Il-preżenza ħelwa tiegħek,
tistedinni niġi ħdejk,
ħsibijiet naqsam miegħek,
rasi nserraħ fuq spallejk.
Jiena minnek tant mifhuma,
Missier twajjeb illi tħenn,
u quddiemek jien ninduna,
li fik biss insib il-kenn.
Int il-kawża tal-ferħ tiegħi,
Int il-faraġ meta fl-hemm,
Int li minnek ġej kull għaqal,
Int tal-għadu tneħħi s-semm.
B’kelmtek Inti ddawwalni,
u tagħtini l-bżonnijiet,
Inti dejjem tisma’ talbi,
ħdejja tkun għalkemm fis-skiet.
Xi tjubija toħroġ minnek,
u x’kuraġġ timlini bih,
nibqa’ nfittxek fl-Ostja ċkejkna,
ħdejk il-ħin itir mar-riħ.
Għalik ruħi, għalik moħħi,
għalik kull taħbit tal-qalb,
fuqek norbot u nistenna,
kemm tfarraġni waqt it-talb.
Glorja Lilek Sid ta’ kollox,
illi tinżel mis-smewwiet,
f’kull kappella tistennieni
biex timlini bil-barkiet.
Silenzju/background music 3 min
Innu: ____________
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa Lq 5:1-11
Darba l-kotra bdiet tross fuq Ġesù biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret. U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art; imbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa. Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”. Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek”. Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.
Xmun Pietru, kif ra dan, inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!”. Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu. U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies”. Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh.
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla
Silenzju 1min
Mulej, kemm ngħaddu minn diżapunti fil-ħajja! Min fuq il-post tax-xogħol, min fil-familja, min fil-karriera. Kemm nitħabtu, u ġieli nħossuna qed nagħżqu fl-ilma. Xmun Pietru wkoll kellu lejl ta’ falliment, għamel lejl sħiħ jitħabbat forsi jaqbad xi ħuta, imma daħal lura b’dagħjsa vojta. Min jaf kif kien hu u jaħsel ix-xbiek. (2 sek pawsa)
U Int, o Ġesù, titla’ fuq id-dagħjsa ta’ Pietru, tidħol fil-ħajja tiegħu; u wara li qagħdt tgħallem minn fuqha, tlabtu biex jaqdef fil-fond, u jkala xbiek. Għalkemm din l-ordni li tajtu, O Ġesù, Pietru ra redikola f’għajnejh, u tmur kontra kull loġika tas-sajd, peress li s-sajd isir bil-lejl u mhux bin-nhar; imma għamel att ta’ fiduċja kbira fil-qawwa tal-Kelma tiegħek. Ma strieħx fuq is-sengħa tiegħu, lanqas fuq il-kapaċità tiegħu, imma straħ fuq il-kelma tiegħek: “La qiegħed tgħid Int, ħa nkala xbiek.”
Għaliex afda u obda l-Kelma tiegħek, wassal sabiex ix-xbiek tal-ħajja tad-dixxipli sħabu imtlew bik. (3 sek pawsa)
F’ħajja, fejn il-falliment donnu m’għandux post, Int, o Ġesù titlobni nistabar, u fuq kollox, xi kultant titlobni li mmur kontra dak li naħseb li jagħmel sens biex nikseb il-frott mixtieq. Ejjew nistaqsu ftit lilna nfusna: jien lest li nafdah lil Ġesù, kif afdah Pietru?
Silenzju 3 min
Kien proprju f’din is-sajda mirakuluża, li Pietru mhux biss jagħmel esperjenza tal-kobor ta’ Ġesù, imma anke jagħraf ix-xejn tiegħu. Quddiem dan kollu, Pietru jagħraf li hu bniedem “midneb”; li saħansittra jitlob lil Ġesù jitbiegħed minnu.
U proprju f’din l-esperjenza li Pietru sema’ is-sejħa ta’ Ġesù: “Ejja warrajja”. Ġesù jagħmel kuraġġ lil Pietru, kif jagħmel kuraġġ lilna quddiem il-falliment tad-dnub: “La tibżax”. U jkompli jgħidlu lil Pietru: “Minn issa ‘l quddiem tkun taqbad in-nies”. Ġesù la ried il-ħut, u lanqas id-dagħjsa, imma ried lil Pietru. (3 sek pawsa)
Illum, il-Mulej jixtieq jidħol ukoll fil-ħajja tiegħi, u tiegħek, u jridna nagħmlu esperjenza ta’ mħabba. Ejjew ma nittratenux, imma nisimgħu minn dak li jgħidilna Bin Sirak: “Toqgħodx tistenna biex iddur lejn il-Mulej, u tħallix minn jum għall-ieħor” (Sirak 5:7).
Ejjew f’dan il-ħin, nitolbu lill-Mulej jidħol b’qawwa f’ħajjitna, ħalli nisimgħu leħnu jgħidilna: Int, imxi warrajja.
Silenzju/ soft background music 3 min
Kant: ________________
Talbiet tal-Komunitá
Ġesù Kristu li sejjaħ lill-appostli, jsejjaħ lilna lkoll biex inkunu appostli tal-Evanġelju tiegħu. Ejjew inroddulu ħajr ta’ dan, u nressqulu t-talb tagħna, għax Hu dejjem jismagħna.
Nitolbuk Mulej, għal aktar vokazzjonijiet saċerdotali u dik ta’ Ħajja Reliġjuża. Nitolbu.
Nitolbu għal kull min għandu xi responsabbiltà tat-tmexxija, biex iħaddimha b’sens ta’ missjoni lejn il-ġid tal-bnedmin. Nitolbu.
Nitolbuk Mulej, għal dawk kollha li qatgħu qalbhom mill-ħniena tiegħek, biex isibu l-għajnuna u l-kuraġġ li jgħixu bil-ferħ is-sejħa tagħhom fil-Knisja. Nitolbu.
Nitolbuk għalina lkoll, biex fis-smigħ tal-Kelma tiegħek, nagħrfu l-vokazzjoni tagħna: li nxandru l-Evanġelju lil ħutna bl-eżempju ta’ ħajjitna. Nitolbu.
Nitolbuk Mulej, għall-morda kollha, dawk li huma rekoverati f’xi sptar, jew fid-djar tagħhom: biex Int Mulej, tagħtihom is-saħħa u l-fejqan. Nitolbu.
Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.
Tingħata l-Barka Sagramentali:
Dal Misteru