Ġwanni Pawlu II fil-Beatifikazzjoni ta’ martri

RIT SOLLENNI TA’ BEATIFIKAZZJONI TAL-MARTRI
D’ANGERS U TA’ P. GIOVANNI MAZZUCCONI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Basilika Vatikana
Il-Ħadd, 19 ta’ Frar 1984

Għeżież ħuti.

1. “Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu?” (Rm 8, 35).

Din hija l-mistoqsija magħmula darba mill-Appostlu Pawlu fl-ittra tiegħu lir-Rumani. Kellu dakinhar quddiem għajnejh it-tbatijiet u l-persekuzzjonijiet tal-ewwel ġenerazzjoni ta’ dixxipli, xhieda ta’ Kristu. Il-kliem ta’ tbatija, ansjeta, ġuħ, għera, periklu,  supplizju, massakru “bħal nagħaġ għall-qatla” kienu jiddeskrivu realtajiet preċiżi ħafna, li kienu – jew li kellhom ikunu – l-esperjenza ta’ bosta minn dawk li kienu ngħaqdu ma’ Kristu, jew pjuttost li kienu laqgħu fil-fidi l-imħabba ta’ Kristu. Hu nnifsu setà jinnumera l-provi li kien diġa ġarrab (cf. 2 Kor 6, 4-10), waqt li kien qiegħed jistenna l-martirju tiegħu  hawn, f’Ruma. U illum il-Knisja, bil-martri tat-XVIII u d-XIX-il seklu, tagħmel min-naħa tagħha l-mistoqsija “min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu?”.

San Pawl iħaffef jagħtina tweġiba ċerta għal din il-mistoqsija: “Xejn mhu se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu li hija f’Ġesù Kristu Sidna”, xejn, linqas il-mewt, linqas il-qawwiet misterjużi tad-dinja, linqas il-ġejjieni, linqas ebda krejatura (cf. Rm 8, 38-39).

Ladarba Alla ta lill-uniku Ibnu għad-dinja, ladarba dan l-Iben ta ħajtu għalina, tali mħabba ma tiġi nieqsa qatt.  Din hija aqwa minn kwalunkwè ħaġa.  Tgħasses fil-ħajja eterna lil dawk li ħabbew lil Alla sal-punt li jagħtu ħajjithom għalih. Is-sistemi ta’ persekuzzjoni jgħaddu. Imma din il-glorja tal-martri tibqà. “Imma f’dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna” (Rm 8, 37).

2. Din hija r-rebħa li reġgħu ġabu l-martri llum mgħollija għall-glorja tal-altari bil-beatifikazzjoni.

a) Dawn huma qabel kollox l-martri numerużissmi li, fid-dijoċesi ta’ Angers, fiż-żminijiet tar-Rivoluzzjoni Franċiża, aċċettaw il-mewt għaliex riedu, skont il-kliem ta’ Guillaume Repin, “jikkonservaw il-fidi tagħhom u r-reliġjon tagħhom”, magħqudin b’qawwa mal-Knisja kattolika u Rumana; saċerdoti, rrifjutaw li jieħdu ġurament meqjus xiżmatiku, ma ridux jabbandunaw l-inkarigu pastorali tagħhom; lajċi, baqgħu fidili lejn dawn is-saċerdoti; lejn il-quddiesa ċċelebrata minnhom, lejn is-sinjali tal-kult tagħhom lil Marija u lejn il-qaddisin. Bla dubju, f’kuntest ta’ tensjonijiet kbar idejoloġiċi, politiċi u militari, setgħu jaqgħu fuqhom suspetti ta’ nfedelta lejn art twelidhom, kif hemm, fil-“motivazzjonijiet” tas-sentenzi, akkużati b’kompromissjonijiet mal-“qawwiet anti rivoluzzjonarji”; hekk wara kollox ikun fi kważi l-persekuzzkonijiet kollha, tal-bieraħ u tallum.  Imma għall-irġiel u n-nisa li isimhom huwa mfakkar – fost tant oħrajn bla dubju li jixirqilhom l-istess – dak li rejalment għexu, dak li wieġbu lill-interregaturi tat-tribunali, ma jħalli ebda dubju dwar id-determinazzjoni tagħhom li jibqgħu fidili – b’riskju ta’ ħajjithom – lejn dak li l-fidi tagħhom kienet tesiġi, linqas dwar il-mottiv profond tal-kundanna tagħhom, il-mibegħda lejn din il-fidi li l-imħallfin tagħhom kienu jiddisprezzaw bħala “devozzjoni nsostenibbli” u “fanatiżmu”. Aħna nibqgħu mistagħġbin quddiem it-tweġibiet deċiżivi, kalmi, qosra, franki, umli, li ma fihom xejn provokanti, imma li huma netti u sodi dwar l-essenzjal: il-fedeltà lejn il-Knisja. Hekk jitkellmu s-saċerdoti, ilkoll igguljotinati bħad-dekan venerabbli tagħhom Guillaume Repin, ir-reliġjużi li jirrifjutaw saħansitra li jagħtu x’wieħed jifhem li ħadu ġurament, l-erbà lajċi: huwa biżżejjed li nikkwotaw ix-xhieda ta’ wieħed minnhom (Antoine Fournier): “”Intom mela lesti li tissottomettu ruħkom għall-mewt biex tiddefendu r-reliġjon tagħkom?” “Iva” Hekk jitkellmu t-tmenin mara li ma setgħux jakkużawhom b’ribeljoni armata! Uħud kienu diġa esprimew qabel ir-rieda li jmutu għall-isem ta’ Ġesù pjuttost milli jiċħdu r-reliġjon (Renée Feillatreau).

Insara tassew, hekk jixhdu, bir-rifjut tagħhom li jobogħdu lill-qattiela tagħhom, bil-maħfra tagħhom, bix-xewqa ta’ paċi tagħhom ma’ kulħadd: “Ma tlabtx lil Alla twajjeb għajr għall-paċi u l-l-għaqda tad-dinja kollha”(Marie Cassin). Fl-aħħarnett, l-aħħar waqtiet tagħhom juru l-profondità tal-fidi. Uħud kantaw innijiet u salmi sa fuq il-post tas-supplizju. “Huma talbu ftit minuti biex joffru lil Alla s-sagrifiċċju ta’ ħajjithom, li huma għamlu b’tant żelu li l-qattiela tagħhom baqgħu mgħaġġbin bihom”. Swor Marie-Anne, Bint il-karità, sabbret b’dan il-mod lil waħda minn ħutha: “Ma jkollniex il-feliċità li naraw lil Alla u li nipposseduha għall-eternità kollha . . . u nkunu posseduti bla biżà li nisfgħu mifrudin” (xhieda tal Abbati Gruget).

Illum dawn id-disgħa u disgħin martri ta’ Angers huma assoċjati fil-glorja tal-beatifikazzjoni, mal-ewwel fosthom, l-abbati Noël Pinot, li ilu beatu madwar sittin sena.

Iva, il-kliem tal-Appostlu Pawlu jsib hawn konferma splendida: “Imma f’dan kollu aħna iktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna”. 

b) Xhieda analoga ta’ fidi riżoluta u ta’ karità mħeġġa ingħatat lill-Knisja u lid-dinja minn Patri Giovanni Mazzucconi, li kkonsma fil martirju l-eżistenza żagħżugħa tiegħu ta’ saċerdot u missjunarju. Membru,  fost l-ewlenin, tal-Istitut Pontifiċju għall-Missjonijiet Esteri ta’ Milan, ħass li l-missjonijiet kienu “ix-xewqa sigrieta” ta’ qalbu.Fuq ix-xefaq ta’ ħajtu huwa kien jilmaħ għaqda ferm iktar profonda ma’ Kristu, għaqda li kienet takkomunah mat-tbatijiet u mas-salib tal-Mulej u Mgħallem tiegħu, propju minħabba l-mottiv tal-impenn instankabbli tiegħu għall-evanġelizzazzjoni: “Hieni dak il-jum li fih inkun mogħti li nbati ħafna għal kawża hekk qaddisa u hekk ħanina, imma iktar hieni dak li fih ninstab dehen li nxerred għaliha demmi u niltaqà mal-mewt fost it-turmenti”.

Jekk mhux il-messaġġ nisrani, li Mazzucconi xandar lill-indiġeni ta’ Woodlark, kienet kundanna miftuħa tal-kondotta tagħhom li kienet waslet sal-orrur tal-infantiċidju. U minkejja l-karità mmensa u d-dedikazzjoni ndifiża tal-beatu, l-predikazzjoni tiegħu ipprovokat irritazzjoni u mibegħda. Imma hu kien seren b’mod soprannaturali, f’nofs l-inkonvenjenzi, id-deni, l-oppożizzjonijiet, għaliex kien jgħix magħqud b’mod intimu ma’ Alla. Waqt li kien jadatta b’mod liberu l-kliem ta’ San Pawl, setà jikteb: “Naf li Alla huwa tajjeb u jħobbni immensament. Il-bqija: il-kalma u t-tempesta, il-periklu u s-sikurezza, il-ħajja u l-mewt, mhumiex għajr espressjonijiet li jinbidlu u mumentanji tal-Imħabba għażiża immutabbli, eterna”.

3. Għal dawn il-martri kollha , ta’ epoki differenti,  twettaq il-kliem ta’ Kristu lill-Appostli: “Oqogħdu attenti mill-bnedmin għax għad jerħukom f’idejn il-qrati . . .  itellgħukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija . . . L-aħwa jwasslu lil xulxin għall-mewt . . . U lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi (Mt 10, 17-22). Difatti  ħafna fost il-martri ta’ Angers kienu arrestati f’darhom jew fil-moħba tagħhom, għaliex oħrajn kixfuhom.  Ħaduha kontrihom, irġiel u nisa bla difiża, b’disprezz li diffiċli tifhmu. Oħrajn ġarrbu l-umiljazzjoni tal-folol u tal-ħabsijiet xejn sanitarji; iffaċċjaw tribunali u esekuzzjonijiet mgħaġġla.

Patri Mazzucconi, imbagħad, irċieva d-daqqa tal-mewt b’mannara minn indiġenu, li, telà fuq il-vapur u resaq lejh, taparsi biex isellimlu b’mod amikevoli waqt li  ħareġ idu biex jeħodlu b’idejh.

Dan kollu se jseħħ – kien qal Ġesù – biex tingħata xhieda lilhom u lill-pagani” Iva, il-martri tagħna setgħu jirrendu xhieda quddiem l-imħallfin tagħhom, il-qattiela tagħhom, u quddiem dawk li kienu jassistu bħala spettaturi għas-suplizju tagħhom,  sal-punt li dawk “ma setgħux iżommu milli jistagħġbu u milli jgħidu, waqt li kienu jwarrbu, li f’dawk il-mejtin kien hemm xi ħaġa straordinarja, li r-reliġjon biss tistà tispira fl-aħħar waqtiet” (Djarju tas-saċerdot Simon Gruget). Ġesù kien ħabbar tali misteru: “Min iżomm sal-aħħar ikun salvat” (Mt 10, 22). U kif tippersevera? La tinkwetawx dwar kif jew xi tridu tgħidu għaliex ikun issuġġerit lilkom dak li għandkom tgħidu f’dak il-waqt. . . “Ikun l-Ispirtu ta’ Missierkom li jitkellem fikhom” (Mt 10, 19-20). Iva, dawk li jibqgħu fidili lejn l-Ispirtu Santu huma sikuri li jistgħu jorbtu fuq il-qawwa tiegħu, filwaqt li jkollhom jagħtu xhieda b’mod li jħawwad lill-bnedmin.

4. Huwa permezz tal-qawwa ta’ Alla li l-martri setgħu jaslu għar-rebħa. Huma kkontemplaw il-qawwa tal-imħabba ta’ Alla: “Jekk Alla huwa magħna, min jistà jkun kontra tagħna?” (Rm 8, 31). Huma ffissaw ħarsithom fuq is-sagrifiċċju ta’ Kristu: “Alla… ta lil Ibnu stess għalina lkoll; kif jistà ma jagħtiniex kwalunkwè ħaġa flimkien miegħu?” (Rm 8, 32).

F’kelma waħda, huma ħadu sehem fil-misteru tar-Redenzjoni, li kkunsmat minn Kristu fuq il-Kalvarju, jitawwal fil-qalb tal-bnedmin tul il-korsa tal-istorja tagħhom, Stedint reċentement lill-fidili kollha tal-Knisja biex jimmeditaw fuq din it-tbatija feddejja. Għall-martri, is-salib ta’ Kristu kien, fl-istess ħin, is-sors misterjuż tal-kuraġġ tagħhom, is-sens tal-prova tagħhom, il-mudell biex jirrendu xhieda għall-imħabba tal-Missier permezz tas-sagrifiċċju tagħhom, magħqud ma’ dak ta’ Kristu, u biex jaslu miegħu għall-qawmien mill-imwiet.

5. Is-sikurezza tal-martri kienet espressa b’dan il-mod mill-Awtur ispirat tal-Ktieb tal-Għerf (cf. Għerf 3, 1-9): “L-erwieħ tat-tajbin . . . huma f’idejn Alla . . . It-tluq tagħhom stħajluh b’telfien u qerda t-tbegħid tagħhom minna. Iżda huma qegħdin fis-sliem. Għax għalkemm f’għajnejn il-bnedmin dehru maħqura, għandhom fehma sħiħa fil-ħajja bla tmiem . . . Alla ġarrabhom u sabhom tajbin għalih” Fl-1793 u 1794, għal sħab beati ta’ a Guglielmo Repin; fl-1855, għall-Beatu Giovanni Mazzucconi, dawk li qatluhom, u ċertu numru tal-kumpatrijotti tagħhom, kienu ħasbu dwar kastig u dwar anjentament; kien emnut li l-oqbra li fihom kienu geddsuhom fsalt kienu se jintesew għal dejjem. Imma huma “jinsabu f’idejn Alla”. “Laqagħhom bħala vittmi maħruqa kollha għalih.Meta Alla jiġi għalihom, huma jiddu bħal xrar tan-nar li jżiġġ f’għalqa bil-qasab. Jagħmlu ħaqq mill-ġnus u fuq jaħkmu l-poplu. . . .U jkun il-Mulej is-Sultan tagħhom għal dejjem” (Għerf 3, 6-8). Il-memorja tal-Knisja ma nsiethomx: malajr kienu meqjuma, instemà l-messaġġ tagħhom, kienu mitluba, tqanqlet fiduċja fl-interċessjoni tagħhom quddiem Alla. U llum huma jiddu, ileqqu f’għajnejna, għaliex il-Knisja taf li huma beati, u li “jgħixu ma’ Alla fl-imħabba” (cf. Għerf 3, 9).

6. Din il-beatifikazzjoni se tkunju stadju ġdid għalina lkoll, għall-Knisja, u b’mod speċjali għall-isqfijiet, is-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-fidili tad-dijoċesijiet ta’ Franza tal-Punent li lilha jappartienu dawn il-beati, bħalma għall-istitut Pontifiċju għall-missjonijiet esteri, għall-belt ta’ Lecco u għall-arċidijoċesi ta’ Milan, bla ma ninsew lill-Papuasja- Nuova Guinea. Huwa għalihom kollha ferħ profond  ikunu jafu qegħdin ħdejn Alla dawk li huma qrabathom minħabba d-demm jew in-nazzjonalità, li jistgħu jammiraw il-fidi u l-kuraġġ tal-kompatrijotti tagħhom u ta’ ħuthom. Imma dawn il-martri jistednuna wkoll biex naħsbu fil-multitudni ta’ kredenti li jiġu ppersegwitati llum ukoll, fid-dinja, b’mod moħbi, qawwi ħafna, iktar gravi, għaliex  jinvolvi n-nuqqas tal-libertà reliġjuża, id-diskriminazzjoni. L-impossibiltà li jiddefendu ruħhom, l-internament, il-mewt ċivili, bħalma għidt f’Lourdes f’Awissu li għadda: il-prova tagħhom għandha punti komuni bħal dik tal-beati tagħna. Fl-aħħarnett, għandna nitolbu għalina stess il-kuraġġ tal-fidi, tal-fedeltà sħiħa lejn Ġesù Kristu, lejn il-Knisja tiegħu, fil-waqt tal-prova bħalma fil-ħajja ta’ kuljum. Id-dinja tagħna spiss indifferenti jew b’mod inkonxju tistenna mid-dixxipli ta’ Kristu xhieda inekwivokabbli, jiġifieri, bħal dik tal-martri ċċelebrati llum: Ġesù Kristu huwa ħaj; it-talb u l-Ewkaristija huma essenzjali biex ngħixu minn ħajtu u d-devozzjoni lejn Marija żżommna dixxipli tiegħu; l-attakkament tagħna mal-Knisja huwa ħaġa waħda mal-fidi tagħna; u l-għaqda fraterna hija s-sinjal per eċċellenza tal-insara; il-vera ġustizzja, il-purezza, l-imħabba, il-maħfra u l-paċi huma frott tal-Ispirtu ta’ Ġesù; iż-żelu missjunarju jagħmel parti minn din ix-xhieda; aħna ma nistgħux inżommu moħbija il-lampa tagħna mixgħula. 

7. Din il-beatifikazzjoni qiegħda ssir fil-qalba tas-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni. Dawn il-martri juru l-grazzja tar-redenzjoni li huma stess irċivew. Tkun mogħtija glorja lil Alla, Missier, Iben u Spirtu Santu. “Aħna nfaħħruk Alla . . . Lilek tixhed ix-xirka tal-martri”.

Ikun imfaħħar Alla li hekk jerġa jixgħel il-fidi tagħna, l-azzjoni tagħna ta’ ħajjitna! Illum huwa bid-demm tal-beati tagħna li huwa miktub  għalina l-kliem ispirat ta’ San Pawl: “Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? La l-ħajja, linqas il-mewt . . . la l-preżent, linqas il-ġejjieni . . . linqas ebda krejatura oħra, xejn ma qatt jistà jifridna mill-imħabba ta’ Alla, f’Ġesù Kristu Sidna”. Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading