Qegħdin fis-sajf. U, id-dubbien, ġmielu qed isaltan madwarna. Kemm inkunu rridu ngħattu sewwa l-għaliex jekk xi dubbiena jfettillha tiġi fuq l-ikel abbli tkun magħmula tagħna. Nafu l-għaliex ninnutawhom, id-dubbien imur fejn irid. Joqgħod u jpoġġi fejn ifettillu għax kullimkien qisu tiegħu.
Xi jfisser dan? Li d-dubbien iġorr miegħu l-mikrobi u jxerred il-mard. Sintendi, dan jagħmlu bi skiet li jħallik bla kliem. L-ebda dubbiena qatt m’għamlet qorti l-għaliex marret fuq iż-żibel u l-qżiżijiet kollha li wieħed jista’ jimmaġina li jeżiżtu fuq l-art. Qatt ma faqgħet il-gazzetti u l-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali għax marret fejn marret u qagħdet fuqhiex qagħdet. Dak nagħmluh int u jien. Għax inħobbu niġu xi naqra tal-attenzjoni fuqna. Forsi għax aħna bnedmin. U kulħadd ikun irid li jħossu xi ftit importanti.
Imma d-dubbiena le. Siekta kienet u siekta baqgħet. Imma ta’ rasha għamlet. U meta dan għamlitu, għax hekk ħasset li kellha tagħmel, ma qgħaditx le tara ftit il-konsegwenzi ta’ għemilha. Kemm setgħet ġabet mard u, f’xi każi, anki żeffnet il-mewt fin-nofs ukoll. Dak nafuh int u jien, il-bnedmin, li tgħidx kemm infittxu l-attenzjoni soċjali li d-dubbiena qajla tħabbel rasha minnha. Imma taf x’hemm tajjeb? Li d-dubbiena tibqa’ siekta u l-konsegwenzi ta’ għemilha jafu jkunu katastrofiċi u aħna kollna storbju u xorta bqajna bħall-kannol bla krema.
Mid-dubbiena għal dubbiena oħra
Id-dubbiena, li taħdem siekta siekta, u tagħmel daqshekk ħsara, tfakkarni bil-bosta fid-dubbiena l-oħra. Id-dubbiena spiritwali. Ix-xitan u d-dbieben tiegħu, id-demonji. Dawn jħobbu jimxu fuq l-eżempju tad-dubbiena.
Jafu li huma koroħ u bil-qrun. Jafu li d-dehra tagħhom tkexkex bil-bosta lil min jarahom. Għax huma ħlejjaq misħuta u mimlija tilja mibgħeda lejn l-IMĦABBA li ħalqithom, il-Mulej innifsu. Ix-xitan m’għandux ħniena. Lanqas biss jaf jispellieha, aħseb u ara. Jirreżiżti meta jisma’ il-kelma. Ma jiflaħhiex. Għax bla qalb. U, skont il-poeta kbir ta’ kull żmien Taljan Dante Alighieri, jgħix fuq tron tas-silġ. Is-silġ iħoss? Jaf x’jiġifieri sentimenti? Jaħseb? Jaġixxi? Le! Kiesaħ kien u kiesaħ baqa’. U, l-affarijiet, meta jwettaqhom, iwettaqhom hekk, cold-blooded, kif ngħidu għala Ingliża.
Anki x-xitan hu cold-blooded. Int ħu l-orruri li twettqu fl-aħħar gwerra dinjija fejn miljuni ta’ nies ġew maqtula fil-kampijiet tal-konċentrament. Kif inqatlu dawn? Cold-blooded. Bla ebda rimors jew ħniena ta’ xejn. U tifhimha mhux għax taqbel magħha imma għax ix-xitan ma jafx ma jaħsibx hekk, il-vendetta. Iħobb jagħmel vendetta minnu nnifsu. M’għandniex xi ngħidu, għax hu l-ewwel wieħed li jobgħod lilu nnifsu. U wara li jobgħod lilu nnifsu daqshekk kif tridu ma jobgħodx lill-Mulej u lili u lilek?
Mela sewwa nagħmlu li, fil-wegħdiet tal-magħmudija, aħna niċħduh. Għax ix-xitan ma fihx ħobż. Jobgħodna, isawwatna bid-dnub li nkunu wettaqna, jisħetna u, li kieku jista’, joqtolna wkoll. Ma’ razza ta’ żibel ta’ din il-kwalità worth it li tkun ħdejh? Żgur li le! Anzi! Kemm nitolbu fuq li nitolbu ħalli l-Mulej ibegħdu minna mill-aktar fis possibbli u jixħtu f’postu, fil-qiegħ tal-infern!
Ix-xitan jippreżenta lilu nnifsu f’kull xorta ta’ uniformi. Jaf ikun statali u ekkleżjali. Biss tinduna li hu. Għax fih hemm biss qasma kbira. Għalhekk jissejjaħ demonju għax mifrud fih innifsu. Ix-xitan hu bħal dubbiena li jmur fuq kull xorta ta’ żibel. Imbagħad, jekk niftħulu l-bieb, ara jiġi dritt dritt għal fuqna u jmarradna għax jgħaddilna l-mikrobi tal-ħażen. Ix-xitan ma jimpurtahx li jkissrilna ħajjitna. Għalih, li hu mportanti hu li ma jibqax waħdu fl-infern jinħaraq. Moħħu biex jieħu lilna miegħu ħa ninħarqu għal dejjem. Hekk jirraġuna d-dubbiena tal-infern.
Aħbar tajba
L-istorja ma tieqafx hawn. Għax bħalma d-dubbiena nistgħu nkeċċuha bil-pestiċidi li hawn fis-suq, u hekk ingerrxuha milli tiġi fuq l-ikel tagħna, bir-riskju li tniġġiżhulna u tħallina tal-post, l-istess aħna nistgħu nagħmlu lix-xitan. Fil-ħajja tar-ruħ hawn pestiċidi mill-aqwa biex lix-xitan iżommuh ‘il bogħod minna.
Pestiċida numru wieħed li tgħinna sewwa biex inżommu lix-xitan ‘il bogħod minna hi dik imsejħa il-qrar u l-quddiesa ta’ spiss. Ma ninsewx li mod mill-aktar komuni biex ix-xitan jidħol fil-ħajja ta’ persuna hu meta dik il-persuna tibqa’ fid-dnub. Aktar ma tibqa’ ‘il bogħod mill-Mulej bid-dnub aktar ix-xitan isibha dgħajfa meta jattakkaha. Għalhekk hu importanti li mmorru nqerru għand is-saċerdot ta’ spiss, almenu kull xahar. B’dan il-mod inġibu fix-xejn il-ħajja tad-dnub tagħna u nibdew it-triq tal-fejqan veru.
Kemm-il darba x-xitan ma jħallinihiex inqerru għax jattakkalna moħħna b’dawn l-argumenti foloz u qarrieqa: Kif? Int ħa tmur tqerr għand bniedem bħalek? Min jaf x’jagħmel? Min jaf kemm se jgħajjat miegħek u jitkaża bik? Ma tarax! Dawn l-attakki fuq moħħna x-xitan jagħmilhom ħa jħallina ilsiera tiegħu. U lilna s-saċerdoti jattakkana hekk: Kif? Ħa tmur tqarar? Dak ħela ta’ ħin! Agħmel xi ħaġa aktar ta’ ġid milli tqarar. Ix-xitan jagħmel hekk għax jaf li se jinkixef u jitkeċċa ‘l barra mill-persuna bl-assoluzzjoni mqaddsa. Mhux l-ewwel darba li pprova jbeżża’ lil xi saċerdoti qaddisa bħal San Ġwann Marija Vianney biex ma jqararx. Is-soluzzjoni hi waħda: IMMUR INQERR. U, bħala saċerdot, aktar inqerr u nqarar! Is-sagrament tal-qrar għandu qawwa u grazzja mill-kbar nett. Ix-xitan jibża’ minna meta nqerru u nqerru ta’ spiss.
F’dan il-pestiċida hemm inkluża ukoll l-Ewkaristija. Dan is-sagrament hu qawwi ħafna l-għaliex Ġesù Kristu nnifsu jiġi fina fit-tqarbina mqaddsa. Ix-xjaten huma bla saħħa u jispiċċaw kaput quddiem il-qawwa ta’ Ġesù fit-tqarbin. Meta nirċievu l-Ewkaristija fl-istat tal-grazzja, wara l-qrara, ix-xitan imur minfejn ġie. San Tumas minn Akwinu jikteb hekk fuq dan: [L-Ewkaristija] tkeċċi l-attakki kollha tad-demonji. Għalhekk Kriżożtmu jgħid: ‘Bħall-iljuni li qed joħorġu minn imnifsejhom in-nar, hekk ukoll nitilqu minn dik il-mejda, li ssir terribbli għax-xitan.’ In-nar tal-imħabba tal-Mulej fl-Ewkaristija jkeċċi lix-xitan.
Il-pestiċida tat-talb bla heda
Meta persuna titlob il-ħin kollu tkun qed tiftaħ il-bieb ta’ qalbha biex l-Ispirtu s-Santu jgħinnha tibqa’ fi ħbiberija mal-Mulej. Il-bniedem li jitlob m’għandux jibża’ mix-xitan. L-eżorċisti dejjem jissuġġerixxu l-importanza li wieħed irawwen drawwiet li huma spiritwalment b’saħħithom.
Hekk ngħidu aħna, fuq One Radio dejjem nibdew il-ġurnata bil-konsagrazzjoni tagħna lill-Ispirtu s-Santu. Kemm semmiegħa jitolbuha dik it-talba! U kemm qed jagħmlu sew! Kemm jitolbuhieli nies! Għalhekk ħajru oħrajn biex jitolbuha. Imbagħad, it-talba tar-Rużarju tgħin ħafna. L-istess, fuq One Radio, huma ħafna li jitolbu din it-talba qawwija mar-radju. Nagħmlu sewwa jekk inħajru lin-nies ħa jitolbuha magħna fuq ir-radju. It-tielet, li naqraw jew nisimgħu xi ħsieb spiritwali. Fuq il-One Radio ikun hemm il-ħsieb spiritwali tal-ġurnata. Nagħmlu tajjeb li nisimgħu u nħajru lill-oħrajn biex jisimgħuh ukoll. Ir-raba, fit-tmien tal-ġurnata tagħna nagħmlu l-eżami tal-kuxjenza ħa naraw fejn inqasna lill-Mulej. Dan hu mportanti ħafna ħalli ħajjitna tibqa’ tissaħħaħ fil-Mulej.
Il-pestiċida tas-sawm
Din il-pestiċida nsibuha fil-vanġelu stess meta Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: Imma din l-għamla ta’ xitan ma jistax jitkeċċa għajr bit-talb u s-sawm (Mt 17:21). Int u jien għandna nagħarblu ftit liema tip ta’ sawm aħna msejħa nipprattikaw. Għalina li ngħixu fid-dinja u għandna bosta responsabbiltajiet fuq spallejna, ibda mill-familji tagħna, ma nistgħux immorru fl-estrem li nabbandunaw lill-familji tagħna. Madankollu, jekk irridu nżommu ‘l bogħod minna lid-dubbiena tal-infern irridu nsumu aktar minn sempliċiment ma nieħdux il-ħelu tar-Randan.
Il-pestiċida tas-sagramentali
L-eżorċisti jagħtuna l-parir li għandna nużaw is-sagramentali ta’ sikwit. Dawn huma għodda qawwija ħafna fil-ġlieda li għandna ta’ kuljum biex inżommu lix-xitan milli jerġa’ lura ħa jattakkana. L-eżorċisti jissuġġerixxu s-sagramentali tal-melħ u l-ilma eżorċizzati li għandhom jittieħdu kulfejn il-persuna tmur. Anki s-sagramentali bħall-iskapular għandu qawwa kbira fuq ix-xjaten. Il-venerabbli Francis Ypes jgħid kif darba l-iskapular tiegħu ġie fix-xejn. Kif biddlu x-xitan qallu: “Neħħi dik il-libsa li tisraqilna tant erwieħ!”
Dawn l-erba’ pestiċidi jgħinuk u jgħinuni bis-sħiħ biex inrażżnu lill-qawwiet ħżiena. Dawn mhux biss jżommu lix-xitan ‘il bogħod minna imma wkoll iwassluna għall-qdusija. Ejja nużaw dawn il-pestiċidi!
Ifflittjalu bihom! U ifflittjalu kemm tiflaħ!.. Ifflittjalu!…
Patri Mario Attard OFM Cap