Il-kalendarju tal-festi baqa’ għaddej bħalma baqa’ għaddej il-kalendarju tal-paniġierċi li l-Mulej tani l-grazzja li nagħmel u għadni nagħmel għal din is-sena 2024. Issa kien imiss dak tal-Madonna tal-Karmnu taż-Żurrieq.
Qatt ma kont nobsor li din il-mixja wara Ġesù permezz tal-paniġierċi kellha toħodni daqshekk ‘il bogħod! Fil-fatt, jiena u nħalli lill-Ispirtu s-Santu jurini t-triq li kelli nimxi biex jintiseġ dan il-paniġierku, ta’ Alla li hu seħħlu joħodni fl-imgħoddi tiegħi, eżattament meta kont ċkejken. Jiena u nara ftit kif ħajti bdiet tintiseġ ma stajtx ma narax nisġa waħda Karmelitana minn fuq s’isfel. Quddiem din in-nisġa ma stajtx ma nirringrazzjax lill-Mulej għaliha.
L-ewwel ħjiel Karmelitani
L-ewwel ritratt li jitla’ f’moħħi u f’qalbi f’din il-mixja Karmelitana kien dak tal-għeżież zijiet tiegħi Feliċ u Mari. Iz-zija Mari, Alla jaħfrilha, kienet oħt l-għażiż missieri Ġanni.
It-tifkiriet ta’ dan iż-żmien hekk waħdieni u sabiħ fit-tfulija tiegħi ma setgħux jonqsu hekk kif kelli quddiemi l-paniġierku li, bħall-bukkett imżewwaq, beda jintiseġ ġmielu ġmielu. X’għors (jiġifieri ferħ) kbir kien ikun għalija li mmur għand iz-zijiet! Dak iż-żmien, biswit il-kulleġġ tal-Karmelitani f’Santa Venera, parroċċa Karmelitana, iz-zijiet kellhom l-għelieqi li bihom setgħu jaqilgħu ħobżhom ta’ kuljum.
Għadni niftakarni qisu issa niġri ġirja mal-għelieqi bil-famuża karretta l-ħadra. Niftakar lil ħija jagħmilha taż-żiemel u jien il-ġerrej. Kif kien jinżel bija riħ minn fuq dik ir-rampa tal-garaxx u li kienet tieħu dritt dritt għall-għelieqi. Dik il-ġirja kont inkun qed nistennieha ħafna! Kienet ġirja li lili kienet timlini bil-ferħ. Fid-dar fejn konna noqgħodu, f’San Ġwann, ma kellniex dak il-beraħ u l-ispazju li kien hemm f’Santa Venera. Allura, meta konna inkunu hemm, konna nagħmlu festa festun!
Niftakar ukoll li darba, waqt li konna qed nilgħabu fl-għelieqi, niżel ballun tal-futbol oranġo. Ikolli ngħid li dal-ballun kien ġie mill-Olanda. Insomma, dan il-ballun niżel mill-ground tal-Karmelitani u baqa’ fl-għelieqi taz-ziju. Kemm konna lagħbna b’dal-ballun fl-għalqa. U lanqas ma rrid ninsa dik il-magna ċkejkna u ħelwa ta’ l-ispeed boat u anki dak il-kelb tal-għassa l-iswed li għamel xi żmien fir-razzett.
Ħafna wara li z-ziju kien irtira mix-xogħol bqajna nsemmu dawk il-ġrajjiet li ma jmutu qatt fl-għelieqi ta’ Santa Venera kull darba li konna niltaqgħu flimkien. F’dawk l-għelieqi ferm u ferm viċin tal-magħrufa knisja u l-kunvent tal-Karmelitani. Għadni niftakar qisu issa l-festi sbieħ li kienu jagħmlu lill-Madonna tal-Karmnu f’din il-Knisja. Kemm kienet tkun imżejna sabiħ u, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed nimmisja dik il-musketterija, dak l-armar ta’ ġewwa u ta’ barra, tal-Hot dogs, tal-ġelati, u tant nies li kienu jżuru din il-festa hekk ħelwa u pittoreska f’Santa Venera.
Anki meta fl-1993 kelli l-grazzja li nżur Catania, l-ewwel u s’issa l-unika darba f’ħajti li żort Sqallija, ukoll moħħi u qalbi ġrew lejn din l-esperjenza hekk unika ta’ meta kont żgħir f’Santa Venera. Għax fejn ikun hemm il-Madonna għid li se jkun hemm il-ferħ, is-sempliċità u l-ħajja tal-familja. “Marija hi kbira għax bil-ferħ, bl-umiltà u bil-ħniena ta’ Binha Ġesù hi mimlija”. Tinsieha qatt dil-biċċa taqbila għażiż ħija u għażiża oħti!
Il-festa tal-Karmnu tal-Balluta
Esperjenza mill-isbaħ li titlagħli spiss fuq l-iscreen ta’ qalbi hi dik tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Balluta. Kemm kont nattendi għaliha b’ferħ u b’entużjażmu kbir.
Ta’ tifel ċkejken, kont iffissat fuq il-festa tagħna tal-Madonna ta’ Lourdes f’San Ġwann. Għalhekk, meta kienet tasal il-festa tal-Karmnu tal-Balluta, fl-aħħar Ħadd t’Awwissu, kien ikolli ġenn biex nattendi għal din il-festa ħalli wara niċċelebra tagħna f’San Ġwann.
Madankollu, bil-mod il-mod, il-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Balluta bdiet tinżilli għasel f’qalbi tant li bdejt inħobbha għaliha nnifisha. Għadni niftakar dik il-kapolavur ta’ statwa tal-Madonna tgħaddi qalb in-nies fi Triq it-Torri tas-Sliema fil-purċissjoni tal-festa. Darba, fil-festa, niftakarni li kont weġġajt ħafna. Waqt li kienet ħierġa l-Madonna mara, ma nafx jekk kinitx Maltija jew le, baqgħet tixxemmex isfel ħdejn il-baħar. Xi wħud aktar kien jimpurtahom minn ħlejqa li titgawda għal ftit żmien u mbagħad tinżel tiġri fil-qabar biex ġisimha jsir trab milli japprezzaw il-ħlejqa, Omm Alla u Ommna, li hi għal dejjem. Qalbi ċċartet għall-għażla bla moħħ li għamlu dawn l-aħwa. Jaħasra ħa jiftakru li l-eċitament ta’ mument mill-ewwel jinbidlilhom f’togħma morra waqt li dawk li baqgħu jfaħħru lill-Mulej permezz ta’ Marija Ommna baqgħu ferħana u bil-paċi f’qalbhom issemmix.
Mal-ħruġ tal-Madonna u l-ħruq tal-musketterija u l-murtaletti konna nidħlu fil-Knisja. Kemm kont nieħu gost kull darba li l-għeżież ġenituri tiegħi kienu jdaħħluni fil-Knisja tal-Karmelitani tal-Balluta! F’din il-Knisja neo-gotika, kont inħossni tant viċin Dak li hu l-Kollox u li jista’ Kollox. Fil-Knisja tal-Karmnu fil-Balluta kont nagħmel esperjenza ta’ Dak li hu misterjuż imma mifhum, ta’ Dak li hu ħlewwa infinita u li f’idejH għandu l-ħajjiet tal-bnedmin. F’ċertu sens kienet tiġini f’moħħi ir-riflessjoni ta’ Brother Lawrence, Karmelitan, fuq Alla meta jgħid: “Għolli qalbek lejH matul l-ikliet u meta tkun fil-kumpanija. L-iċken darba li titfakar fih tagħtih l-akbar gost. Wieħed m’għandux jgħajjat ħafna. Hu viċin ħafna tagħna ħafna aktar milli naħsbu aħna”.
F’festa minnhom, wara li ħarġet il-Madonna, niftakar li konna mxejna ftit fuq front tas-Sliema. Kont naf li din il-mixja kienet se toħodna biex nieqfu xi mkien u missieri jixrili dak il-ġelat u flixkun tal-luminata friska friska li tant kont qed inkun nistenna. Għalhekk, dik kienet mixja qaddisa u mqaddsa ukoll. Hu x’inhu l-każ niftakar li għaddew jimxu qabilna xi żgħażagħ reliġjużi, li kienu għall-patrijiet. Minn ilbishom ikolli ngħid li kienu tħajru jidħlu Karmelitani. Għadni s’issa niftakarhom jitħaddtu fuq l-imħabba. “X’inhi l-imħabba?” staqsa wieħed minnhom b’entużjażmu. Filwaqt li l-ieħor, donnu b’mod poetiku, beda jipprova jaqta’ din l-imbierka mħabba x’inhi. Tant kemm ħadt gost nismagħhom jitħaddtu fuq das-suġġett li donni stħajjilthom Twanni Scarpello li kien jaqra rumanzi mill-isbaħ fuq l-imħabba fuq ir-radju u li jien, avolja żgħir, kont akkanitissmu għalihom. Dawn kienu mumenti li kienu jitfgħuni f’riflessjoni u, bla ma kont naf, kontemplazzjoni wkoll.
Tgħid x’kienu jgħidu hux il-qaddisin Karmelitani għal din il-mistoqsija? X’kienu jwieġbu? Jien se nsemmi dak li qalet Santa Tereża ta’ Ġesù, Tereża t’Avila, meta qalet: “Mhux daqshekk essenzjali li taħseb ħafna daqskemm li tħobb ħafna”. Illum ngħid li dal-ħsieb hu li jagħmel l-imħabba mħabba. Għax l-imħabba iġġagħlna nxammru l-kmiem ħa nagħmlu aktar milli sempliċiment nibqgħu naħsbu fl-arja u mbagħad nerħulha npaċpċu fil-vojt.
Oħti Josephine u l-festa tal-Madonna tal-Karmnu
Oħti Josephine, Alla jaħfrilha, li kienet toqgħod f’Santa Venera, kienet ħietet xi pavaljuni għal din il-festa. Biss illum ngħid li l-akbar pavaljun jew bukkett fjuri li nistgħu inħitu jew nagħmlu lill-Madonna hu meta nitolbu r-Rużarju kuljum magħha u mmorru għal dik il-qrara u tqarbina.
Int veru tħobb lill-Madonna, li hi Ommok? Jekk veru tħobbha għamlilha l-isbaħ u l-aqwa pavaljun, mant, jew ornament li trid billi titlobha t-talba tar-Rużarju Mqaddes, mur qerr qrara u mur għall-quddies u tqarben. Tibżax, b’talbha u bi mħabbitha tgħaqqadlek il-familja u l-komunità tiegħek u tħarishielek minn kull ħsara. Marija tieħdok għand Binha u Ħuk Ġesù.
Talba
“Insellmulek, O Marija, Omm t’Alla u tagħna l-Bnedmin. Bħalma għamlu dejjem missirijietna, aħna ukoll fik inqiegħdu t-tama sħiħa tagħna, it-tama ta’ kull fejqan fir-ruħ u l-ġisem. Lejk aħna nirrikorru, għax nafu li mingħajrek ma nistgħu naslu qatt għal ħdan Ibnek Ġesù. Taħt il-ħarsien tiegħek aħna nafdaw lilna nfusna, il-familji tagħna, il-mexxejja tagħna, il-poplu tagħna, l-għażiża art twelidna. Dawwar lejna l-għajnejn tiegħek tal-ħniena; ħarisna Int minn kull tiġrib fil-ħajja tagħna. Mexxina Int, O Marija fit-triq tas-sewwa li twassalna għall-glorja ta’ dejjem. Madonna tal-Karmnu, Itlob għalina”.
Viva l-Madonna tal-Karmnu, Ommna, l-għaxqa, it-tama u l-kenn tagħna issa u f’kull żmien! Viva l-Madonna tal-Karmnu!
Patri Mario Attard OFM Cap