Ġwanni Pawlu II f’Ħadd il-Palm

ĊELEBRAZZJONT’ ĦADD IL-PALM
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 15 ta’ April 1984

Hosanna lil Bin David! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej” (Mt 21, 9).

1. Il-Knisja terġà lura kull sena għal dan il-kliem ta’ ferħ u ta’ tama, li jerġgħu jidwu fit-toroq li kienu jwasslu Ġerusalem, waqt li Ġesù kien joqrob lejn il-belt tad-destini messjaniċi tiegħu.

Il-Knisja terġà lura, fil-liturġija ta’ Ħadd il-palm, għal dan il-ferħ u tama, li akkumpanjaw il-wasla ta’ Ġesù f’Ġerusalem.

Huwa kien ġej bħala wieħed mill-pellegrini għall-festa tal-Għid u kien miexi mdawwar minn folla ta’ Pellegrini. Ma kienx miexi fuq saqajh imma fuq felu ta’ ħmar, sabiex iseħħ kliem il-profeta: “Għidu lil bint Sion: Ara s-sultan tiegħek ġej għandek, ġwejjed, riekeb fuq ħmara, u fuq felu, ferħ ta’ bhima tat-tagħbija” (Mt 21, 5).

Is-sultan tiegħek . . .

Kien qed iġib fih il-wirt awtentiku tas-slaten ta’ Iżrael, marbut mal-oriġni davidika. U kien iġorr fih il-missjoni irjali marbuta mas-saltna ta’ Alla fuq l-art.

Din il-missjoni kellha titwettaq permezz tas-salib. Ġesù ta’ Nażżaret kien sejjer Ġerusalem għall-mewt tiegħu imkebba b’mod terribbli minn mistħija umana u iktar qrib ta’ dak li dak iż-żmien setà wieħed jaħseb.

Bdanakollu fil-waqt li fih Ġesù daħal Ġerusalem, kien idawru l-entużjażmu tal-folol tal-pellegrini.  U l-Knisja fil-liturġija tallum terġà tgħix dan l-entużjażmu, biex tindika fuq l-isfond tiegħu b’mod iktar rilevanti l-punti ewlenin tal-misteru paskwali. Illum tibda l-Ġimgħa Mqaddsa, il-ġimgħa tal-passjoni, tal-mewt u tal-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù Kristu, tan-nisel ta’ David: ta’ Ġesù Kristu l-Iben ta’ Alla.

2. Fl-entużjażmu tal-pellegrini, li kienu sejrin Ġerusalem flimkien ma’ Kristu, kellhom parti speċjali ż-żgħażagħ: it-tfal u ż-żgħażagħ:

“Pueri Hebraeorum”.

Dan ukoll jispjega s-sehem speċjali taż-żgħażagħ fil-liturġija ta’ Ħadd il-Palm fi pjazza San Pietru. Hekk jiġri kull sena. Imma jiġri wkoll hekk u b’mod straordinarju fi-Sena tal-Ġublew tar-Redenzjoni preżenti, li fih Ħadd il-Palm sar il-quċċata tal-Ġublew straordinarju taż-żgħażagħ.

Għal dan il-Ġublew ġejtu f’pellegrinaġġ minn diversi partijiet tal-Italja, u wkoll minn diversi Pajjiżi u minn kontinenti differenti tal-globu terrestri.

B’dan il-pellegrinaġġ ġovanili tagħkom intom tingħaqdu ma dik iż-żgħożija ta’ Ġerusalem, li waqt li segwiet lil Ġesù ta’ Nażżaret, għajtet:

“Osanna lill-Iben ta’ David! Imbierek minn ġej f’isem il-Mulej”, waqt li hekk esprimiet l-entużjażmu messjaniku.

3. Dan huwa l-entużjażmu għall-persuna: Ġesù Kristu ma jieqafx ikun l-Ideal, l-iktar mudell ta’ umanità perfett. Iż-żgħażagħ iħarsu lejh għaliex iż-żgħożija tfisser “bżonn” partikolari ta’ mudell ta’ umanità: ta’umanità sħiħa, sempliċi u trasparenti, ta’ umanità “eżemplari”. Il-“bżonn” ta’ tali umanità huwa partikolarment qawwi fiż-żgħażagħ, għaliex lilhom jimponi ruħu l-iktar l-interrogattiv: kif għandu jkun il-bniedem? Liema bniedem jixraqlu wieħed ikun? Min għandi nkun jien, biex, nimla bil-kontenut ġust ta’din l-umanità li ingħatatli?

Iż-żgħażagħ mela jdawrulil Ġesù  Kristu fil-liturġija ta’ Ħadd il-Palm, biex jesprimu l-entużjażmu li l-persuna tiegħu tqanqal fil-ġenerazzjonijiet dejjem imġedda b’mod perpetwu.

Donnhom jgħidu:

Osanna lill-Iben ta’ David!

Jixraqlek li tkun bniedem, għaliex int kont bniedem! Għaliex ġejt fid-dinja biex tirrendi xhieda lill-verità! Għaliex kont – permezz tal-imħabba – totalment “għall-oħrajn”. Għaliex imlejt l-umanità b’kontenut sempliċi, trasparenti u awtentiku. Int kontinwament tagħtina tweġiba għal dawn l-interrogattivi, li jassedjaw lill-bniedem u b’mod speċjali l-bniedem żagħżugħ.

Għalhekk: tkun imsellem, Ġesù ta’ Nażżaret, li tidħol Ġerusalem fuq felu. Osanna! Imbierek dak li ġej f’isem il-Mulej!

4. Il-liturġija tad-dħul f’Ġerusalem tkompli tiżviluppa.

Fil-parti ntroduttiva, proċessjonali, hija parti mid-deskrizzjoni tal-passjoni tas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu skont il-Vanġelu ta’ San Mattew.

Din id-deskrizzjoni hija preċeduta mill-qari meħud mill-profeta Iżaija u minn dak meħud mill-ittra ta’ San Pawl lill-Filippini.

L-appostlu jintroduċina fil-misteru tar-redenzjoni, jiġifieri, fil-kontenut divin tat-tweġiba, li Ġesù Kristu jagħti għat-tweġiba tal-bniedem dwar is-sens tal-umanità, dwar is-sens tiegħu definittiv u aħħari.

L-appostlu jikteb:

“. . . Kristu Ġesù . . . għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittes tiegħu li hu daqs Alla; iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbaħ lill-bnedmin” (Fil 2, 6-7).

F’Ħadd il-Palm tal-Passjoni tal-Mulej il-Knisja tipprofessa l-fidi f’Ġesù Kristu, Bin Alla, Iben konsostanzjali mal-Missier. Veru bniedem u, fl-istess ħin, veru Alla.

Fil-misteru tar-redenzjoni dan l-Iben – konsostanzjali u ugwali għall-Missier – jassumi l-kondizzjoni ta’ qaddej.

Alla, fil-figura tal-qaddej, jappartieni lill-essenza tar-redenzjoni, li tinvolvi is-superament tad-dnub mill-istess għeruq tiegħu.

L-għerq tad-dnub jinsab fil-fatt li dak, li ma kienx ugwali għall-Missier” – l-ewwel anġlu maħluq, allura, min-naħa tiegħu, il-bniedem maħluq – li jqiegħed lilu nnifsu “ugwali għal Alla”.

Ir-redenzjoni tirbaħ id-dnub sal-istess għerq tiegħu, mata dak, li hu ugwali għal Alla – bħall-Iben għall-Missier – “jinża”  mid-drittijiet, li ttih din l-ugwaljanza, u “jassumi l-kundizzjoni ta’ qaddej”,   Jassumi din il-kundizzjoni bħala bniedem, “billi jsir jixbaħ lill-bnedmin” u b’dan il-mod jirbaħ id-dnub tal-bniedem. Ir-rebħa fuq id-dnub tal-bniedem, u fuq id-dnub tad-dinja, jinsab fiċ-ċentru tar-redenzjoni tad-dinja.

5. Għeżież ħbieb żgħażagħ! Pellegrini tas-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni! Intom, li lilkom tant jgħid il-Kristu-Bniedem, ipprofessaw flimkien mal-Knisja, ipprofessaw flimkien mas-suċċessur ta’Pietru l-fidi fi Kristu, Bin Alla.

Allura jisvelarlkom id-dimensjoni essenzjali tar-redenzjoni. Allura tiskopru, ukoll, liema kobor tal-bniedem hemm moħbi fl-atteġġjament tas-servizz; fil-ħajja pprogrammata bħala servizz.

Hekk hu, “billi sar jixbaħ lill-bnedmin”, l-Iben ta’ Alla “assuma l-kondizzjoni ta’ qaddej”. L-Iben ta’ Alla jaqdi. Huwa għall-qadi ta’ kull ġid tal-bniedem. U b’mod speċjali jaqdi l-aħħar ġid tiegħu, il-ġid tas-salvazzjoni.

Hekk, mela, “billi sar jixbaħ lill-bnedmin”, huwa hu l-“bniedem għall-oħrajn”. Imma dan il-bniedem għall-oħrajn – il-bniedem li jaqdi – huwa Alla. Huwa Bin Alla. Is-servizz tiegħu huwa determinanti mhux biss grazzi għad-dimensjoni nobbli tiegħu ta’ umanità. Is-servizz għandu fih d-dimensjoni divina. Iġorr miegħu s-sinjal ta’ Bin Alla.

Dan huwa miktub b’mod profond fir-realtà tar-redenzjoni tad-dinja. Bħal fid-dramm tal-kundanna ta-dinja, fid-dramm tal-għoti tal-ġemb lil Alla, hemm minqux il-programm “ma naqdix”, hekk fil-Vanġelu jiġifieri fil-bxara t-tajba) tal-konverżjoni u tar-rikonċiljazzjoni ma’ Alla, fil-Vanġelu tas-salvazzjoni tad-dinja, huwa minqux il-Kristu li “assuma l-kondizzjoni ta’ qaddej. U fl-istess Vanġelu, fl-istess bxara t-tajba, jiġi minqux kull bniedem, meta jieħu mingħand Kristu l-atteġġjament u d-disponibiltà biex jaqdi. Meta jsir – skont il-possibiltajiet propji u d-dmirijiet propji – wkoll “bniedem għall-oħrajn”: bniedem li jaqdi.

Ilqgħu, ħbieb żgħażagħ, tali dimensjoni tar-redenzjoni fil-proġett ta’ ħajja, li qiegħda tifforma ruħha fiż-żgħożija tagħkom. Jalla dan isir il-frott partikolari tal-Ġublew tagħkom. Tgħallmu minn Kristu-Redentur tirbħu d-dnub, tirbħu l-egoiżmu u l-konkupixxenza li fiha tinħeba: dik tal-għajnejn, tal-ġisem u tas-suppervja tal-ħajja, jiġifieri   l-atteġġjament fiha moħbi: “ma nservix”.

6. Tgħallmu wkoll, mill-esperjenza ta’ Ħadd il-Palm, tirregalaw lilkom infuskom, il-“jien” tagħkom, ħajjitkom fid-dimensjoni tagħha sħiħa u totali, b’mod speċjali lil Alla.

Hawn hu Kristu “umilja lilu nnifsu billi sar ubbidjenti sal-mewt u sal-mewt fuq is-salib. Għalhekk Alla għollieh u tah isem li hu fuq kull isem”” (Fil 2, 8-9).

Kristu, l-Iben ta’ Alla, u Kristu, il-bniedem veru.

L-Iben ta’ Alla huwa eternament fi ħdan il-Missier u magħqud miegħu fl-Ispirtu Santu. Kristu-Bniedem, “jixbaħ lill-bnedmin f’kollox minbarra d-dnub”, ingħata lill-Missier sal-qiegħ għas-salvazzjoni tad-dinja. Offra lilu nnifsu lill-Missier bħala sagrifiċċju għad-dnubiet tad-dinja, għad-dnubiet tal-bniedem. Kristu – veru bniedem – afda lilu nnifsu lill-Missier sat-tmiem: lilu afda sat-tmiem ħajtu stess u mewtu stess, dak kollu li jikkostitwixxi d-dimensjoni tal-eżistenza terrena tal-bniedem.

U l-Missier aċċetta s-sagrifiċċju ta’ Kristu.

U l-Missier għolla lil Kristu!  Tah isem li hu fuq kull isem.

Għollieh fuq is-salib, fil-mewt tas-salib.

U għollieh fil-glorja tal-qawmien mill-imwiet, billi ħa minn mewtu dik il-ħajja, li fil-pjan etern, ħanin ta’ Alla hija ddestinata għall-bniedem. Din hija l-ħajja eterna. Il-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu huwa r-rivelazzjoni definittiva tal-vokazzjoni tal-bniedem għall-immortalità.

7. Għalhekk il-liturġija ta’ Ħadd il-Palm fis-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni tiżvela lilkom, żgħażagħ Pellegrini, din il-verità dwar il-bniedem, il-verità li ħadd ieħor ħliefu mhu se jkun kapaċi jiskopri.  Ġesù Kristu biss.

Din il-verità hija fl-istess ħin sejħa:

Aħna mifdijin minn Kristu,

aħna f’Ġesù Kristu imsejħin għas-salvazzjoni, jiġifieri biex ngħixu fil-grazzja ta’ Alla, jiġifieri biex nirbħu l-ħażin fl-imħabba u l-verirà jiġifieri aħna msejħin għal-libertà vera ta’ wlied Alla;

u aħna f’Ġesù Kristu imsejħin għall-glorja.

Tali hija l-verità divina dwar il-bniedem.

Talu huwa l-pjan ta’ Alla fir-rigward ta’ kull wieħed u waħda minna: il- “proġett” ta’ Alla, ippreżentat lill-bniedem, sal-qiegħ, f’Ġesù Kristu.

X’jistenna mela minna Kristu?

Jistenna li f’dan il-“proġett ta’ Alla” aħna nfittxu li nidħlu bil-proġett” tagħna ta’ ħajja, bis-soluzzjoni eżistenzjali tagħna .

Kristu jrid jgħinna f’dan bil-qawwa tal-verità u tal-imħabba, li grazzi għar-riservi infiniti tar-redenzjoni tiegħu hija minquxa u  stabbilita fina mill-Ispirtu Santu, il-Konsolatur.

8. “Pueri Hebraeorum . . .”.

Ejjew mela nimxu, aħna, żgħażagħ insara, Pellegrini tas-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni. Ejjew ningħaqdu ma’ dik iż-żgħożijafit-toroq li kienu jwasslu Ġerusalem.

Huma kienu għadhom ma jafux għal kollox xinhu l-misteru ta’ Ġesù ta’ Nażżaret. Ma kinux fehmu liema realtà kien jaħbi fih l-isem “Messija”, Bin David.

Aħna nafu. Aħna xhieda tal-mewt u tal-qawmien mill-imwiet, tas-salib u tas-salvazzjoni. Għandna l-għarfien sħiħ tal-Għid ta’ Kristu.

B’dan l-għarfien “Paskwali” ejjew illum ningħaqdu maż-żgħożija ta’ Ġerusalem, billi ngħajtu: “Imbierek min ġej f’isem il-Mulej, Osanna fl-għoli tas-smewwiet”.

Alla nniffsu għollieh!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading