Il-Kelma li ddawwal. Niċċelebraw l-Evanġelju tat-3 Ħadd tas-sena.

Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Bosta kienu dawk li ħadu f’idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f’rakkont wieħed il-ġrajja li seħħew fostna, kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b’għajnejhom stess u saru ministri tal-Kelma. Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kulma ġara sa mill-bidu nett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b’ħaġa, biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kulma tgħallimt.

Jum wieħed, Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu, reġa’ mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma’ dawk l-inħawi kollha, għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta’ kulħadd. U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Iżaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:

“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani.
Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
irrodd il-ħelsien lill-maħqurin
u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej”.

Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”. (Lq 1:1-4; 4:14-21)

  1. Riflessjoni/talba:

i. Jum wieħed, Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu, reġa’ mar il-Galilija; … U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Iżaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej.

Mhix drawwa superfiċjali
ta’ persuna passiva
drawwa li taljena

imma deċiżjoni profonda
fejn jaqra ħajtu b’mod kostanti fid-dawl tal-Kelma
u issa jħalliha timmarka s-sens tal-ministeru kollu tiegħu.

Irrifletti:
• X’post għandha l-Kelma t’Alla f’ħajtek?

ii. “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani.
Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
irrodd il-ħelsien lill-maħqurin
u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej”.

X’sens għandha kull ġurnata li ngħix?
X’qed nipprova nagħmel?
Liema kelma ngħid? Liema deċiżjoni nieħu?
Nissara waħdi? Irrid nagħmel isem għalija?

L-Ispirtu fuqi … kkonsagrani … bagħatni.
F’kull għażla nfittex li nagħti libertà, indawwal.
Niftaħ possibilitajiet ta’ ħajja anke għal min mormi.
.
Irrifletti
• X’jiddetermina s-sens tal-ħajja tiegħek?

iii. Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”.

Ġesti ta’ riverenza kbira
xħin jagħlaq il-ktieb
xħin jgħaddih lill-qaddej
fis-silenzju ta’ smiegħ xħin joqgħod bilqiegħda
fl-apprezzament u l-attenzjoni għall-Kelma li sseħħ illum.

Irrifletti

• Fejn tara stedina biex turi riverenza ħajja għall-Kelma t’Alla?

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading