Meta jkun irid xi ħaġa?

L-għaxqa tiegħi nisma’ tinqara l-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Minn żmien għal żmien, nisma’ ukoll il-frażi: “Għax Alla hekk irid”, jew “Għax Alla hekk ried”.

Dawn il-frażijiet, li dejjem jidwu f’widnejja biex imbagħad jinżlu f’qalbi u jregħduhieli, dejjem ifakkruni fil-mistoqsija: “Alla jista’ irid?” Jekk niftakar biss li jien ġejt maħluq u mifdi minnu nasal ngħid li iwa Alla jrid. U xi jrid? Mill-Kelma t’Alla naf li Alla jrid żgur ħaġa waħda, almenu skont dak li tgħidilna l-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lil Timotju: “Nitolbok l-ewwelnett li jsiru suppliki, orazzjonijiet, talb u radd il-ħajr għall-bnedmin kollha; għas-slaten, għal dawk kollha li għandhom xi awtorità, biex inkunu nistgħu ngħaddu ħajja fil-kwiet u fis-sliem, fit-tjieba u kif jixraq. Dan hu tajjeb u jogħġob lil Alla s-Salvatur tagħna, li jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità” (1 Tim 2:1-4).

Xi ġmiel hux! Mela Alla, skont l-Ewwel Ittra lil Timotju, jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità u jrid li dan iseħħ f’ħajja ta’ kwiet, sliem u tjieba kif jixraq. Sewwa nagħmlu li fl-Innu Malti lil Alla Missierna nitolbuh: “Seqqad l-għaqda fil-Maltin u s-sliem”. Hemm bżonn li ngħixu fis-sliem, fil-kwiet u b’qalb tajba. Inkella kif ħa nkampaw? Kif ħa ngħixu ħajjitna fuq din l-art? Jista’ ikun ngħixu wieħed lest biex jibla’ lill-ieħor qisna ta’ Jurassic Park?

Din riedha minni

Personalment ngħid li hemm xi affarijiet f’ħajti li llum, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar nasal ngħid li l-Mulej riedhom minni.

Mingħajr dubju, l-ewwel ħaġa li tiġi f’moħħi u f’qalbi hi s-sejħa tiegħi ta’ Patri Kapuċċin. Ippruvajt naħrabha? Fittixt triqat oħra ħa neħles minnha? Jekk taqta’! Madankollu, aktar ma ppruvajt naħrab minnha aktar kienet hi! U kif sirt nafu dan? L-għaliex f’qalbi minflok dak is-sliem, il-kwiet u t-tjieba kelli kaos, konfużjoni u mrar tal-imrar jiġri f’demmi. Fi ftit kliem, ħassejtni bħal wieħed li qed jinqatagħlu nifsu mill-ġewwieni tiegħu stess. U, biex tgħaxxaqha, dak kollu ta’ madwari bdejt narah jiddallam u jiċċajpar.

Ara meta mort lura għall-mixja tas-sejħa tiegħi kemm ħassejtni ferħan u kuntent. Mhux biss imma, u fuq kollox, bdejt nara sens kbir f’ħajti fejn qabel, meta ħrabt mis-sejħa, ma kellhiex.

Każ ċkejken

Dan l-aħħar kelli esperjenza fejn tassew ħallietni bla kliem. Tidher mhi xejn imma meta bdejt nieżel fiha bqajt mistagħġeb bil-qawwa tat-tifsira li għandha.

Mela, f’wieħed mill-jiem hawn fl-isptar tfajt xi ħaġa tal-flus biex nixrob flixkun luminata kiesaħ. Insomma, kapriċċ wara jum xogħol bla waqfien. Għal xi raġuni l-magna xorbitli l-munita u ħallietni b’xejn. Ħassejtni iddiżappuntat mhux ftit! Kemm kont ili nixtiequ dak in-naqra ta’ flixkun luminata kiesħa. Imbagħad issa, is-sajf!

Waqt li bdejt nibdel il-kuluri nara ħaddiema fl-isptar. Din x’ħin ratni f’dik il-qagħda, bħall-ħanin Samaritan qaltli: “Tinkwieta xejn Patri ħi. Hemm in-numru fejn tista’ iċċemplilhom. Ċemplilhom u għidilhom”. Dlonk għamilt kif qaltli imma qatgħuli ħesrem. “Ċempiltilhom u qatgħuli f’daqqa,” għedtilha. Imbagħad qaltli: “Tikkonfondi xejn. Ibgħatilhom messaġġ fuq dak in-numru”. U hekk għamilt l-aħwa u ta’ rġiel u nisa li huma weġbuni minnufih. F’dal-messaġġ kitbuli li kien iddispjaċihom li kien seħħ dan kollu u li dil-persuna kienet se tinforma lill-ħaddiem biex jagħtini refund il-ġimgħa ta’ wara. Għalqu dal-messaġġ billi awgurawli li jkolli “lejl sabiħ.” Apprezzjat bil-bosta li rċevejt dal-messaġġ. Kien wirja ta’ ġentilezza mill-iprem. Prosit ħija u oħti! Ħriġtu veru ta’ rġiel u nisa b’dan li għamiltu miegħi!

L-għada kelli quddiesa fl-għaxra l-għaliex kienet btala pubblika u wara li qarbint xi swali ħdejn il-kappella nżilt isfel fil-kamra. Għall-ewwel kont se nieħu l-pissidi u mmur inqarben is-swali ta’ fuq. Imma wara ħassejt min jgħidli: “U int itla’ qarben bit-trolley b’mod solenni, illum festa”. Afdajt f’dal-leħen ġej mill-ġewwieni tiegħi u wettaqt dak kollu li qalli biex inwettaq.

Ħaġa tal-meravilja, meta nidħol fil-lift min taħsbu li nsib quddiem wiċċi? Lill-ħaddiem li jimla’ il-magna li tkessaħ il-fliexken tal-luminata. Wara li tħadditna ftit mill-ewwel urejtu l-messaġġ li bgħattli l-proprjetarju. Fuq il-miktub ħadd ma jista’ jmerik hux! Għax, kif jgħid l-ilsien Latin: “Scripta manet”, jiġifieri “l-miktub jibqa’”. Għalhekk, il-ħaddiem, fetaħ il-kaxxa tal-flus tal-magna u tani lura l-munita li kont tfajt qabel. Hekk kelli l-flus biżżejjed biex darb’oħra nerġa’ nitfa’ bit-tama li nerġa’ nieħu flixkun luminata.

Dal-fatt ġagħlni nirrifletti ħafna. L-ewwel nett, ħassejt li l-Mulej tassew ħa ħsiebi. Kont insejt bid-diżappunt tiegħi imma hu ma insieħx tant li sab ix-xoqqa f’moxtha u tani dak li kont xtaqt b’tant ħrara. It-tieni, rajt l-importanza kbira li nisma’ il-leħen li jiġi mill-ġewwieni ta’ qalbi. Kelli prova, iswed fuq l-abjad, li dak il-leħen ma kienx sempliċiment ta’ qalbi li ħebbritni. Dak il-leħen kien tal-Ispirtu s-Santu li kellimni f’qalbi. Imnalla tani l-grazzja li nobdieh għax hemm ara, laqqagħni eżatt mal-persuna li kelli niltaqa’ magħha. Uħud qaluli li soltu dal-ħaddiem jiġi filgħodu. Mhux tas-soltu li jiġi wara nofsinhar. Xi jfisser dan jekk mhux il-fatt li dan kien intervent divin?

Mhux ta’ b’xejn li jien u l-ħaddiem bqajna miblugħa għall-aħħar b’dan kollu li seħħ quddiemna u spiċċajna nitolbu lill-Mulej. Kif konna f’dik l-arja sabiħa tat-talb il-Mulej tani l-grazzja li naqsam miegħu l-Kurunella tal-Ħniena Divina. Kif jaħdem il-Mulej hux!

Nistgħu ngħidu hekk għal kull każ?

Fil-ħajja ġieli aktar ma nippruvaw nifhmu aktar inħossuna ittentati li niġbdu linja. U, bis-sinċerità kollha, hu hawnhekk meta nħossni li nkun żlaqt.

Niftakar li darba kont f’quddiesa u qrajt il-vanġelu fejn Ġesù kien qajjem tifla ta’ tnax-il sena. Wara l-quddiesa nsib mara tibki. “Xi nqalgħalek oħt? Għalfejn qed tibki?” staqsejtha b’qalbi muġugħa. U l-mara, tibki bħal tarbija, weġbitni: “Ma setax dan li qajjem lil din it-tifla iqajjem lil tiegħi wkoll li ħallietna snin ilu?”

Emmnuni li b’dak li qaltli din oħti għalqittli ħalqi. Għax tassew, kif inhu l-vanġelu hux li għal uħud idewwilhom il-ġrieħi u lill-oħrajn donnu li jiftaħhomlhom aktar? Mur ifhem. Minn naħa l-oħra l-esperjenza ta’ persuna ma tkunx ta’ oħra lanqas. U allaħares ikollna naqtgħu dawn l-esperjenzi ‘il barra mill-Bibbja u ma naqrawhomx għax kieku x’jifdal minnha?

Aktar mal-Mulej tani l-grazzja nirrifletti fuq dil-biċċa xogħol aktar wassalni fil-konklużjoni li din id-dinja hi WIED TAD-DMUGĦ. Ma ninsewx x’jgħid il-qawl għaqli Malti: “Ebda warda bla xewka”.

Tgħid il-Mulej riedha lil din it-tifla għalih jew le? It-tweġiba tiegħi hi MA NAFX. Biss li naf hu li l-fidi Nisranija tiegħi tgħidli li qiegħda għandu u li aktar inħossni li għandi nitlob għall-faraġ tal-familja tagħha.

Nissaħħu fil-fidi

Din l-istorja kollha wasslitni biex nitlob b’aktar intensità it-talba tant sabiħa li l-appostli qalu lil Ġesù: “Kattar fina l-fidi” (Lq 17:5).

Illum ngħid li din it-talba se nibda’ nitlobha ta’ spiss u b’aktar qawwa għax ma nafx meta jkun irid xi ħaġa. Biss ħaġa naf u din tgħallimhieli l-Bibbja stess: “Għalhekk, kif jgħid l-Ispirtu s-Santu: ‘Jekk illum tisimgħu leħnu, la twebbsux qalbkom bħal f’jum l-irvell” (Lhud 3:7-8).

Mulej, irrid ngħix fis-sliem, fil-kwiet u fit-tjieba u mhux fl-istorbju, fit-taħwid u fl-imrar. Iftaħli qalbi ħa ngħidlek iva u nwettaq dak li tgħidli biex nagħmel O Mulej. Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading