Din is-sħana kbira li qed tagħmel u dawn it-temperaturi tassew għoljin m’għola s-smewwiet, mhux dejjem jitfgħuni ngerger bis-sħana li hawn. Fil-fatt, f’qalbi, tiġini ħelwa ħelwa dik il-kanzunetta mill-isbaħ ta’ Joe James “Xi sħana”. Ir-ritornell tagħha baqa’ imnaqqax f’qalbi: “Xi sħana, xi sħana, kulħadd ikanta magħna. Xi sħana, xi sħana, kulħadd allegru magħna”.
U veru tafux! Għax aktar ma kantajt dan ir-ritornell tassew ħelu u Malti kemm tridu tal-kanzunetta “Xi sħana” aktar ġie f’qalbi l-kant, imsieħeb anki mal-ferħ u l-hena ta’ meta kont ċkejken fid-dar ħelwa ta’ ommi u missieri f’San Ġwann. Emmnuni li lest li nħallas il-miljuni biex nerġa’ lura għal dak iż-żmien, imqar għal nifs wieħed.
L-ikla bebbux
F’dawn iż-żminijiet hekk partikulari u sħan tas-sajf ma nistax ma niftakarx fl-ikla bebbux li l-għażiż missieri, Alla jaħfirlu, kien iħejjijilna. Għadni niftakar qisu issa, l-għażiża ommi tħejji l-bebbux minn qabel, taħslu ħasla, tnejn, tlieta u mbagħad, la jiġi missieri, titfgħu fil-borma.
Għadni naraha timla l-borma l-kbira bl-ilma, fuq il-burner tal-cooker, dak tax-xellug inkella dak tal-lemin. Imbagħad, wara li tkun laħalħet sewwa dak il-bebbux, tibda titfgħu fil-borma. Niftakarha titfalgħu wkoll naqra melħ u, sintendi, il-patata u tħalli kollox jitgħalla. Sadanittant, missieri, li kien jiġi mix-xogħol abjad bit-trab tal-bini, kien jitla’ jinħasel fil-kamra tal-banju ż-żgħira. Wara kien jinżel u kien jibda’ iħejji l-magħrufa aljoli.
Qed narah qisu issa jaqbad il-galletti u jidħanhom tajjeb. Imbagħad, bil-mus, kien jibda’ iqatta’ t-tadam biċċiet żgħar ħafna u miegħu iqatta wkoll it-tursin, it-tewm u, mgħandniex xi ngħidu, il-bżar aħmar li kien jaħraq issemmix. Wara kien jisħaq kollox fi platt żgħir u jżid iż-żejt taż-żebbuġa kemm kien meħtieġ mat-taħlita.
Id-dar kienet tinfaqa’ bir-riħa qawwija ta’ dak il-bebbux li kien qed isir fuq in-nar flimkien mal-aljoli u l-ħxejjex aromatiċi li kellu miegħu. Aħfruli imma jiena u naqsam magħkom dawn il-ħsibijiet minn qalbi ma nistax ma nieħux naqra ta’ nagħsa f’dan iż-żmien hekk sabiħ, anzi tad-deheb, f’ħajti. U, ħa ngħidha ħa, dawn it-tifkiriet qed iqajmuli aptit tal-aptiti! Intant …
Għal fuq il-mejda
Meta kollox kien ikun lest arana immorru għal fuq il-mejda. Jien kont nitlob it-talba ta’ qabel l-ikel biex żgur kulħadd jinżillu għasel il-bebbux. Nammetti li t-talba kont nitlobha naqra bil-għaġla. Emmnuni li ma stajtx nagħmel mod ieħor. Dik il-fwieħa ta’ ikel kienet titfagħni f’dinja oħra.
Wara li ommi kienet timlieli l-platt bil-bebbux kont naqbad platt ieħor, nitfa’ patata kbira mgħollija minn dawn li kien ikun hemm fil-borma, u missieri kien jagħtini naqra aljoli milli jaħraq. Ma tantx kont nieħu aljoli tafux għax meta kont nilgħabha ta’ l-eroj għax għajnejja kienu aktar minn ġismi, malajr kien jiddispjaċini bil-kbir li kont għamilt hekk. Miskin ilsieni! Aqta’ kif kont inġibu nar jikwi. It-tagħlima ħadtha: l-aptit għandu l-kontroll tiegħu inkella għall-ġol ħruq ta’ nar li ma jintefiex.
Biex nipprova inneħħi dak il-ħruq kont nieħu l-ħobż biż-żejt taż-żebbuġa, biċċa patata mgħollija u nixrob l-ilma kiesaħ li jaqsamlek l-istonku tiegħek kemm Alla ħalaq. U, wara ħafna attentati, in-nar tal-infern kien jonqos u stajt, bil-mod il-mod, nidħol naqra fil-frisk tal-ġenna.
Il-granita
Wara li konna nieklu ikla tajba u kif imiss bebbux kont nibqa’ fil-kċina ħdejn ommi. Aktar tard missieri kien jagħmlilna l-famuża granita.
Bħalissa qed narah quddiem wiċċi bil-flokk ta’ taħt abjad, ix-shorts il-blu skur u bis-sandli f’riġlejh iqatta’ l-bettieħ, id-dulliegħ, il-lumi u anki l-frawli. Dejjem jiddependi skont ta’ xiex kienet se tkun il-granita. Wara kien iħejji l-magna u jitfa’ fil-liquidiser l-affarijiet. L-ewwel li kien jitfa kien ta’ xiex kienet se tkun il-granita. Mela, il-bettiegħ, jew id-dulliegħ, jew il-lumi inkella l-frawli. U wara kien ukoll jitfa’ l-biċċiet tas-silġ. Niftakar li t-trays tas-silġ kien jużahom kollha. Malli jlesti kien jitfa’ z-zokkor u anki l-luminata bajda mal-ingredjenti l-oħra. Meta kollox kien ikun ippakkjat fil-liquidiser kien jixegħlu u jitħan kollox.
Wara li l-granita kienet tkun lesta l-għażiż missieri kien jitfagħha fis-suppieri l-kbar li ommi kienet tħejjilu minn qabel. Nitfakru tajjeb jimliehom proprju sax-xfar. Wara kellu dik l-imgħarfa tal-plastic il-bajda u kien iħawwad it-taħlita biha.
Il-granita li kien jagħmlilna l-għażiż missieri għadni intogħmha b’tant għożżha s’issa. It-togħma tagħha kienet tabilħaqq waħdiena. Kienet tinżilli għasel. Ġieli missieri kien iżomm naqra moħħu meta jiekolha għax aqta’ kemm kienet tkun kiesħa! Anki jien kien jiġrili l-istess tafux. Għax jien ġieli naħtfu naqra l-ikel. Imma ħa ngħidilkhom, naqra granita bħal dik veru ta’ min joħodha u japprezzaha minn qalbu. Kemm tferraħ u tiffriska qlub u erwieħ jaħasra!
Is-sett portabbli tat-televiżjoni
Meta kont żgħir f’pajjiżna bdew deħlin is-settijiet portabbli tat-televiżjoni. Alla jaħfrilha oħti Josephine kienet xtrat wieħed minnhom. Għalhekk, wara li l-granita kienet tkun lesta, konna niġru ġirja għal fuq il-bejt, noħorġu s-sett portabbli tat-televiżjoni, noħorġulu l-aerial ħalli ma jtextixx u ma jkunx hemm ross fuq l-iscreen u konna naraw xi film il-ġmiel tiegħu fuq ir-RAI.
Darba niftakar li kont tlajt bil-granita f’idejja u oħti Josephine kienet sabitilna l-film ta’ El Cid ta’ Charlton Heston. Kemm kien dam dan il-film. Qabel is-siegħa u nofs ta’ filgħodu ma spiċċax. Niftakar li f’dik il-lejla sajfija lejn l-aħħar ta’ Lulju, f’sema letteralment imdewwed bil-kwiekeb, jien kont mort għas-saqqu l-beige li konna ntellgħu fuq il-bejt. Kemm ixxalajt niekol il-granita fuq dan is-saqqu u nħares lejn is-sema mimli kwiekeb! Niftakarni li aktar ma bdejt niffissa ħarsti lejn is-sema aktar bdejt nistaqsi: Min jaf x’hemm f’dik il-kewkba? Min jaf jekk joqgħodux nies? U min jaf x’ħajja hemm f’dawk l-inħawi daqshekk imbegħda? U kif jivvjaġġaw minn kewkba għall-oħra? Emmnuni ħuti li ma stajtx ma nistaqsix ukoll il-mistoqsija ferm u ferm importanti: Tgħid, jekk nibqa’ tiela’ ‘il fuq ‘il fuq niġi fil-ġenna? U kif inhi l-ġenna hux?
Għalkemm tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet ma kellix biss ħaġa ħassejt: Kemm kont ferħan naħseb fuq dawn il-ħwejjeġ u kemm qalbi kienet ħafifa u mimlija bil-ferħ tas-sema. U, dan il-ferħ, kien aktar jiżdied meta, minn fuq il-bejt tad-dar tagħna, stajt nara n-nar tal-festa tiela’ minn għadd ta’ bnadi madwar San Ġwann. Ibda’ minn Birkirkara u spiċċa fil-Għargħur u f’San Ġiljan.
Illum
Waqt li nħares lura b’nostalġija lejn dawn iż-żminijiet hekk sbieħ f’ħajti llum ngħid din: Kull ħaġa li toħodni lura f’dawn iż-żminijiet sirt nilqagħha, niggustaha u nħallieha tfejjaqni.
Inħossni ċert li dawn l-iljieli sajfin kien jgħinuni nirrifletti fuq kemm hi sabiħa l-ħajja u kemm għandha x’toffrilna. Biss, illum ngħid, li stajt nasal għal dan kollu l-għaliex, minn età żgħira, ġejt mgħallem, u mgħallem tajjeb, li l-Mulej għandu jkun l-ewwel post f’ħajti. Kull meta fittixtu dejjem sibtu u, anki jekk żgħir, qatt ma kont inħabbel rasi niddefendieh u niddefendi l-valuri tiegħu. Fejn kien jidħol hu ma kien jidħol ħadd għalija.
Għalhekk nissuġġerilek li terġa’ tmur lura għal dan il-fatt: li tagħti lill-Mulej l-ewwel post f’ħajtek. U fih u miegħu tara kemm il-ħajja tkun tabilħaqq differenti. Il-Mulej jgħinek tapprezza dak li minnu għaddejt u anki jagħtik il-kuraġġ li tmur lura għal mod sempliċi imma mimli ferħ, sbuħija u ta’ fejqan li bih kont tiċċelebra l-iljieli sbieħ tas-sajf fil-familja tiegħek.
Ma rridux wisq biex nifirħu. Ikla fil-familja iġġib xebgħa għaqda. Ibqa’ agħmilhom l-ikliet. Biss, qabel tibdew tieklu, itolbu lill-Mulej flimkien biex iberkilkom l-ikel u l-kumpanija ta’ bejnietkom u ibqgħu ħudu gost ta’ familja li intom.
X’beħsiebek torganizza għall-iljieli sajfin li għad baqagħlu dan is-sajf Malti?
Patri Mario Attard OFM Cap