-ħajja.

F’dan kollu Francesco jfakkarna fil-kliem tassew qawwi li jgħidilna l-appostlu Missierna San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani: “Troddu lil ħadd deni b’deni. Ħa jkun ħsiebkom filli tagħmlu t-tajjeb quddiem il-bnedmin kollha. Jekk jista’ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-paċi ma’ kulħadd. Tivvendikawx ruħkom b’idejkom, għeżież tiegħi, imma ħallu l-korla ta’ Alla tagħmel hi, għax hemm miktub: ‘Għalija l-vendetta, jiena nħallas, jgħid il-Mulej.’ Jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ, itimgħu; jekk hu bil-għatx, isqih. Jekk tagħmel hekk tkun qiegħed tiġma’ ġamar jaqbad fuq rasu. Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb” (Rum 12:17-21).

Kienet din il-maħfra f’qalbu għal min weġġgħu li tagħtu serenità u paċi kbira tant li fetħitu għad-don sabiħ tat-talb, l-aktar meta kien tiela’ it-telgħa tal-Kalvarju tiegħu u agħmel l-agunija tiegħu fuq il-Golgota tal-mard. Kemm joqgħodu eżatt għal Francesco tagħna l-kliem sabiħ li San Franġisk kiteb fl-Għanja tal-Ħlejjaq: “Ħa jberkuk, Mulej, dawk Ii jaħfru ghall-imħabba tiegħek u jġorru mard u tbatija. Imbierek minn jerfagħhom fis-sliem għax int tagħtih iI-kuruna”.

Żgħażugħ Marjan

Francesco għex kelma mill-isbaħ li kien qal ċertu Francesco Forgione, u li aħna nafuh bħala Patri Piju ta’ Pietrelcina meta qal: “It-talb hu l-aqwa arma li għandna. It-talb hu ċ-ċavetta għall-qalb ta’ Alla. Int għandek tkellem lil Ġesù mhux biss b’fommok imma wkoll b’qalbek. Fil-fatt, f’ċerti okkażjonijiet, int għandek titkellem miegħu biss b’qalbek”.

Kien frott ta’ dan it-talb li Alla l-Missier, permezz ta’ Ġesù Ibnu u Ħuna, ippreżenta lil Francesco b’rigal kbir, Ommna Marija. Kemm kien iħobbha Francesco lill-Madonna. Mhux ta’ b’xejn li l-aħħar kelma tiegħu qabel ħalla din id-dinja kienet: “Mà, ejja nitolbu r-Rużarju”. F’dawn il-mumenti hekk importanti ta’ ħajtu Francesco ħass li kellu jdur lejn Ommna Marija ħalli ttellgħu hi għand Binha Ġesù fis-sema. Il-paċi li Francesco ħallielna żgur hi xhieda tal-ħidma kbira ta’ Marija Ommna ma’ dan binha tant għażiż li ħaddnietu bejn dirgħajha, talbet għalih, fisditu u ħaditu magħha l-Ġenna.

Francesco qed ikellmek u jkellimni

Dawn huma biss ftit aspetti mill-ħajja ta’ Francesco. Kemm qed nitolbu r-Rużarju? Kemm qed immur għall-quddies u għall-qrar? Kemm qed nitlob il-Kurunella tal-Ħniena Divina? Kemm qed inġorr il-kuruna tar-Rużarju fuqi? Kemm qed nagħmel karità bil-moħbi? Kemm qed naħfer minn qalbi lil min għamilli d-deni?

Filwaqt li hi ħaġa sabiħa li nuri solidarjetà lejn Francesco u l-familja tiegħu Francesco, mis-sema fejn qiegħed, qed jistedinni biex nibdel ħajti u mmur għand Ġesù. Francesco jridni nkun rigal ta’ Kristu għal ħaddieħor bħalma kien hu, il-Beatu Carlo Acutis li miet tal-istess età ta’ Francesco u tant nies oħra li ħabbew lil Ġesù fis-skiet.

Lest u lesta li nkun rigal ta’ Ġesù għall-oħrajn bħalma kien Francesco? Jekk veru nħobb lil Francesco m’għandix triq oħra għajr li nagħżel din it-triq. Grazzi Francesco. Francì inħobbuk!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading