Il-ktieb

Il-Mulej dejjem iżewwaq lil ħajti b’xi grazzja speċjali. U, meta ġieli jkolli l-waqtiet tiegħi fejn inkun taħt l-ilma, mill-ewwel arah ifornini b’xi grazzja li timlini bl-ossiġnu ta’ imħabbtu għalija u li anki toħroġ fuq ħaddieħor, l-aktar f’ħuti l-morda u f’dawk kollha li jlaqqagħni magħhom.

Din il-grazzja partikulari li l-Mulej tani dan l-aħħar hi li nippubblika ktieb ġdid bit-titlu L-Infermerija tar-Ruħ. Naħseb inkun bil-wisq aktar eżatt jekk ngħid li dan il-ktieb ippubblikatuli l-MUMN, jiġifieri l-Malta Union of Midwives and Nurses. Nixtieq minn qalbi niżżihom ħajr li tawni din l-opportunità sabiħa li nwassal dan il-messaġġ li għaddhieli l-Mulej permezz tad-diversi stejjer li jlaqqagħni magħhom fil-mixja tiegħi mal-pazjenti, mal-familjari u mal-membri tal-istaff fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.

Il-ktieb tal-istorja

Kif diġà għedt, dan il-ktieb hu pjuttost partikulari għax hu mgeżwer tgeżwira fil-prinċipju tal-istorja. Bosta awturi tħaddtu fit-tul fuq l-istorja li, wara kollox, hi l-istess ħajti u ħajtek. Min m’għandux u min m’għandhiex l-istorja tiegħu u tagħha?

Dan jikkonfermahuli ħabib tiegħi, ix-xjenzat tax-xjenzjati, li jitħaddet fuq l-istorja bħala l-esperjenza tal-ħajja. Qed nirreferi għas-Sur Albert Einstein, li dwar l-esperjenza qal hekk: “L-informazzjoni mhux għerf. L-għajn waħdiena tal-għerf hi l-esperjenza. Tinħtieġ l-esperjenza biex tikseb l-għerf”. Warajh, ħabib ieħor tiegħi li jgħallimni bil-wisq fuq dan is-suġġett hu Mahatma Ghandi. Dan qal hekk: “L-għerf li jinkiseb permezz tal-esperjenza huwa bil-wisq aħjar u ħafna drabi aktar ta’ ħtieġa mill-għerf tal-kotba”.

U jekk bil-Malti ngħidu li fuq tlieta toqgħod il-famuża borma, għandna kittieb ieħor li, f’nisġa waħda ma’ dawn il-kittieba li semmejna qablu, qed jgħidilna l-istess ħaġa rigward l-għerf li jiġi mill-esperjenza. Fil-fatt, ħabib ieħor tiegħi taż-żmien li fih kelli l-grazzja nistudja ftit dwar x’jaħseb ħaddieħor fuq il-ħajja u kif kien jaraha u jħares lejha, Immanuel Kant, kien iħobb jgħid: “M’hemm l-ebda dubju li l-għerf kollu tagħna jibda mill-esperjenza”.

Mur warrab l-esperjenza eh! Ara x’ċaflisa u x’qassata tal-qassatat nagħmlu jekk l-esperjenza nagħtuha bis-sieq! Le ħej! Ejjew nagħtuha l-valur tagħha għax hi mportantissma għal ħajjitna. Wara kollox, il-ktieb tal-kotba, il-Bibbja, huwa nisġa ta’ esperjenzi flimkien li, meta marbuta ma’ xulxin, iwasslulna messaġġ wieħed li joħroġ minn faċċati diversi tal-istess esperjenza: Kif Alla daħal u għadu jidħol fl-istorja, jew aħjar, fl-esperjenza tagħna l-bnedmin.

It-tħeġġiġa mużikali ta’ Riccardo Fogli

Kanzunetta tassew sabiħa u li ndoqq spiss meta nkun fix-xift tiegħi hawn, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, hi dik ta’ Riccardo Fogli, “Storie di tutti i giorni”, jiġifieri stejjer ta’ kuljum.

Il-ħajja hi miżgħuda bl-istejjer. Anki jien u int, it-tnejn li aħna, għandna l-istejjer tagħna li jdommu flimkien l-istorja waħda ta’ ħajjitna u li qed tinbena jum wara jum. Dil-kanzunetta togħġobni għal għadd ta’ raġunijiet. L-ewwel nett, jekk immur lura fil-ġrajjiet ta’ tfuliti, niftakar fl-għażiża oħti Josephine, Alla jaħfrilha, li tgħidx kemm kienet iddoqqha fuq l-isterjo Silver li f’dawk iż-żminijiet tgħidx kemm kien moda. Għadni niftakarha qisu issa tnaddaf dik il-labbra li kienet tmur fuq id-diska hi u ddur fuq it-trej tal-isterjo. Kemm kienet tnaddafha bil-mod u bil-galbu! Imbagħad, meta kienet tgħollilu naqra l-volum, bil-ħoss qawwi li kien joħroġ minn dawk l-ispikers kont nistħajjel is-saqaf jispara ‘l fuq u l-kamra tal-bejt kienet tispiċċa mingħajru, għall-arja aperta. Kos hux! Li kieku kien jiġri hekk kieku addijo l-bettiegħ tax-xitwa li kien ipoġġi l-għażiż missieri fuq dil-kamra tal-bejt, Alla jaħfirlu!

It-tieni nett, il-kanzunetta “Storie di tutti i giorni”,kienet timlini b’ċertu ferħ għax kont inħossha li kienet qed tkellem lil qalbi. Avolja, ta’ tifel ċkejken li kont, ma kontx nifhem dak li l-bravu Riccardo kien ikanta, madankollu kemm kont inħoss li dan il-kantant mit-Toscana, sewwa sew minn Pontedera, kien proprju qed ikanta l-istorja ta’ ħajti. Il-kelma “storie”kienet timlini bil-ferħ l-għaliex, fil-fond ta’ qalbi, dejjem kelli ċ-ċertezza li, fl-aħħar mill-aħħar, u kienet x’kienet il-mixja li kienet se taqbad l-istorja, din kien se jkollha tmiem sabiħ. Bl-Ingliż ngħidu: “And they lived happily ever after”, jiġifieri “u għexu ferħanin għal dejjem”. Ħallieha li dan mhux dejjem kien il-każ. Madankollu, hemm xi ħaġa minn dan il-ferħ li din il-kanzunetta qatt ma naqqset li tagħtini.

Il-kliem tal-kanzunetta Storie di tutti i giorni

Aktar mal-Mulej tani l-grazzja li nikber u nitgħallem aktar stajt immur lura għal dawn l-esperjenzi tassew ħelwin u li tant niżluli għasel manna fi tfuliti. B’hekk ħassejt is-sejħa li nibda napprezzahom. Il-kanzunetta “Storie di tutti i giorni” hi eżempju mill-isbaħ ta’ dan li qed nipprova naqsam magħkom.

Il-kliem ta’ din il-kanzunetta għadhom mhux biss ikellmuni sallum imma wkoll jagħtuni raġuni biex nibda nifhem l-għaliex il-Mulej poġġieni proprju hawn, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. M’għandniex xi ngħidu, dan wettqu biex nimxi u nofroq l-imwieġ tal-istorja tiegħi, kif inhi minsuġa u maqgħuda mal-istorja ta’ dawn ħuti, fl-oċejan wieħed u komuni għalina lkoll, l-oċejan tal-ħajja.

Riccardo jkanta hekk: “Storie di tutti i giorni, vecchi discorsi sempre da fare, storie ferme sulle panchine in attesa di un lieto fine; storie di noi brava gente che fa fatica, s’innamora con niente, vita di sempre, ma in mente grandi idee”. Ħa nieqaf biss fuq dan il-kliem tad-deheb u attwalissmu għal ħajjitna.

Kemm-il darba niltaqa’ ma’ stejjer li nkun ilni li smajthom u smajthom u erġajt smajthom. Dawn huma l-istejjer li jingħaduli fuq il-bankini taċ-Ċentru tal-Onkoloġija bħal xi fojer jew inkella f’xi sala tal-istennija. Bilħaqq, lanqas ma rrid ninsa l-viċinanza ta’ xi uffiċju jew ħdejn il-bank tal-infermiera. Biex ma nsemmix ukoll il-magħruf kuritur ta’ xi sala jew anki barra, fid-daħla tal-isptar.

U f’dawn l-istejjer titla’ karba waħda ħbieb: “Mank jaħasra li kollox imurli sew”. Għalhekk, it-talba, il-karba u l-istedina li fl-aħħar issirli hi din: “Itlob għalija Patri!” U l-Patri x’taħseb li se jagħmel ħija u oħti? Mhux li jieqaf, ipoġġi idejh fuq rasek u jitlob miegħek? Xi tridu jagħmel il-Patri jekk mhux li jbierkek billi jifflitjalek naqra ilma mbierek? Mhux għax int xi dubbiena jew insett tafux, kif hawn min jaħseb u taħseb, imma l-għaliex int iben u bint il-Missier. Mela, ejja nilbes naqra nuċċali b’lenti aktar eżatta ħalli tgħallimni napprezza dan l-għemil ta’ mħabba li l-Mulej qed jurni bit-tberika-flittjatura.

Dawn l-istejjer huma sbieħ l-għaliex ġejjin minn nies li, fil-fond ta’ qalbhom, hemm minn kollox, it-tajjeb u s-sabiħ u anki x’jirranġaw tafux. Nies li, bħali u bħalek, għandhom ma’ xiex iħabbtu wiċċhom u ġieli jiddiżappuntaw ruħhom meta jsibu li jkunu ħlew wisq ħin fuq affarijiet li ma jwasslu għal imkien. Mela, ejja indawru mħabbitna u ħinna għal ħwejjeġ aktar importanti u li jiswew!

Is-sabiħa hi li dawn in-nies għandhom l-akbar idea li jista’ jkun hawn tiċċirkula fis-suq: li jħobbu u jkunu maħbuba. U hawnhekk lil dawn in-nies naqlagħlhom il-kappell.

Kelma tal-aħħar

Jekk veru, bħalma jgħid Ernest Hemingway: “M’hemm l-ebda ħabib lejali daqskemm hu ktieb,” allura nħeġġek tikteb dak li tgħaddi minnu int. Min jaf, forsi ġurnata għad tippubblika l-ktieb tiegħek ukoll? Anki int għandek x’tgħallem mill-esperjenza tiegħek lill-oħrajn, inkluż lili magħhom.

Meta se tiktbu u tippubblikah il-ktieb tiegħek?

Patri Mario Attard OFM Cap

 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading