Persuna li tabilħaqq tieħu gost bil-ġid li l-Ispirtu s-Santu jagħmel fija u bija, bħalma żgurissmu li jagħmel fik u bik, hi l-għażiża ommi. Fil-ferħ tagħha, din il-mara ta’ 90 sena, li batiet u għadha tbati għax tħobb minn qalbha, tħobb tgħidli: Ibni, agħmel il-ġid u tgħix kuntent.
X’verità kbira fiha din il-kelma ħuti! Agħmel il-ġid u tgħix kuntent. Il-ġid kuntentizza jġib! Għax, il-ġid tassew, ġid irid. U ma jistax ma jridx ħaġa oħra għajr il-ġid inkella x’ġid ikun. Għax it-tajjeb tajjeb irid u tajjeb jagħmel. Għax jekk jitlef tjubietu ma jibqax tajjeb. U, meta jkun f’qagħda diżażtruża bħal din, id-destin tiegħu wieħed hu, il-qerda.
Li kieku irrid lanqas ma nistax ma naħsibx hekk. Fil-fatt, Ġesù, l-Alla tal-allat, il-Filosfu tal-filosfi, il-Psikologu tal-psikologi u t-Tabib tat-tobba, hekk jgħallimni: Intom il-melħ ta’ l-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies. Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt il-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar (Mt 5:13-15).
Naffordjaw li t-tajjeb isir ħażin u hekk jaqa’ fil-għajb? Żgur li le!
Min jagħmlu l-ġid?
Din hi mistoqsija mportanti u li għandna dejjem nistaqsuha bil-kuraġġ u bit-tama kollha: Min jagħmlu l-ġid?
Meta nħares lejn ħajti t-tweġiba li nsib hi li l-ġid l-Mulej jagħmlu. Veru li juża l-ġisem, il-moħħ, ir-ruħ u r-rieda tiegħi. Biss, il-ġid Hu jagħmlu mhux jien. Huwa hu li dejjem iħabbat fuq il-bieb ta’ qalbi biex jaħdem fija u bija. Għalhekk, jekk naħseb li jien hu l-awtur tal-ġid li jagħmel bija mhux biss inkun sejjer żbaljat bil-kbir imma nkun ukoll qed inħejji lili nnifsi biex nistabat ma’ xi ħajt!
Anki l-fatt li jien ngħejja, bħalma tgħejja int bħali, diġà jurini kemm jien niddependi mill-Mulej għal kull nifs li nieħu. Kemm jikkunslani l-kliem ta’ Ġesù fil-vanġelu meta jgħidli: Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x’se jgħidlu? ‘Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel’? jew, ‘Lestili x’niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int?’ Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu? Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kull ma tkunu ordnati, għidu, ‘Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu’ (Lq 17:7-10). Filwaqt li ħuna u missierna fil-fidi Pawlu jgħidilna: Dan it-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar, ħalli b’hekk jidher sewwa li l-kobor ta’ din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna (2 Kor 4:7).
U min hu l-oriġini ta’ dan it-teżor li qiegħed fik u fija, fir-rieda tiegħek u tiegħi, li hi ġarra tal-fuħħar? Iweġibna Papa Franġisku fid-diskors li għamel fl-Anġelus tal-Ħadd 13 ta’ Ġunju 2021:
Illum Ġesù jxebbaħ is-Saltna t’Alla, jiġifieri l-preżenza tiegħu li tgħammar fil-qalb ta’ kull ħaġa li hawn fid-dinja, ma’ żerriegħa tal-mustarda, l-iżgħar żerriegħa li teżisti: hi żgħira ħafna. Madankollu, meta tinxteħet fl-art, tikber sa ma ssir l-akbar siġra (cfr Mk 4,31-32). L-istess jagħmel Alla. Kultant, il-ħsejjes li jtarrxu tad-dinja flimkien mal-bosta attivitajiet li jimlewlna l-ġurnata, ma jħallulniex żmien nieqfu ħalli nintebħu kif il-Mulej qed imexxi l-istorja tagħna. Madankollu – jiżgurana l-Evanġelju – Alla jaħdem l-istess bħaż-żerriegħa żgħira tajba, li fis-skiet u ftit ftit tinbet. U naqra naqra ssir siġra folta, li tagħti l-ħajja u taħji lil kulħadd. Iż-żerriegħa tal-opri tajba tagħna tista’ tidher ħaġa żgħira; iżda, kulma hu tajjeb hu ta’ Alla u għalhekk, umilment, bil-ftit il-ftit jagħmel il-frott. It-tajjeb – niftakruha din – dejjem jikber b’mod umli, moħbi, spiss bla ma lanqas jidher.
Nibqgħu niftakruha din
Hekk qalilna Papa Franġisku: It-tajjeb – niftakruha din – dejjem jikber b’mod umli, moħbi, spiss bla ma lanqas jidher. Għax it-tajjeb jitlob il-perseveranza. Naf, jiġu mumenti li huma tassew diffiċli. Ma ninsewx li x-xitan, meta jara l-ġid jikber, se jirvella. L-ewwel ħaġa li jagħmel hu li jqajjem xebgħa paroli fil-vojt, gideb, ġudizzji u, fuq kollox, suspetti. Dak taf għax qed jagħmel hekk hux? Biex jinħabb. U: dik għax dejjem ixxammar idejha għax jaqblilha.
Wara l-paroli fil-vojt, il-gideb u l-ġudizzji, ix-xitan ikebbes l-għira. Kemm jikber il-lanżit ta’ min ma jistax għall-ġid! U x’ma jivvintax biex joħnoq il-ġid milli jkompli jissokta. Għira iġġib l-għira, mibegħda iġġib mibgħeda, tixwix iġib tixwix. U tieha l-borma tal-ħażen ħa tagħli!
U dan ix-xitan jagħmlu bi skop biex joskura lil min Ġesù qed juża biex bih u biha jagħmel il-ġid. Hekk, wara li jkun qatillu u qatlilha l-fama tiegħu u tagħha mbagħad idur lejn qalbu u qalbha u jibda’ x-xogħol tat-tħaffir u tinwir tiegħu billi jinfidhielu u jinfidhielha bil-qtiegħ il-qalb. Ġieli x-xitan jinqeda biż-żmien fil-mod ta’ kif il-Mulej ikun qed jaħdem fil-persuna bil-għan li jbella’ lill-persuna konċernata li hi qed tagħżaq fl-ilma u qed taħli ż-żmien.
L-aħħar kelma hi f’idejn Ġesù
Għall-grazzja tal-Mulej l-aħħar kelma hi dejjem f’idejn Ġesù u mhux f’idejn ix-xitan. Tant hu hekk li, kif ngħidu bil-Malti, iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma. Anzi, u din ġieli nġarrabha jiena stess, iż-żejt jispara f’wiċċ l-ilma. Il-kelma ta’ Ġesù fuq dan hi tant u tant sabiħa: Għalhekk la tibżgħux minnhom. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf (Mt 10:26).
U biex jinqeda l-Mulej? Biċ-ċkejknin tiegħu! Ismagħhom in-nies iċ-ċkejkna u li qed ibatu x’inhuma jgħidu. Ara l-posts tagħhom ta’ Facebook. Staqsi u isma’ lill-imġarrab ħalli jgħidlek u tgħidlek hi stess x’inhi l-verità. Huma dawn in-nies, l-imġewħin, l-għatxana, il-ħosbiena, il-morda, il-ħabsin, l-imnikktin, l-imħawdin, il-midinbin u kull min qiegħed ibati. Lil dawk isma’. Lil kelmet dawn agħti piż u mhux lil dawk li jpaċpċu għax jgħiru, iridu s-siġġijiet tal-poter, iqassu fuq ħaddieħor bla ebda ħniena ta’ xejn u moħħhom biss fihom infushom.
Jekk uħud qed jaħsbu li l-Mulej hu rieqed, ċass u statwa quddiem l-inġustizzji tal-kalunji, frott tal-għira bażwija li jkollna bejnietna fis-soċjetà u fil-Knisja, aqta’ kemm sejrin żball. Il-Mulej jaqbeż għal dawk li jħalluh jagħmel il-ġid bihom u jiddefendiehom ta’ Alla ħanin għax ġust li hu. Żgur li mhu se joqgħod jiddejjaq xejn jitqabad kontra dawk li jagħmlulhom il-ħsara. Salm 145 jgħidilna dan ċar u tond: Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha, twajjeb f’dak kollu li għamel. Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu, lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. Jaqtgħalhom xewqthom ‘il dawk li jibżgħu minnu, jisma’ l-għajta tagħhom, u jsalvahom. Iħares il-Mulej lil ħbiebu kollha, imma lill-ħżiena jeqridhom (S 145: 17-20).
It-triq ‘il quddiem
Quddiem l-għira u l-lanżit ta’ min irid jagħmel il-ħsara, għax ma jiflaħx aktar jara l-ġid li l-Mulej qed jagħmel bik u bija, għalik u għalija triq waħda hemm għalina miftuħa quddiemna, dik ta’ San Pawl meta fit-Tieni Ittra lit-Tessalonkin jgħidilna: U intom, l-aħwa, agħmlu l-ġid bla ma qatt ma tegħjew (2 Tess 3:13).
Hawn jien, Mulej, ġejt nagħmel ir-rieda tiegħek. Amen.
Patri Mario Attard OFM Cap