Tistenna ħerqan. Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Magħmudija tal-Mulej.

Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla   

F’dak iż-żmien, il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar”.

Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu, u niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura ta’ ħamiema. U mis-sema ġie leħen jgħid: “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”. (Lq 3:15-16,21-22)

2. Riflessjoni/talba: 

i. F’dak iż-żmien, il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar”.

Tistenna ħerqan

mhux mimli bik innifsek magħluq fiċ-ċertezzi li bnejt s’issa bl-għamad li ma għandi bżonn ħadd

iżda b’inizjattiva biex toħroġ ‘l barra minnek innifsek biex tapprezza l-limiti tiegħek quddiem il-kobor ta’ dak li lanqas tista’ timmaġina ta’ ftuħ għal dak li jimliena bil-qawwa tal-Ispirtu.

Irrifletti:

  • Xi tfisser li terġa tibda tistenna?

ii. Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu, u niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura ta’ ħamiema.

Dak li ismu hu Ġesù
dak li jiġi biex isalva
dak li Ġwanni ma jixraqlux iħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu

jinżel fl-ilma imdardar
f’solidarjetà sħiħa
ma’ poplu frammentat,
mal-bniedem mikdud bid-dnub
mal-persuni miġruħa

jinżel fl-ilma jitlob
f’għaqda sħiħa mal-Missier
li jibgħat ix-xita kemm fuq it-tajbin u kemm fuq il-ħżiena
li jeħles lill-poplu skjav u jgħaddih min-nofs l-ilmijiet
li jibgħat l-Ispirtu ta’ ġentilezza kbira.

Irrifletti

  • Xi tfisser għalik li ssib lil Ġesù f’solidarjetà sħiħa miegħek?

iii. U mis-sema ġie leħen jgħid: “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”.

Fih jien ukoll nisma’ l-kliem
inti ibni
inti l-għażiż
fik insib l-għaxqa tiegħi

Fih ukoll jien nara lil ta’ madwari
ulied il-Missier
għeżież f’għajnejh
l-għaxqa tiegħu

inħares u niskopri aħwa!

Irrifletti

  • “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”: din is-sentenza kif tgħinek tara r-realtà mod ieħor?

3. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading