Żewġ għoddod sempliċi li jtistgħu jintużaw flimkien mat-tfal matul ir-Randan.
Mill-Uffiċċju Katekeżi tal-Knisja f’Għawdex
Il-Kalendarju tar-Randan. Huwa mod ħafna sempliċi kif it-tfal jistgħu jagħmlu esperjenza tar-Randan permezz tat-talb, tas-sagrifiċċju u tal-karita’. Minix kapaċi nagħmel affarijiet attraenti bil-kompjuter… min jixtieq jagħmel format differenti imma juża l-kontenut ta’ dan il-kalendarju, imexxi bil-qalb kollha.
Niżżel il-Kalendarju tar-Randan …
It-tkabbir tal-qamħ. Naqsam magħkom attivita’ li konna nagħmlu Ruma. Is-sena l-oħra għamiltu b’esperiment mat-tfal tagħna t-Triq tal-Għajn u rnexxa: it-tfal veru ħadu ħsieb il-qamħ u ġew bi ħġarhom Ħamis ix-Xirka filgħaxija ma’ familthom. Araw l-instructions li hemm mehmuża. Agħtu wkoll kas ta’ dan li ġej:
Struzzjonijiet dwar it-tkabbir tal-qamħ …
- Importanti li l-katekisti/soċji jiftehmu mal-kappillan/arċipriet humiex ser jagħmlu din l-attivita’ u kif għandhom jimxu.
- Is-sena l-oħra qassamt il-qamħ fil-Quddiesa tat-tieni Ħadd tar-Randan (qisu xahar qabel Ħamis ix-Xirka). Mhux iktar kmieni jew tard għax jew jitħassar jew ma jikbirx biżżejjed.
- Il-qamħ hu ideali kieku. Imma peress li hawn ħafna allerġiji + li l-qamħ diffiċli ssibu, għal din is-sena ħsibt li lit-tfal nagħtihom il-ġulbiena (imma mhux biex ikabbruha fid-dlam). Inkella tista’ tuża l-iskalora. Jekk tagħmlu hekk, spjegawlhom id-differenza bejn qamħa u żerriegħa oħra li qed tintuża u għaliex.
- Fil-Parroċċa tagħna, dak kollu li għandhom bżonn (żerriegħa, kotejner tal-foil, ħamrija u karta tal-instructions) jiġi mixtri u ppreparat mill-Parroċċa: ponn żerriegħa u ponn ħamrija f’borża għalihom u mbagħad jitpoġġew mal-kontejner tal-foil u l-karta tal-instructions f’pakkett wieħed. Ovvjament kull parroċċa tara hi kif timxi dwar dan il-punt.
