Tmien ktejbin ta’ għerf

Fi Franza kelli l-grazzja nżur dar f’belt partikulari. Niftakarni nidħol fiha u nintlaqat mill-mod kif kienet mibnija. Kif tidħol kellha taraġ li jwassal għall-kmamar ċkejkna li hemm mal-ġenb tagħha. Dan it-taraġ kien fenomali għax kien jagħti għaż-żewġt ikmamar kbar fil-qalba ta’ din id-dar.

Tant kemm ħassejtni maħtuf minn dan it-taraġ u mill-ispazzju ta’ quddiemu, li meta rajtu ġiet quddiem għajnejja l-Assembleja Nazzjonali tar-revoluzzjoni Franċiża. Fil-preżenza ta’ dan it-taraġ daqshekk impressjonanti ħassejtni qiegħed nara quddiem wiċċi lil Maximilien Robespierre, George Danton u tant kelliema revoluzzjonarji oħra, fosthom lil Louis Antoine Léon de Saint-Just, li ta’ 26 sena ħasdulu rasu bil-giljottina bħat-tnejn ta’ qablu. Imma dan l-argument nixtieq li nitħaddet fuqu magħkom darb’oħra.

Il-kotba

Qabel ir-revoluzzjoni Franċiża kienet qed tiżviluppa dik li nsejħulha l-“Encyclopédie”. L-għan ta’ din l-enċiklopedija kien li jinġabar kemm jista’ ikun it-tagħrif kollu, jiġi magħrbul b’mod kritiku u razzjonali u hekk ikun jista’ jintuża għall-iżvilupp soċjali.

Fost il-kittieba li kkontribwew bil-kbir fl-“Encyclopédie”, li kienet biċċa xogħol kbira letterarja u filosofika li ġabet konsegwenzi kbar fuq il-ħajja politika, soċjali u intellettwali fi Franza ta’ qabel ir-Revoluzzjoni, insibu lil Denis Diderot; André Le Breton; Suzanne Verdier
Voltaire; Charles de Secondat, Baron de Montesquieu; Jean-Jacques Rousseau u l-bqija.

Imma issa daqshekk fuq dawn il-ħassieba kbar li l-ħsieb liberali tagħhom, imżewwaq mal-ambizzjoni intellettwali li lkoll ħaddnu, wasslithom biex jiktbu ħwejjeġ kbar li heżżu l-assolutiżmu. Ejjew issa immorru naqra għal dawk il-ktejbin ħelwin li kienu mgezzin fuq in-naħa tax-xellug ta’ unit ħelwa f’waħda miż-żewġ swali l-kbar u mdawla ta’ din id-dar-assembleja nazzjonali.

Għejjun ta’ għerf

Hemm, f’unit kannella ċara, ‘il ġewwa kemm jista’ ikun, fuq in-naħa tax-xellug, il-Mulej tani l-grazzja li nsib tmien kotba ħelwin li bl-ilsien Franċiż jissejħu: “Sources de Sagesse”, b’ilsienna “Għejjun ta’ għerf”. Is-suġġett ta’ kull għajn jinbidel skont il-ktieb. Madankollu, ilkoll għandhom x’jgħallmuni.

Bqajt imbellaħ kif, fi spazzju ta’ 22 faċċata ta’ ktejjeb kulur il-kafè ċar, jinstab daqshekk għerf. Imbagħad, dak id-diżinn ħelu ħelu tgħidx kemm, jagħmel dawn il-kotba tabilħaqq sbieħ u li jisirqu l-għajn. Se nsemmihom bl-ordni li biha ħriġthom mill-bagalja.

Għejjun l-għerf Ċiniż

Bdejt naqra l-ewwel ktieb u ltqajt ma’ din is-sentenza: “Nos désirs sont comme les enfants: plus on leur cède, plus ils deviennent exigeants”. Bl-ilsien Malti tgħid: “Xewqatna bħat-tfal: Aktar ma nwettqu dak li jgħidulna aktar jitolbu minna”.

Xewqat hawn ta’ kull għamla. Altru xewqa li nagħmel il-ġid u altru xewqa li nagħmel id-deni. L-ewwel waħda għandi nimxi magħha imma l-oħra rrid naħrabha. Imma anki fix-xewqa li nagħmel it-tajjeb għandi wkoll, minn żmien għall-ieħor, inżurha naqra. Għax jekk nagħmel aktar milli jmissni se ngħaffeġ għax inkun għajjien u għajjiena, u allura ma jkollix xi jħarisni. Dan biex ma nsemmix li wħud mix-xewqat mhux possibbli għalija li nwettaqhom.

Ħa nkun saqajja mal-art dwar ix-xewqat. Noqgħod attent u attenta fuq ix-xewqat…

Għejjun l-għerf Ġappuniż

Miċ-Ċina mort 3,045 kilometru ‘il bogħod u dħalt fil-Ġappun. Hawnhekk il-Mulej laqqagħni ma’ ħsieb mogħti lilna minn Hashi Sosei, li kien poeta u qassis Buddist Ġappuniż. Dal-ħsieb jgħid hekk: “Les feuilles des arbres changent de teinte sous le vent automnal, mais du coeur humain que devons-nous penser?” Fl-ilsienna: “Il-weraq tas-siġar jibdlu lewnhom fir-riħ tal-ħarifa imma x’naqbdu naħsbu fuq il-qalb tal-bniedem?”

Se nibqgħu lejali lejn xulxin fir-riżq it-tajjeb u l-ħażin, fis-saħħa u fil-mard u li nħobbu u nirrispettaw lil xulxin tul ħajjitna kollha? Jew inkella, mal-anqas żiffa riħ, arana naħarbu minn xulxin jew jekk noqgħodu flimkien, noqgħodu nilgħabu n-noli?

Għejjun l-għerf Induwista

Mill-Ġappun ivvjaġġajt 5,956 kilometru sakemm wasalt l-Indja. Hawn Kathâs, li hi rakkont ta’ ġrajja bl-istil Indjan, tgħaddilna dan l-għerf: “Sage est celui qui garde son calme dans le malheur, ne s’enorgueillit pas dans l’aisance ne se montre pas lâche dans le danger”. B’ilsienna: “Għaqli hu dak li jibqa’ kalm waqt il-maltemp, ma jitkabbarx waqt il-bnazzi u li ma jibżax fil-periklu”.

Il-kuntrarji ta’ kalm-maltemp, ma jitkabbarx-bnazzi u ma jibżax-periklu huma tabilħaqq għejjun ta’ għerf kbir. Kemm għandna bżonn noqgħodu ftit fil-kwiet hux ħa nħallu lir-Ruħ il-Qodos, l-Ispirtu s-Santu, imexxina hu f’dawn is-sitwazzjonijiet imqallba u konstrastanti.

Għejjun l-imħabba

Mill-Indja vjaġġajt 7,364 kilometru sa’ ma wasalt Franza. U hawn, fl-ajruport, sibt jistennieni l-poeta Franċiż Paul Éluard, u li wkoll wieħed mill-fundaturi tal-moviment Surrealista, b’poeżija tabilħaqq ħelwa:

J’ai regardé devant moi                                                      Ħarist quddiemi

Dans la foule je t’ai vue                                                      Rajtek fil-ġemgħa

Parmi les blés je t’ai vue                                                     Rajtek qalb il-qamħ

Sous un arbre je t’ai vue                                                     Rajtek taħt is-siġra

Au bout de tous mes voyages                                              Fi tmiem il-vjaġġi tiegħi

Au fond de tous mes tourments                                           Fil-qiegħ tad-dwejjaq tiegħi
Au tournant de tous les rires                                               Fir-rokna ta’ kull tbissima

Sortant de l’eau et du feu                                                    Rajtek ħierġa mill-ilma u n-nar


L’été l’hiver je t’ai vue                                                       Fis-sajf u fix-xitwa rajtek
Dans ma maison je t’ai vue                                                 F’dari rajtek

Entre mes bras je t’ai vue                                                   F’dirgħajja rajtek
Dans mes rêves je t’ai vue                                                  Fil-ħolm rajtek

Je ne te quitterai plus.                                                         Ma nħallik qatt.


Xi mħabba dik! Mank jaħasra nibqa’ nħobbok hekk u mhux meta ttellagħhomli lanqas b’nemes ma nkun irrid narak u aqta’ kif naqtgħek mill-Facebook ta’ qalbi!

Għejjun l-għerf tal-Lvant

Minn Franza nżilt daqs 3,310 kilometru, jiġifieri lejn l-Eġittu. F’dan il-pajjiż tal-Lvant, hekk affaxxinanti, nsibu dan il-kliem: “Suis ton coeur pour que ton visage rayonne durant le temps de la vie”. Bl-ilsien Malti ngħidu: “Imxi wara qalbek ħalli wiċċek jiddi ħajtek kollha”.

M’hemmx kelma aktar kerha minn meta ngħidu: “Kontra qalbi”. Taf li meta qed nimxi kontra qalbi qed nimxi kontra ħajti? Jagħmel sens dan? Żgur li le! Mela ejja nisma’ lil qalbi fid-deċiżjonijiet tiegħi.

Għejjun l-għerf tal-ħbiberija

Issa kelli naqbad naqra l-ajruplan u mill-ġdid nerħilha fi Franza. Hemm sibt jistennieni lill-kittieb u moralista Franċiż François de La Rochefoucauld. Dal-kittieb kitbilna hekk: “Il est plus honteux de se défier de ses amis que d’être trompé”. Fi kliem ieħor, “Hi aktar tal-mistħija li ma tafdax lill-ħbieb milli li jittraduk”.

B’saħħtu wisq dal-messaġġ ħuti! Imma, f’miljietu, juri s-sbuħija tal-lejaltà fil-ħbiberija tassew. Inħoss li għandi nitlob hekk: “Mulej, agħmel li l-ħbiberiji tagħna jkunu ilkoll imkejjen ta’ fiduċja li tfejjaq. Amen.

Għejjun l-għerf tal-ħlewwa

Fi Franza, sewwa sew mill-pinna tal-attur, direttur u kittieb Franċiż ta’ kummiedji importanti fl-istorja umana, ta’ Jean-Baptiste Poquelin, li l-isem artistiku tiegħu kien Molière, insibu dan l-għerf: “Et l’absence de ce qu’on aime, quelque peu qu’elle dure, a toujours trop duré”. Jiġifieri, “In-nuqqas ta’ dak li nħobbu, anki jekk idum ftit, hu dejjem twil wisq”.

X’għożża hemm marbuta miegħu dak li nħobbu! Mur għaddi, imqar għal ftit tal-ħin, mingħajru! Ara kif tħossok tmut!

Għejjun l-għerf Lhudi

Il-ġabra tingħalaq bl-aħħar u bit-tmien ktejjeb dwar l-għerf Lhudi. Hawnhekk ma nistax ngħid li se mmur f’xi pajjiż partikulari l-għaliex il-Lhud, bħall-Insara, jinsabu mxerrda mal-erbat irjieħ tad-dinja.

Hawnhekk iltqajt ma’ dan il-qawl Lhudi li jgħid hekk: “Le ceour humain et le fond marin sont inexplorables”, jiġifieri: “Il-qalb tal-bniedem u qiegħ il-baħar ma tistax issibhom”.

Kemm hu veru li tgħid il-Bibbja f’Salm 64: “Min jifhem moħħ u qalb il-bniedem”? (S 64:7). Imma tafu x’inhu s-sabiħ l-aħwa? Li Alla biss jifhimhom. Għalhekk Salm 7 jgħidilna: “Int li tgħarbel il-moħħ u l-qalb, int Alla ġust” (S 7:10).

Kemm għerf f’dawn it-tmien ktejbin-beatitudnijiet tal-għerf! Kemm jafu jwassluk u jwassluni għall-ferħ li qalbek u qalbi, proprju bħalissa, tant u tant għandha bżonn!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading