Minn Manwel Cutajar
Wara li fl-artiklu preċedenti tkellimna dwar l-Adorazzjoni tal- 40 Siegħa, inkomplu issa nitkellmu aktar dwar l-Adorazzjoni Perpetwa, li kif għidna din wara l-Konċilju ta’ Trentu bdiet tinxtered sew fil-Knisja Kattolika mad-dinja kollha u b’forom diversi:
Hekk mal-medda taż-żmien twaqqfu soċjetajiet ta’ Adorazzjoni Notturna; gruppi ta’ Adorazzjoni Ewkaristiċi Perpetwu; għaqdiet nazzjonali tal-fidili li ppromwovu Adorazzjonijiet organizzati tas-Santissimu Sagrament; Sigħat ta’ Adorazzjoni quddiem l-Ewkaristija; Espożizzjonijiet ta’ kull xahar, kull ġimgħa kif ukoll kuljum tal-Ewkaristija Qaddisa fid-diversi knejjes u l-kappelli fid-dinja.
Istituti Reliġjużi Klawstrali.
Dawn ġew imwaqqfa bl-għan espress li jaduraw l-Ewkaristija Qaddisa lejl u nhar. Xi wħud, bħall-Benedittini tal-Adorazzjoni Perpetwa tas-Santissimu Sagrament fl-Awstrija, sa mis-sena 1654 bdew saħansitra jieħdu wkoll Vot Solenni ta’ Adorazzjoni Perpetwa.
Istituti Reliġjużi Appostoliċi
Dawn inbdew kemm biex jipprattikaw l-Adorazzjoni huma stess kif ukoll biex jippromwovu l-qima u l-Adorazzjoni Perpetwa tal-Ewkaristija fost il-fidili. Hekk bdiet il-Kongregazzjoni tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u Ommu Marija u tal-Adorazzjoni Perpetwa tas-Santissimu Sagrament. Dil-Kongrazzjoni ġiet approvata formalment mill-Knisja Kattolika fis-sena 1817 u l-għan ewlieni tagħha kien u għadu li tqim u timmedita l-Erba’ Ġrajjiet Ewlenin fil-ħajja ta’ Ġesù Kristu permezz tal-Adorazzjoni tal-Ewkaristija.
Dawn il-ġrajjiet huma: (1) l-Inkarnazzjoni Tiegħu, (2) il-Kurċifissjoni ul-Mewt Tiegħu fuq is-Salib (3) il-Qawmien Tiegħu mill-Imwiet, u (4) it-Tlugħ Tiegħu fis-sema.
L-Adorazzjoni Notturna tal-irġiel
Dawn is-soċjetajiet bdew fuq livell internazzjonali f’Ruma fis-sena 1810 bit-twaqqif tal-Għaqda Pija tal-Adoraturi tas-Santissimu Sagrament. Dawn issa jinsabu mifruxa madwar l-Ewropa kollha u l-Amerika kollha.
L-enfasi tagħhom hi fuq l-Adorazzjoni Perpetwu fis-sens strett tagħha.
Għaqdiet tal-Adorazzjoni Perpetwa tal-fidili
Dawn imorru lura għas-seklu sbatax. Waħda mill-ewwel ta’ dawn l-għaqdiet inbdiet mill-Baruni de Renty fl-1641 fil-parroċċa ta’ San Pawl f’Pariġi. Kienet għaqda jew soċjetà ta’ Adorazzjoni Perpetwu għan-nisa. F’Boulonge fi Franza (1753), il-parroċċi kienu maqsuma fi tnax-il grupp li jirrappreżentaw it-tnax-il xahar tas-sena. Kull knisja f’kull grupp kienet assenjata jum għall-Adorazzjoni Perpetwa Ewkaristika. Fost il-promuturi ta’ dil-Adorazzjoni Perpetwa għal-lajċi, San Pietru Ġiljan Eymard (1811 -1868) kellu influwenza kbira fid-dinja moderna. Tant hu hekk, li fis-sena 1856 huwa waqqaf il-Patrijiet tas-Santissimu Sagramentf’Pariġi u sentejn wara, ma’ Madre Marguerite Guillot (1815-1885), waqqaf il–Qaddejja tas-Santissimu Sagrament: Kongregazzjoni ta’ nisa kontemplattiva tal-Klawsura.
Il-konferenzi ppubblikati ta’ San Pietru Ġiljan Eymard dwar il-Preżenza reali ta’ Ġesu Kristu fl-Ewkaristija ispiraw bosta Assoċjazzjonijiet lajċi tal-Adorazzjoni Ewkaristika.
Aktar Mirakli Ewkaristiċi fil-ħajja tal-Qaddisin – Sant‘ Agnese Segni – Dumnikana
Agnese twieldet fis-sena1268 fil-familja nobbli Segni fi Gracciano, distrett ta’ Montepulciano, l-Italja, dak iż-żmien parti mill-Istati Papali. Ta’ disa’ snin ikkonvinċiet lill-ġenituri tagħha biex iħalluha tidħol f’monasterju tas-sorijiet Franġiskani magħrufa bħala “is-Sorijiet tal-Ixkora”, minħabba l-ilbies reliġjuż kemxejn goff li kienu jilbsu. Dawn kienu jgħixu ħajja kontemplattiva sempliċi. Agnese kienet irċeviet il-permess tal-Papa biex tiġi aċċettata f’din il-ħajja f’età daqshekk żgħira.
Fis-sena 1281, is-sinjur tal-kastell ta’ Proceno, fief ta’ Orvieto, stieden lis-sorijiet tal-monasterju li fih kien hemm Agnese biex jibagħtu xi sorijiet f’Proceno biex iwaqqfu monasteru hemmhekk. Agnese kienet fost dawk mibgħuta biex iwaqqfu din il-komunità ġdida f’dal-monasterju.
Ta’ erbatax-il sena Agnese nħatret ekonoma ta’ dil-komunità żgħira ġdida. Hija qdiet dax-xogħol u dal-impenn tagħha b’akbar imħabba u dedikazzjoni.
Fl-1288 Agnese, kienet ġiet innotata mis-sorijiet għad-devozzjoni u imħabba kbira tagħha lejn l-Ewkaristija, u l-ħajja profonda tagħha ta’ talb u l-ħajja axxetika u spiritwali tagħha.
Il-Miraklu Ewkaristiku
Kemm damet tgħix fil-monasterju ta’ Porceno, Agnese kienet tħobb tmur waħedha fil-ġnien tal-monasteru biex titlob u timmedita ħdejn pjanta taż-żebbuġ. Jum minnhom, Il-Ħadd filgħodu, kienet tant mheddija fit-talb u l-meditazzjoni li kien biss wara diversi sigħat li ndunat li kien Jum ta’ festa u li kienet obbligata tattendi għall-Quddiesa fil-kor tal-monasteru. Dak il-ħin iddispjaċieha ferm li kienet tilfet it-Tqarbina, tħawwed sew u bkiet ħafna.
Madankollu, Anġlu tal-Mulej ġabilha l-Ewkaristija Qaddisa u qarbinha hu stess.
Minkejja l-età żagħżugħa tagħha ta’ 20 sena, Angese ġiet magħżula bħala l-Prijora tal-komunità.
Hemmhekk kisbet fama li twettaq mirakli; ħafna nies ta’ hemmhekk li kienu jbatu minn mard mentali u fiżiku kienu ġew imfejqa bil-preżenza u t-talb tagħha.
Iżda, hi stess, bdiet issofri minn mard serju.
Fl-1306, Agnes ġiet imsejħa biex tmexxi l-monasteru f’Montepulciano. Agnes laħqet grad għoli ta’ talb kontemplattiv u jingħad li kien ikollha ħafna dehriet mistiċi.
Wara r-ritorn tagħha, hija kompliet tibni knisja, Santa Maria Novella f’Firenze, biex tonora lill-Madonna, kif ħasset li kienet ġiet ikkmandata li tagħmel f’viżjoni mistika bosta snin qabel.
Kellha wkoll viżjoni ta’ San Duminku Guzman, li taħt l-ispirazzjoni ta’ did-dehra mexxiet lis-sorijiet tal-monasteru tagħha biex iħaddnu r-Regola ta’ Santu Wistin bħala membri tal-Ordni Dumnikan.
Hija kienet spiss imsejħa biex iġġib il-paċi u l-għaqda fil-familji u l-poplu ta’ hemmhek waqt il-gwerra f’ dik il-belt.
Madanakollu, sas-sena 1316, is-saħħa ta’ Agnes kienet naqset u ggravat tant li t-tabib tagħha ssuġġerixxa li tieħu l-kura fin-nixxiegħat termali fil-belt ġirien ta’ Chianciano Terme. Is-sorijiet tal-komunità ħeġġuha ħafna biex tieħu r-rakkomandazzjoni tiegħu. Madankollu, Agnes ma kellha l-ebda fejqan minn dawn il-nixxiegħat. Saħħitha ddeterjorat tant li kellha tinġarr lura lejn il-monasteru.
Eventwalment, Agnese mietet fl-20 ta’ April 1317, fl-età ta’ 49 sena. Il-patrijiet Dumnikani kisbu balzmu biex jibbalzmaw ġisimha, li kien ġie mċaqlaq snin wara lejn il-knisja tal-monasteru.
Il-qabar tagħha sar il-post ta’ ħafna pellegrinaġġi minn diversi postijiet fl-Italja u anki minn barra l-Italja.
Xi ħamsin sena wara mewtha, il-Beatu dumnikan Raymondu ta’ Capua (1330-1399), kiteb ir-rakkont tal-ħajja ta’ Agnese. Huwa ddeskriva ġisimha bħala li kien għadu jidher bħallikieku kienet għadha ħajja. Fis-sena 1435 il-fdalijiet tagħha ġew ittrasportati lejn il-knisja ta’ San Domenico f’Orvieto, fejn għadhom miżmuma sal-ġurnata tal-lum.
Agnese ġiet ikkanonizata mill-Papa Benedittu XIII fis-sena 1726. L-aħħar edizzjoni uffiċjali tal-Martiroloġju Ruman tfakkar lil Sant’ Agnese Segni taħt id-data tal-20 ta’ April, li hi wkoll id-data tal-festa tagħha fl-Ordni Dumnikan.