Huma ħafna dawk li għadhom jitħaddtu fuq il-mewta traġika li seħħet nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Lulju 2024 fil-bajja tal-Munxar f’Wied il-Għajn. Tfalja l-ġmiel tagħha, Mirabelle Falzon, kienet qed tgħum bil-kwiet u tispiċċa vittma minħabba li l-blat waqa’ fuqha.
Inċidenti bħal dawn jiftħu l-qalb beraħ bin-niket. Ix-xokk li jagħtu hu kbir. Kif jista’ ikun persuna, fl-aħjar tagħha, b’futur quddiemha, tispiċċa hekk, taħt it-trab, bl-aktar mod kiefer? Għaliex, minkejja tant tentattivi li saru biex ħajjitha tiġi salvatha ħa tkun tista’ tgħix bħali u bħalek, din it-tfalja ħelwa xorta waħda kellha titlaq minn din id-dinja f’età daqshekk żgħażugħa?
Dawn huma parti minn sensiela ta’ mistoqsijiet li wieħed jistgħu jiġuh f’moħħu meta jisma’ b’każ bħal dan. Personalment, meta smajt u qrajt x’ġara, għalkemm lil din oħtna ma nafhiex madankollu qalbi iċċartet bl-uġiegħ. Ta’ bniedem li jien ma stajtx ma ndurx lejn dak li l-fidi tagħna tiddiskrevieh bħala Dak li ħalaq is-sema, l-art, il-baħar u l-għejjun tal-ilmijiet, f’kelma waħda lejn Dak li jista’ kollox, u, b’qalb minfuda nistaqsieh: Mulej għax ippermettejt li Mirabelle tmut hekk?
Emmnuni l-aħwa li meta ressaqtlu din il-mistoqsija, anki b’rabja u bi swied il-qalb, ħassejtni li qed nistrieħ. Nistrieħ l-għaliex f’dawn il-mumenti, li huma ferm iebsin, hu importanti ħafna li noħorġu r-rabja li jkollna fina imħallta mad-diżappunt kbir, anki lejn Alla. Kif Mulej int li għamilt ħwejjeġ kbar, ma stajtx ukoll tħalli dak il-ġebel jaqa’ meta ma kien ikun hemm ħadd fil-baħar u hekk ma kien iweġġa’ ħadd? Taħseb li kieku ħallejt dil-biċċa xogħol isseħħ kienet se tkun ta’ problema għalik li tagħmilha?
Apposta qed nagħżel li nistaqsi magħkom lill-Mulej u nipprotesta miegħu quddiem traġedja bħal din.Għax anki jien, avolja Patri u ikkonsagrat l’Alla, xorta waħda inħossni mweġġa’ fuq li mweġġa’ u irrabjat fuq li rrabjat għal dak li ġara. Magħkom jien ukoll inħoss id-daqqa li aħbar kerha bħal din tħalli fuqna l-bnedmin, li għandna qalb li tħoss u moħħ li jipprova jagħmel sens minn din is-sitwazzjoni li tidher bla sens f’għajnejna.
Quddiem ġrajja fejn tħallini bla kliem inħoss li m’għandix tweġba dwar l-għaliex Alla ippermetta dan. Xi wħud jafu jgħiduli: Imma l-għaliex kollox qed twaħħlu f’Alla? Mela aħna m’għandniex ir-responsabbiltajiet tagħna? Imma x’responsabbiltà jista’ ikun hemm jekk ġebla jew ġebel ifettlilhom jinqatgħu minn mal-kosta u jispiċċaw fil-baħar u jordmu magħhom lil min isibu? Dan bħal meta ħafna qalbhom inqasmitilhom l-għaliex il-magħrufa tieqa t’Għawdex filli kienet hemm u filli ma baqgħetx tidher aktar fuq il-pjanta ta’ artna. Ma setax ikun hemm in-nies ukoll f’dak il-waqt tal-inċident u l-biċċa kienet tissarraf fi traġedja akbar?
Il-mistoqsijiet jibqgħu jinbtu u jinbtu. U, jekk wieħed jagħti l-lala, ma jieqafx jistaqsi. Jekk li nistaqsu l-mistoqsijiet iserrħilna ftit qlubna allura ħalli nistaqsu. Imma bil-mistoqsijiet jista’ ikollna xi tweġiba? Mit-tbatija li nara ma’ wiċċi hawn, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija, fejn nara għadd ta’ pazjenti li jmutu f’idejja u l-mistoqsija għaliex dan? inħossha tant toħroġli b’mod naturali, ngħid ħaġa. Anki jekk f’dawn il-mumenti lanqas nafu fejn naqbdu nagħtu rasna, l-aktar jekk il-persuna tkun l-għażiż u l-għażiża tagħna fil-familja, hu tajjeb li nistaqsu l-għaliex, biż-żmien, forma ta’ tweġiba se jkollna żgur.
Minix qed nirreferi għal dawk it-tweġibiet preċiżi u dommatiċi li ma jinbidlux. Minix qed nirreferi għat-tweġibiet tal-esperti li jistgħu joħorġu b’miljun teorija fuq il-każ li jkun. It-tip ta’ tweġiba li qed nirreferi għaliha hi l-istess tfittxija li nħossu li għandna nagħmlu biex forsi f’idejna jkollna xi forma ta’ spjegazzjoni. Ovvja li l-persuna mhux ħa tiġi lura. Issa la marret marret. U dan nafuh minn niket kbir li nħossu f’qalbna meta ngħajtulha u ma nsibuhiex magħna kif konna nagħmlu qabel.
Forsi f’dawn il-waqtiet daqshekk tqal ikun hawn min jgħidlek: Għaliex ħa lil dik u mhux lil dawk li jagħmlu tant ħażen? Imma l-għaliex hemm bżonn li jieħu lil xi ħadd, hu li għandu kollox? Mhux kulħadd ibnu u bintu? Mhux kulħadd, mill-eżiżtenza tiegħu u tagħha jitlob l-imħabba tiegħu ta’ Missierna li hu? Imma, nistħajlek tgħidli, Missier lil uliedu ma jippruvax isalvahom? Ma juriehomx biex ma jmorrux f’ċertu postijiet ħalli ma jiġrilhom xejn?
Huma ħafna l-mistoqsijiet u s-suppożizzjonijiet li nistgħu nagħmlu. U tajjeb li nagħmluhom ħalli nneħħu dal-piż enormi li għandna fuq qalbna bin-niket li qed inġarrbu. Biss ħaġa waħda tibqa’ ċara: f’dawn is-sitwazzjonijiet tweġibiet ma jkollniex. Minħabba każi bħal dawn jista’ ikollok persuni li jgħidulek: Daqshekk emmint. U għandhom kull dritt li jagħmlu dan. Ir-rabja hu mportanti li wieħed jesprimieha. Madankollu, minkejja l-ħafna uġiegħ li ġġib magħha, fil-fond tal-qalb hemm aktar mir-rabja. Hemm l-istess qalb li ma tgħejja qatt tinfetaħ għall-imħabba. Min jaf? Abbli dik l-imħabba li l-qalb qed tfittex, anki f’waqtiet daqshekk iebsa u kiefra bħal dawn, taf twassalha biex tibdel l-idejat tagħha fuq Alla u tibda tarah xorta oħra? Abbli minn idea ta’ Alla li jirranġalek il-problemi kollha l-qalb u r-ruħ jibdew jesperjenzaw tip ta’ Alla li jibki u jbati miegħek. Li jirrabja wkoll għall-mewta ta’ uliedu fl-aħjar tagħhom bħalma ġara fil-każ ta’ Mirabelle u tant oħrajn. U, fuq kollox, f’dak Alla li, għax Missier, anki fi traġedji bħal dawn, fis-skiet, jibda’ jaħdem il-plan B tiegħu ħalli jwassal imħabbtu fis-sitwazzjoni lin-nies milquta minn tant tbatija b’mod ieħor.
Hu x’inhu l-każ filwaqt li l-ħajja tkompli dawn ħutna nitolbu għalihom u nitolbu wkoll għall-għeżież tagħhom li bħalissa għaddejjin minn Kalvarju sħiħ minħabba t-telfa tagħhom. Infittxu wkoll li nkunu qrib tagħhom b’atti ċkejkna ta’ solidarjetà u nuruhom li qed nisimgħu l-karba tal-uġiegħ tagħhom. U Alla … filwaqt li ngħidulu dak li għandna ngħidulu, ta’ uliedu, inħalluh, kif jgħid Papa Franġisku, jissorpendina hu…
Patri Mario Attard OFM Cap