L-Adorazzjoni Ewkaristika (3)

It-Tagħlim tal-Knisja Kattolika dwar it-Teoloġija u l-Ispiritwalità tal-Adorazzjoni Perpetwa

Minn Manwel Cutajar

Fil-Fidi Kattolika tagħna, l-Adorazzjoni Ewkaristika Perpetwa hija devozzjoni qaddisa li għandha tifsira sinifikativa kbira. L-Adorazzjoni Ewkaristika tinkorpora t-twemmin kollu tagħna l-Insara fil-Preżenza reali ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija Qaddisa, li sservi bħala mezz qawwi għat-tkabbir spiritwali u l-għaqda tagħna ma’ Alla, l-Ħallieq tagħna u ma’ Ġesù Kristu s-Salvatur tagħna.

Il-Fidi u l-għarfien sħiħ tagħna fil-verità u d-duttrina li l-ħobż u l-inbid ikkonsagrati jsiru tabilħaqq il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità ta’ Ġesù Kristu waqt iċ-Ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija Qaddisa, huma l-aktar elementi bażiċi u ċentrali għall-Fidi Nisranija u Kattolika tagħna. L-Adorazzjoni Ewkaristika Perpetwa hija l-affermazzjoni espliċita tagħna  ta’ dil-Fidi u d-Duttrina ta’ das-Sagrament Divin.

L-Adorazzjoni Ewkaristika Perpetwa toffrilna opportunità profonda biex nidħlu f’komunjoni siekta u kontemplattiva ma’ Ġesù Kristu. F’dinja kkaratterizzata ta’ spiss  minn storbju, distrazzjonijiet, aljenazzjonijiet  u nuqqas ta’ Fidi, din il-prattika tipprovdilna spazju qaddis fejn ir-ruħ tagħna tista’ ssib is-serħan, il-kwiet, u l-għaqda vera u sħiħa ma’ Ġesù Kristu.

Permezz tal-Adorazzjoni siekta, aħna nistgħu nferrgħu l-ferħ, in-niket, it-tbatija, it-tamiet u d-diżappunti u s-solitudni kollha tagħna quddiem il-Mulej Ewkaristiku, kunfidenti fil-Preżenza bla waqfien Tiegħu  tal-Imħabba, il-Ħniena, il-fejqan u l-Maħfra Infinita Tiegħu lejna l-bnedmin kollha.

Nikkwota żewġ siltiet mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (KKK)  li jixhdu u jgħallmuna l-benefiċċji spiritwali kbar tal-Adorazzjoni Ewkaristika.

“Il-kontemplazzjoni hi ħarsata’ fidi, iffisata fuq Ġesù. “Jien inħares lejh u Hu jħares lejja!” hekk stqarr wieħed bidwi minn Ars lill-kappillan qaddis tiegħu San Ġwann Vianney  huwa u jitlob quddiem it-Tabernaklu. Din l-attenzjoni mogħtija Lilu, lil Ġesù, hija ċaħda “tiegħi nnifsi”.Ħarstu tnaddaf il-qalb. Id-dija tal-ħarsa ta’ Ġesù ddawwal l-għajnejn ta’ qalbna;tgħallimna naraw kollox fid-dawl tal-verità u tal-mogħdrija Tiegħu għall-bnedmin kollha. Il-kontemplazzjoni twassal wkoll ħarsitha fuq il-Misteri tal-ħajja ta’ Kristu.” (KKK, 2715)

“Il-Knisja u d-dinja jeħtieġu  ħafna l-qima Ewkaristika. Ġesù jistenniena f’dan is-Sagrament tal-Imħabba. Ejjew ma niċħdulux iż-żmien li rridu biex immorru niltaqgħu miegħu f’Adorazzjoni, f’kontemplazzjoni mimlijin bil-fidi, u lesti npattu għall-ħtijiet kbar  u għad-delitti serji tad-dinja. Jalla ma tiġi nieqsa qatt l-Adorazzjoni. Ħalli l-Adorazzjoni tagħna ma tieqaf qatt!”. (KKK 1380, li tikkwota l-ittra appostolika tal-Papa San Ġwanni Pawlu II,Dominicae Cenae, para.3).

L-Adorazzjoni Ewkaristika Perpetwa fl-Istorja

Fil-Knisja nisranija bikrija, il-monaċi u r-reliġjużi rġiel u nisa  kienu jkantaw  Salmi u talb lil Alla b’mod regolari u kostanti,u jwieġbu lil xulxin min-naħa għall-oħra tal-korijiet tal-monasterji u kunventi tagħhom.

Iżda sa mill-Medju Evu fil-Knisja Nisranija u Kattolika  tal-Punent ix-xewqa  għal talb kontinwu u kostanti lill-Mulej ġiet espressa ħafna drabi f’Adorazzjoni Ewkaristika Perpetwa li tikkonsisti fil-qima kontinwa tagħna lejn Ġesù Kristu fl-Ewkaristija Qaddisa  preżenti  fit-tabernaklu, jew esposta f’Ostensorju.

It-terminu “adorazzjoni perpetwa” huwa ġeneralment użat biex jindika Adorazzjoni Ewkaristika prattikament bla interruzzjoni. Dan ifisser li l-Adorazzjoni hija litteralment perpetwa, biex ikun hemm dejjem xi ħadd  fit-talb u l-meditazzjoni quddiem Ġesù fl-Ewkaristija Qaddisa.

Fi kliem ieħor, meta l-Adorazzjoni tagħna tal-Ewkaristija Qaddisa tkun kostanti (erbgħa u għoxrin siegħa kuljum), din tissejjaħ Adorazzjoni Perpetwa.

Xi kittieba jittraċċaw il-bidu tal-ewwel Adorazzjoni Perpetwa sa mill-aħħar tar-Raba’ seklu, meta dawk in-nies li kienu jikkonvertu għall-fidi Nisranija f’xi djoċesijiet kienu jkunu obbligati li jagħmlu Adorazzjoni Ewkaristika bis-Santissimu Sagrament espost għal tmint ijiem sħaħ wara l-Magħmudija tagħhom.

Mhux biss ir-reliġjużi rġiel u nisa fil-monasteri u l-kunventi tagħhom iżda anki l-lajċi kienu jipprattikaw l-Adorazzjoni Ewkaristika.

Il-prattika tal-Adorazzjoni Ewkaristika Perpetwa għal-lajċi bdiet formalment f’Avignon, Franza, fil-11 ta’ Settembru, 1226, meta biex jiċċelebra u jirringrazzja lil Alla għar-rebħa tiegħu  fuq l-Albiġiżi, fl-Assedju ta’ Avignon, ir-Re Luiġi VIII ta’ Franza talab lill-Isqof ta’ Avignon, Pierre de Corbie, biex jesponi l-Ewkaristija Qaddisa għall-Adorazzjoni fil-Kappella tal-Salib Imqaddes. Il-ġemgħa nisranija li nġabret biex tadura dakinhar l-Ewkaristija kienet tant kbira li l-isqof iddeċieda li l-Adorazzjoni tkompli lejl u nhar, u saħansitra  wasslet ukoll lill-isqof biex jitlob li l-Adorazzjoni titkompla wkoll għal żmien indefinit. Bil-permess tal-Papa Onorju III it-talba ġiet ratifikata u l-Adorazzjoni Ewkaristika Perpetwa kompliet hemmhekk prattikament bla interruzzjoni  sakemm id-diżordni u l-kaos tar-Rivoluzzjoni Franċiża waqqfuha fis-sena 1792.

Eventwalment din l-Adorazzjoni Perpetwa reġgħet inbdiet fis-1829.

Il-festa ta’ Corpus Christi

Fil-11 ta’ Awwissu 1264, il-Papa Urbanu IV ta bidu għall-festa ta’ Corpus Christi bil-pubblikazzjoni tal-bolla Papali tiegħu Transiturus  de hoc mundo, li fiha saħaq fuq l-imħabba ta’ Kristu li xtaq jibqa’ fiżikament magħna sal-aħħar taż-żmien. Il-Papa kiteb hekk: “Fl-Ewkaristija, Kristu huwa magħna fis-sustanza tiegħu stess.” Għax “meta qal lill-appostli li kien qed jitla’ s-sema, hu qal: ‘Ara jien magħkom il-jiem kollha, sal-aħħar tad-dinja,’ u jfarraġhom bil-wegħda tajba li kien se jibqa’ u jkun magħhom anke permezz tal-Preżenza Tiegħu ta’ Ġismu”.

Il-Papa Urbanu talab lit-teologu Dumnikan San Tumas ta’ Akwinu biex jikteb it-testi għall-Quddiesa u l-Uffiċċju Divin tal-festa. Dawn kienu jinkludu innijiet Ewkaristiċi tant magħrufa bħal Panis Angelicus u Verbum Supernum Prodiens, li l-aħħar żewġ strofi tagħhom jiffurmaw l-innu tal-Benedizzjoni O Salutaris Hostia. L-aħħar żewġ versi ta’ Pange Lingua huma kantati bħala l-innu Tantum Ergo, użat ukoll fil-Bendizzjoni Ewkaristika.

Madankollu, kien biss wara l-Konċilju ta’ Trentu (1545-1563) li l-Adorazzjoni Perpetwa bdiet tiżviluppa fuq skala dinjija. Matul ir-Riforma Protestanta,  kien komuni s-serq tal-knejjes, kif ukoll il-profanazzjoni tas-Sagrament Qaddis. Kattoliċi devoti ħafna  għamlu riparazzjoni lil Alla billi żammew velja ta’ talb u Adorazzjoni kontinwa quddiem l-Ewkaristija l-aktar Qaddisa.  .



Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading