Ġwanni Pawlu II fil-Ġublew tal-Isportivi

QUDDIESA GĦALL-ĠUBLEW INTERNAZZJONALI TAL-ISPORTIVIJ
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Stadio Olimpico
Il-Ħamis, 12 ta’ April 1984

Għeżież ħuti!

1. Matul din is-sena mqaddsa straordinarja ma setgħetx  tonqos ix-xhieda ta’ fidi, murija wkoll minn dawk li huma l-protagonisti tad-dinja tal-isport, ta’ dan il-fenomenu uman u soċjali, li għandu tant importanza u impatt fid-drawwa u fil-mentalità kontemporanja. Huwa għalhekk mottiv ta’ ferħ kbir li nsib ruħi magħkom, irġiel u nisa ddedikati għall-isport, biex niċċelebraw il-Ġublew tar-Redenzjoni mwettqa minn Kristu bil-passjoni, il-mewt u l-qawmien mill-imwiet tiegħu.

San Pawl, li kien jaf id-dinja tal-isport ta’ żmienu, fl-ewwel Ittra lill-Korintin, li ftit ilu smajna, lil dawk l-insara li kienu jgħixu fl-ambjent Grieg, jikteb: “Ma tafux li l-ġerrejja fl-istadju kollha jiġru, imma l-premju wieħed jirbħu? Iġru, mela, ħalli tirbħuh!” (1 Kor 9, 24).

Hekk hu, l-Appostlu tal-ġnus, li biex iwassal il-messaġġ ta’ Kristu lill-popli kollha nqeda b’ideat, xbihat, terminoloġiji, modi espressivi, fatti filosofiċi u letterarji mhux biss tat-tradizzjoni Lhudija, imma wkoll tal-kultura Ellenika, ma ħasibhiex darbtejn li juża l-isport fost il-valuri umani, li kienu jaqduh bħala punti ta’ appoġġ u riferiment għad-djalogu mal-bnedmin ta’ żmienu.Jien għaraft, għalhekk, il-validità tal-isport fundamentali, meqjusa mhux biss bħala terminu ta’ paragun biex nispjega ideal etiku u axxetiku superjuri, imma wkoll fir-realtà intrinsika ta’ fattur għall-formazzjoni tal-bniedem u ta’ parti tal-kultura tiegħu u taċ-ċiviltà tiegħu.

Hekk San Pawl, waqt li kompla t-tagħlim ta’ Ġesù, iffissa l-atteġjament nisrani, quddiem din bħall-espressjonijiet l-oħra tal-fakultajiet naturali tal-bniedem, bħax-xjenza, ix-xogħol, l-arti, l-imħabba, l-impenn soċjali u politiku; atteġġjament li mhuwiex ta’ rifjut jew ħarba, imma ta’ rispett, ta’ stima, jekk xejn ta’ riskatt u ta’ elevazzjoni: f’kelma waħda ta’ redenzjoni.

2. U huwa propju dan il-kunċett tal-kristjaneżmu bħala aċċettazzjoni, assunzjoni, perfezzjonament u elevazzjoni tal-valuri umani

– u allura bħala innu lill-ħajja – li jogħġobni nagħti llum lilkom u lil dawk kollha li, bi kwalunkwè mod u f’kull Pajjiż tad-dinja, tipprattikaw u tinteressaw ruħkom f’din l-attività umana, kif inhi dik tal-isport.

Il-Ġublew jipproġetta d-dawl tar-redenzjoni wkoll fuq dan il-fenomenu uman u soċjali, waqt li jgħolli u jkabbar il-valuri pożittivi.

Ma nistgħux naħbu kif ma jonqsux sfortunatament, ukoll f’dan il-qasam, aspetti negattivi jew talinqas diskutibbli, li llum jiġu b’mod ġust analizzati u denunċjati minn persuni speċjalizzati fl-osservazzjoni tad-drawwa u tal-imġieba, u li minħabba fihom intom stess bla ebda dubju tbatu.

Imma nafu wkoll kemm sforzi jsiru sabiex dejjem  tirbaħ “filosofija tal-isport”, li l-prinċipju-ċavetta tagħha ma jkunx “l-isport għall-isport” jew għal motivazzjonijiet oħra li mhumiex d-dinjità, il-libertà, l-iżvilupp integrali tal-bniedem! Intom stess, fil-Manifest tal-isportivi, li ridtu intom stess tippublikawh fl-okkażjoni tal-Ġublew preżenti, tiddikjaraw sollennement li “l-isport huwa għas-servizz tal-bniedem u mhux il-bniedem għas-servizz tal-isport, u għalhekk id-dinjità tal-persuna umana tikkostitwixxi l-għan u l-metru tal-ġudizzju ta’ kull attività sportiv. . . L-isport huwa confront lejali u ġeneruż, post ta’ laqgħa, rabta ta’ solidarjetà u ta’ ħbiberija . . .L-isport jistà jkun kultura awtentika meta l-ambjent li fih jiġi pprattikat u l-esperjenza li titwettaq ikunu miftuħa u sensibbli għall-valuri umani u universali għall-iżvilupp ekwilibrat tal-bniedem fid-dimensjonijiet kollha tiegħu”. U tkomplu tgħidu li l-isport “minħabba l-universalità kollha tiegħu jimponi ruħu fuq bażi internazzjonali bħala mezz ta’ fraternità u ta’ paċi”, u li tridu timpenjaw lilkom infuskom biex taraw li iva dan “ikun għall-bnedmin u għad-dinja strument effettiv ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi”!

3. Iva, għeżież atleti. Jalla din il-laqgħa tassew straordinarja tħeġġeġ fikom l-għarfien tal-bżonn li timpenjaw ruħkom sabiex l-isport jikkontribwixxi biex jgħin jippenetraw fis-soċjetà l-imħabba reċiproka. Il-fraternità sinċiera u s-solidarjetà awtentika. L-isport, infatti, jistà jġib kontribut validu u fertili għall- koeżistenza paċifika tal-popli kollha, ‘il hemm u ‘il fuq minn kull diskriminazzjoni ta’ razza, ta’ lingwa u ta’ nazzjonijiet.

Skont l-imsemmiha Karta olimpika li tara fl-isport l-okkażjoni ta’ “fehim reċiproku aħjar u ta’ ħbiberija biex nibnu dinja aħjar u iktar paċifika”, agħmlu iva li l-laqgħat tagħkom ikunu sinjal emblematiku għas-soċjetà kollha u preludju għal dik l-era ġdida, li fiha l-popli “ma jaqbdux iktar ix-xabla wieħed kontra l-ieħor” ( 2, 4). Is-soċjetà tħares lejkom b’fiduċja u hija grata lejkom għax-xhieda tagħkom favur l-ideali ta’ konvivenza ċivili u soċjali paċifika għall-bini ta’ ċiviltà ġdida bbażatha fuq l-imħabba, fuq is-solidarjetà u fuq il-paċi.

Dawn l-ideali jagħmlu unur lill-bnedmin tal-isport li immeditawhom u xandruhom, imma b’mod speċjali jagħmlu unur lil mhux ftit kampjuni – li minnhom uħud jinsabu hawn preżenti – li fil-karriera tagħhom għexuhom u wettquhom b’impenn eżemplari.

4. San Pawl, fis-silta li għadna kemm smajna, jenfasizza wkoll is-sinifikat intern u spiritwali tal-isport: “kull atleta jiċċaħħad minn kollox” (1 Kor 9, 25). Dan huwa rikonoxximent tad-doża tajba ta’ ekwilibru, tal-awtodixxiplina, tal-moderazzjoni, u allura, fl-aħħar minn l-aħħar, tal-virtù, impliċita fil-prattika sportiva.

Biex wieħed ikun sportiv bravu huma indispensabbli l-onestà miegħek innifsek u mal-oħrajn, il-lealtà, il-qawwa morali iktar u iżjed minn dik fiżika, il-perseveranza, l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni u ta’ soċjevolezza, il-manjanimità, il-ġenerożità, il-kobor tal-moħħ u tal-qalb, il-ħila ta’ konvivenza u ta’ kondiviżjoni: kollha huma esiġenzi ta’ ordni morali; imma l-Appostlu jżid minnufih: “Huma (jiġifieri l-atleti fl-istadji Griegi u Rumani) dan jagħmluh biex jirbħu kuruna midbiela (jiġifieri l-glorja u rikumpens terren, passiġġier, effimeru, ukoll meta jqanqal id-delirju tal-folol), imma aħna waħda li ma tidbielx” (1 Kor 9, 25).

Insibu f’dan il-kliem l-elementi biex infasslu mhux biss antropoloġija, Imma etika tal-isport u wkoll teoloġija, li ġġiegħel jispikka il-valur.

L-isport huwa qabel kollox valurizzazzjoni tal-ġisem, sforz biex jintlaħqu l-kondizzjonijiet somatiċi ottimali, b’konsegwenzi notevoli ta’ gratifikazzjoni psikoloġika. Mill-fidi nisranija aħna nafu li, bil-Magħmudija, il-persuna umana fit-totalità u l-integrità ta’ ruħ u ġisem, issir tempju tal-Ispirtu Santu: “Ma tafux li ġisimkom hu tempju tal-Ispirtu Santu, li jinsab jgħammar fikom, li għandkom minn Alla? Ma tafux li intom m’intomx tagħkom infuskom? Bil-għoli kontu mixtrija (jiġifieri bid-demm ta’ Kristu redentur). Mela agħtu ġieħ lil Alla permezz ta’ ġisimkom!” (1 Kor 6, 19-20).

L-isport huwa agoniżmu, gara biex tirbħu kuruna, tazza, titlu, primat. Imma fil-fidi nisranija nafu li tgħodd iktar il-“kuruna inkorruttibli”, il-“ħajja eterna”, li nirċievu mingħand Alla bħala don, imma li hija wkoll it-tmiem ta’ konkwista ta’ kuljum fl-eżerċizzju tal-virtujiet. U jekk hemm pika tassew important, dejjem skont San Pawl, hija din: “Intom ħabirku għal doni ogħla” (1 Kor 12, 31), jiġifieri għal doni li jservu aħjar għat-tkabbir tas-saltna ta’ Alla fikom u fid-dinja!

L-isport huwa ferħ tal-ħajja, logħob, festa, u bħala tali jiġi vvalurizzat u forsi riskattat, illum, minn ċerti aċċessi tat-tekniċiżmu u tal-professjoniżmu permezz tal-irkupru tal-kumplimentarjetà tiegħu, tal-ħila tiegħu li joħloq irbit ta’ ħbiberija, li jiffavorixxi d-djalogu u l-ftuħ lejn l-oħrajn, bħala espressjoni tar-rikkezza tal-eżistenza, iktar u iktar valida u apprezzabbli milli li jkollok, u allura ferm iktar ogħla mil-liġijiet iebsa tal-produzzjoni u tal-konsum u ta’ kull konsiderazzjoni oħra purament utilitaristika u edonistika tal-ħajja.

5. Dan kollu, għeżież ħbieb, jilħaq il-milja tiegħu fil-Vanġelu tal-imħabba, li smajnih jixxandar bil-kliem ta’ Ġesù, riferut minn San Ġwann, u li jinġabar fi kmandament wieħed biss: ħobb.

Ġesù jinsisti: “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tosservaw il-kmandamenti tiegħi tibqgħu fi mħabbti!. . . Dan għidtulkom sabiex il-ferħ tiegħi ikun fikom u l-ferħ tagħkom ikun sħiħ . . .

Dan huwa l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin, kif ħabbejtkom jien. .  Intom ħbieb tiegħi, jekk tagħmlu dak li nikkmandakom . . .

Mhux intom g]ażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqà.

Dan huwa li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin” (Ġw 15, 9-17).

F’din l-okkażjoni hekk singulari u sinifikattiva kif inhi l-laqgħa tallum tagħna jien irrid nagħti lilkom ilkoll, u b’mod speċjali lil dawk l-iktar żgħażagħ, dan il-messaġġ, dan l-appell, dan il-kmandament ta’ Kristu: Ħobbu! Ħobbu lil xulxin! Ibqgħu fl-imħabba ta’ Kristu u wessgħu qlubkom ta’ aħwa lil aħwa! Dan huwa s-sinjal tal-ħajja, u wkoll id-dimensjoni l-iktar profonda u awtentika tal-isport!

Lilkom ilkoll nixtieq nerġà ngħid f’dan iż-żmien hekk meraviljuż u hekk turmentat, impenjaw ruħkom biex tibnu kultura tal-imħabba, ċiviltà tal-imħabba! Għal dan il-bini intom tistgħu tikkontribwixxu bl-isport u bil-kondotta kollha tagħkom, bil-freskezza kollha tas-sentimenti tagħkom u bis-serjetà tad-dixxiplina li għaliha wkoll l-isport jistà jedukakom. Għixu ta’ bnedmin li bejniethom jibqgħu ħbieb u aħwa wkoll meta tikkompetu għall-“kuruna” ta’ rebħa terrena! Għaqqdu jdejkom, u qlubkom fis-solidarjetà tal-imħabba u tal-kollaborazzjoni mingħajr fruntieri! Għarfu fikom stess u f’xulxin, is-sinjal tal-paternità ta’ Alla u tal-fratellanza fi Kristu!

Jien għandi fiduċja fis-sinċerità tal-fidi tagħkom u tar-rieda tagħkom; għandi fiduċja f’żgħożitkom, għandi fiduċja fl-intenzjoni tagħkom li timpenjaw ruħkom, minbarra l-isport, għas-salvazzjoni tal-bniedem kontemporanju, għall-miġja ta’ dawk is-“smewwiet ġodda” (2 Pt 3, 13), li għalihom ilkoll imxenqa bil-ħerqa tat-tama nisranija!

Jiena nħoss li l-Knisja, xejn inqas minn artijiet twelidkom, tistà torbot fuqkom!

Għandkom diversi mudelli li jispirawkomm, Naħseb, per eżempju, fi Pier Giorgio Frassati li kien żagħżugħ modern miftuħ għall-valuri tal-isport – kien alpinist kuraġġuż u xijatur espert – imma kien jaf jagħti fl-istess ħin xhieda qalbiena ta’ ġenerożità fil-fidi nisranija u fl-eżerċizzju tal-karità lejn il-proxxmu, b’mod speċjali lejn il-fqar u l-batuti, Il-Mulej sejjaħlu għandu meta kien għad kellu biss erbgħa u għoxrin sena, f’Awissu tal-1925; imma għadu ħaj sewwa f’nofsna bit-tbissima tiegħu u t-tjieba tiegħu, biex jistieden lil dawk ta’ imparu għall-imħabba ta’ Kristu u għall-ħajja Virtusa. Wara l-Ewwel gwerra imur jikteb hekk: “Bil-karità tiżra fil-bnedmin il-paċi, imma mhux il-paċi tad-dinja, imma l-paċi vera li l-fidi biss ta’ Kristu tistà tagħti, billi niffratellaw”. Dan kliemu flimkien mal-ħbiberija spiritwali tiegħu, inħallilkom bħala program, sabiex f’kull post tal-art tkunu intom il-portaturi tal-paċi vera ta’ Kristu!

Nawguralkom li timxu lejn żminijiet ġodda b’dik il-“qalb ġdida”, li kull wieħed u waħda minnkom stajtu twettqu fikom f’dan il-Ġublew tar-Redenzjoni, bħala don ta’ grazzja u konkwista ta’ mħabba!

Amen!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading