Kappella ġdida fl-uffiċċju tal-Missio

Il-Kardinal Luis Tagle għoġbu jżur l-uffiċċji ta’ Missio Malta fil-Mosta. Waqt din iż-żjara inawgura kappella ġdida fl-istess uffiċċji li se sservi bħala post ta’ meditazzjoni u talb għall-ħaddiema, voluntiera u viżitaturi.

“Dan mhux biss uffiċċju u din il-kappella hija l-prova li xogħolna bħala missjunarji huwa ċentrali għar-ruħ tal-Knisja,” qal il-Kardinal Tagle waqt l-inawgurazzjoni. Huwa qal li l-Knisja tmut mingħajr il-ħidma missjunarja, hekk kif iż-żelu Nisrani jisparixxi. “Ebda Kristjan m’huwa eżentat milli jsir missjunarju, hekk kif aħna lkoll imsejħin biex inxerrdu l-Vanġelu ta’ Ġesù,” żied jgħid il-Kardinal.

F’diskors qasir ta’ merħba, Dun Victor Agius, Direttur ta’ Missio Malta, qal li kienet grazzja li l-inawgurazzjoni tal-kappella kienet qed issir nhar il-festa ta’ San Ġorġ Preca, hekk kif enfasizza fuq il-missjoni tal-Evanġelizzazzjoni, li kienet tant ċentrali għall-missjoni tal-qaddis Malti. Il-kappella hija maħsuba li toffri rokna ta’ paċi fl-uffiċċju ta’ Missio u li tagħti importanza għat-talb fil-ħajja ta’ kuljum. It-twaqqif tal-kappella jifforma parti minn proċess ta’ tisbiħ li seħħ fil-binja kollha li sservi bħala l-uffiċċji ewlenin ta’ Missio Malta.

Id-disinn tal-kappella ġie fdat f’idejn l-artist lokali Anthony P. Vella fisser kif hija spirata mill-vjaġġ Nisrani li jibda mis-salib ta’ Kristu u jsib il-milja fil-Qawmien tiegħu. Il-Kardinal Tagle, li huwa l-Pro-Prefett għas-Sezzjoni tal-Evanġelizzazzjoni tad-Dekasteru tal-Evanġelizzazzjoni, żar Malta fuq stedina tal-Fakultà tat-Teoloġija u l-Għaqda Studenti tat-Teoloġija, fi ħdan l-Università ta’ Malta.

Kulħadd huwa mistieden għat-talb fil-kappella ta’ Missio, f’Nru.150, Triq Lorenzo Gafà, il-Mosta, bejn id-9.00am u 12pm.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading