“Waqt li nitlob għall-stabbiltà mill-ġdid u ta’ malajr tal-paċi u s-sigurtà, nappella lill-awtoritajiet lokali u lill-komunità internazzjonali, biex jagħmlu kull sforz biex isolvu dan il-kunflitt b’mezzi paċifiċi.” Dan kien l-appell li l-Papa Franġisku għamel nhar l-Erbgħa waqt l-Udjenza Ġenerali tiegħu.
Huwa esprima t-tħassib tiegħu għas-sitwazzjoni li qed tmur għall-agħar fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u ħeġġeġ lill-partijiet kollha biex ifittxu li jwaqqfu l-ostilitajiet u jħarsu ċ-ċivili f’Goma u fiż-żoni tal-madwar.
Il-Papa ġibed ukoll l-attenzjoni għall-irvellijiet li seħħew nhar it-Tlieta, fil-kapitali Kinshasa, hekk kif dimostranti daħlu f’ambaxxati ta’ pajjiżi li qed jgħidu li huma kompliċi fil-kunflitt fil-provinċja ta’ Kivu ta’ Fuq. “Qed insegwi wkoll b’inkwiet, l-avvenimenti li qed iseħħu fil-kapitali Kinshasa,” qal, “u nittama li kull forma ta’ vjolenza kontra n-nies u l-proprjetà tagħhom tieqaf.”
Il-ġlied eskala f’Goma fl-aħħar jiem, hekk kif ir-ribelli tal-M23 ġġieldu kontra l-forzi tal-gvern għall-kontroll tal-kapitali tal-provinċja ta’ Kivu tat-Tramuntana tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Nhar it-Tnejn, il-milizzja, allegatament appoġġjata mir-Rwanda, marret fil-belt ta’ 2 miljun ruħ, u b’hekk immarka eskalazzjoni drammtika tar-ribelljoni tagħhom ta’ għaxar snin.
It-Tlieta, l-M23, ħatfu l-ajruport, u minn dak iż-żmien fittxew li jikkonsolidaw il-kontrol tagħhom f’Goma, skont ir-residenti lokali. L-uffiċjali tal-Knisja lokali rrappurtaw bombardament fuq infrastruttura tal-Knisja, li wassal għall-mewt ta’ persuni ċivili.
Nhar it-Tnejn, l-Isqof Willy Ngumbi Ngengele, l-Isqof djoċesan, qal li xi bombi laqtu s-sala tal-maternità tal-Isptar Ġenerali Charité, li “kkawża l-mewt ta’ trabi tat-twelid.” Żied jgħid li l-bini tal-uffiċċju tat-Tribunal djoċesan, li għadu kif ġie nawgurat ġarrab ħsarat fit-twieqi tiegħu.
It-Tnejn, eluf ta’ residenti ta’ Goma ħarbu minn djarhom, u żiedu mal-miljun ruħ spostati. Mijiet ta’ eluf ta’ nies jeħtieġu għajnuna umanitarja urġenti, skont Bernard Balibuno, direttur tal-pajjiż għal CAFOD, l-aġenzija tal-għajnuna tal-Knisja Kattolika fl-Ingilterra u Wales. “Il-belt ġiet f’lockdown minħabba l-ġlied,” qal is-Sur Baliboun.
L-erba’ sptarijiet ewlenin ta’ Goma sfaw iffullati minn mijiet ta’ nies midruba li qed ifittxu l-kura. Skont stqarrija minn tas-Salib l-Aħmar, li jmexxu wieħed mill-isptarijiet ta’ Goma, ċ-ċivili qed jaslu b’xarabank jew bil-muturi bi ġrieħi tal-balal jew shrapnel. “It-tliet timijiet ta’ kirurġiċi qed jaħdmu bla heda biex jikkuraw pazjenti, li kultant qed ikunu mimdudin mal-art minħabba nuqqas ta’ spazju,” qalet Myriam Favier, kap tad-delegazzjoni tal-ICRC f’Goma.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2025-01/pope-francis-appeal-prayers-dr-congo-goma-conflict.html