Qabel ħallejna Disneyland Paris ma rridx ninsa dik l-esperjenza mill-isbaħ li kellna meta irkibna dik ir-rikbatad-dinja tat-tfal li kienu jkantaw. Emmnuni li isimha eżatt għadni ma nistax niftakru. Issa għaddew tletin sena! Imma l-effett qawwi u fejqani tagħha baqa’ miegħi!
Il-ħlewwa kbira li ħassejt meta l-Mulej daħħalni f’din ir-rikba kienet mill-isbaħ! Niftakarni jiġu quddiem għajnejja l-kliem li ma jispiċċaw qatt ta’ Ġesù: “U Ġesù qalilhom: ‘Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u la żżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.’ Mbagħad qiegħed idejh fuqhom u telaq minn hemm” (Mt 19:14)… “Qamet kwistjoni bejniethom dwar min kien l-akbar fosthom. Ġesù għaraf x’kellhom f’moħħhom, u ressaq tifel żgħir lejh, qiegħdu maġenbu, u qalilhom: ‘Min jilqa’ lil dan it-tifel żgħir minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ lil dak li bagħatni. Għax min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir’” (Lq 9:46-48). “Ġibulu wkoll quddiemu t-trabi biex iberikhom. Imma d-dixxipli, kif raw dan, qabdu jgħajjtu magħhom. Ġesù sejjħilhom u qalilhom: ‘Ħalluhom lit-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u żżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha’” (Lq 18:15-17).
Il-ħlewwa kbira tas-sema li jħalluli dawn it-testi tassew li ma titfissirx. Fil-fatt, din il-ħlewwa, lili tfakkarni meta żort għall-ewwel darba Medjugorje nhar l-4 ta’ Jannar 2010. Niftakarna naslu billejl, minn Split, f’dak id-dlam li kont taqtgħu b’sikkina. U, f’dak illejl tant mudlam, niftakarni inħoss sensazzjoni tabilħaqq speċjali hekk kif dħalna f’dan ir-raħal tassew pittoresk u mhux tas-soltu, ir-raħal midfun jew imdawwar bil-muntanji. Niftakarni inħossni nidħol fid-dinja tat-tfal, id-dinja tal-playmobil. Id-dinja ta’ ħlewwa mill-aktar sabiħa. Fejn fiha kollox hu possibbli. Jgħib f’din id-dinja r-raġunar tal-adulti, ta’ dawk li jaħsbu li jafu xi ħaġa u fil-fatt ma jkunu jafu xejn aktar għajr il-frott qares u imħassar ta’ kburithom.
Fid-dinja tat-tfal dak kollu li jidher oppost għal xulxin kapaċi jagħmel paċi u jirrikonċilja ruħu. Għax id-dinja tat-tfal iġġib fil-prattika dak li insibu fil-Ktieb tal-Profeta Iżaija li jgħidilna: “Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, il-leopard mal-gidi, u jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun, daqsxejn ta’ tfajjel isuqhom. Il-baqra u l-ors jirgħu flimkien, u l-frieħ tagħhom flimkien jistrieħu. L-iljun bħall-gendus jiekol it-tiben. It-tarbija tal-ħalib titliegħeb fil-ħofra tas-serp; u t-tifel miftum idaħħal idu fil-bejta tal-lifgħa. Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet” (Is 11:6-9).
Dan il-kliem tant sabiħ u ta’ sliem, li joħroġ mill-qlub tat-tfal ċkejknin li, bil-grazzja tal-Mulej fihom, għandhom il-ħila jħobbu u jinsew li jkunu ġew imweġġa’ ifakkruni wkoll fil-qlubija li persuna jkollha meta tħalli lil tifel ċkejken jgħallimha u jurieha t-triq. U hawn ma nistax ma nikkwotax il-kliem tabilħaqq sabiħ li l-Ispirtu s-Santu nebbaħ bihom lil ħabib tiegħi Ray Mahoney, tal-kanzunetta mill-isbaħ “Tfajjel Ċkejken” li oħtna, Mary Spiteri, interpretat b’majestrija mill-aqwa.
“Tfajjel ċkejken, tħarisx lejja/ B’mistoqsija f’għajnejk sbieħ/ Tar mar riħ, iż-żmien tal-logħob ferrieħ/ Il-ħsibijiet tellfu kull mistrieħ. Tfajjel ċkejken, ejja ħdejja/ Ngħidlek ġrajja li thennik
Għożż ġo fik, il-ġmiel li d-dinja ‘ttik/ La tħallihiex, tnikktek u bikkik. Tbissem illum, il-bieraħ għadda u mar/ Għix il-jum wara jum u għada qatt ma sar/ Għax l-uġiegħ tal-lum biżżejjed,/ dak li ġej ma jafu ħadd/ ‘Tini jdejk, għallimni ngħix aħjar/ Tfajjel ċkejken, ħares lejja. Twettaqx l-għelt li għamilt jien/ Taħlix żmien, l-imgħoddi kien li kien/ Bla tifkiriet, isbaħ u il-ġejjien. Ifraħ illum, daż-żmien kemm jista’ jdum?/ Ħatja jien daqs l-oħrajn, li sibt xifer l-irdum/ Jekk ħallejna dinja mejta, minn kull tama’ ċaħħadnik/ ‘Tini jdejk, ‘tini jdejn, aħfrilna dan l-imrar”.
Quddiem dan il-kliem li ma jmut qatt, kliem li issikket l-egħref ħluq, kliem li jiftaħ l-aktar qlub samma u jbikki lil dawk li jaħsbu li ma jista’ għalihom ħadd, inħoss li għandi nagħmel sempliċi eżami tal-kuxjenza, sinċier sinċier u mill-qiegħ għall-qiegħ kemm jista’ ikun. Qed nistiednu lit-tfajjel ċkejken iħares lejja? Qed inħallieh iġibni dahri mal-ħajt b’mistoqsija fl-għajnejh sbieħ tiegħu? Jekk l-imgħoddi sabiħ tarli mar-riħ x’qed nagħmel biex nerġa’ nidħol fil-ferħ ta’ dak iż-żmien? Jew qed inħalli lili nnifsi niġi imkaxkar u imkaxkra mill-ħsibijiet li jtellfu kull mistrieħ? Jekk lit-tfal u lit-tfal tat-tfal ngħidilhom biex jgħożżu l-ħajja jien x’qed nagħmel biex ngħożż tiegħi? X’qed nagħmel biex ma nħallix lid-dinja tnikkittni u tbikkini? Kemm qed infittex li, fiċ-ċirkustanzi preżenti ta’ ħajti, nibqa’ nitbissem? X’qed nagħmel biex tassew inħalli l-passat f’idejn il-Mulej? Kemm qed inħalli lill-Mulej jgħinni ngħix jum b’wara jum? Nemmen tassew li għada qatt ma rah u l-jum ta’ għada jieħu ħsieb tiegħu innifsu? Xi tfisser għalija l-kelma ta’ Kristu Ġesù Sidi meta jgħidli: “Mela toqogħdux tħabblu raskom għall-għada, għax il-jum ta’ għada jħabbel rasu hu għalih innifsu. Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata”(Mt 6:34).
Kemm qed inħallieha timlini l-paċi ta’ Kristu? Liema paċi “ebda moħħ ma jista’ jifh[imha]” (Efes 3:8)? Nirrejalizza li l-uġiegħ tallum biżżejjed u dak li ġej ma jafu ħadd? Jekk qed inħossni imtaqqal u imtaqqla l-għaliex ma nagħtix idejja lil min jista’ jgħinni? Lil dan it-tfajjel li nħallih iħares lejja? U jekk dan it-tfajjel, bl-innoċenza tiegħu, qiegħed ifarraġġni, x’qed nagħtih lura? Qed inwissieh biex ma jwettaqx l-iżbalji li wettaqt jien? Qed ngħaddilhom lit-tfal u liż-żgħażagħ l-esperjenza tiegħi tal-ħajja ħalli niskansahom mit-tbatija li għaddejt minnha jien? Mhux imħabba u rispett kbir dan lejhom, lejn il-familja tagħhom u lejn is-soċjetà u d-dinja tagħna? Kemm qed inħalli l-kelma “taħlix żmien, l-imgħoddi kien li kien” tibdilli ħajti? Jien qed ngħix il-preżent jew għadni ilsir tal-imgħoddi, anki jekk kien xi ftit żdingat? X’tama għandi fil-Mulej li jkolli l-ġejjieni tiegħi aħjar? Nemmen li l-ħajja tgħaddi malajr? L-għaliex ma nagħmilx l-aħjar miż-żmien li għandi issa f’idi? Lest li ngħix il-penitenza tiegħi billi niċċelebra ħajti għax nintelaq f’idejn il-Mulej? Lest li nagħtih l-imrar ħalli nirċievi mingħandu l-ferħ? Lest li nħallieh jgħidli: “Qum u imxi!” (Mt 9:5; Lq 5:23)? Mhux din hi l-ħajja vera? Kemm qed inħalli lil Ġesù iħolli l-faxex tal-biża’, tal-qtiegħ il-qalb u tan-niket tiegħi permezz tal-ferħ u l-innoċenza tat-tfal?
Quddiem kliem mill-isbaħ bħal dan, li jiġini f’moħħi u f’qalbi hu li nitlob. U nitlob bil-kliem ta’ xi ħadd li dan il-messaġġ tat-telqa sħiħa f’idejn il-Missier tagħna tas-Sema għexu mill-qiegħ nett, jiġifieri Patri Piju. Fil-fatt, Patri Piju ħallielna din it-talba mill-isbaħ tar-rassenjazzjoni ħalli biha jkollna l-paċi dejjiema f’qalbna. Itlobha kuljum ħa tgħix, kull jum ta’ ħajtek, b’dak il-ferħ u b’dik l-innoċenza tat-tfal ċkejknin.
“O Ġesu’ tiegħi tajjar minn moħħi u minn qalbi kull inkwiet fuq l-imgħoddi, kull tħassib fuq il-preżent, u kull biża’ fuq li ġej, ħalli nkun nista’ nixtieq, dejjem u f’kollox, ħaġa waħda biss: li mmur kontra tiegħi nnifsi għall-imħabba tiegħek. Nerħi, għalhekk, O Mulej, il-passat ikrah tiegħi għall-ħniena kbira tiegħek; il-preżent imħawwad tiegħi għall-imħabba infinita tiegħek; il-futur misterjuż tiegħi għall-providenza qaddisa tiegħek. Ammen.”
U biex tiftakar li għandek titlob din it-talba mill-isbaħ li l-Mulej, li ta lil Patri Piju, isma’, minn żmien għal żmien, il-kanzunetta ta’ Mary Spiteri “Tfajjel Ċkejken”. Idħol You Tube u ikteb Tfajjel Ċkejken – Mary Spiteri. Il-274,639 persuna li rawha s’issa jagħtuk kuraġġ li tismagħha u tħallieha tkellmek u tibdlek.
Patri Mario Attard OFM Cap