VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-KOREA, PAPUA NUOVA GUINEA,
ISOLE SALOMONE E THAILANDIA
QUDDIESA F’TAEGU F’ORDINAZZJONI SAĊERDOTALI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Is-Sibt, 5 ta’ Mejju 1984
Għeżież ħuti fi Kristu,
Għeżież żgħażagħ li se tirċievu s-saċerdozju f’din l-assemblea sollenni ta’ fidi u ta’ talb żelanti.
1. Dalgħodu, hawn f’Taegu, fil-preżena tal-isqfijiet tagħkom, ta’ tant mistiedna, imdawrin minn bosta saċerdoti, reliġjużi u lajċi tal-poplu ta’ Alla ta’ din l-art – u minn tant żgħażagħ entużjasti li jħobbukom u li jsostnukom bit-talb tagħhom – intom tirċievu id-don tas-saċerdozju. Dan hu don għalikom u għall-Knisja li jiġi minn Kristu nnifsu.
F’dan il-jum iddedikat għas-sehem, tkun ħaġa tajba li nagħarfu li Alla nnifsu huwa l-ewwel wieħed li jaqsam id-doni tiegħu magħna. “X’għandek li ma ngħatalekx? – jistaqsi San Pawl fil-qari li għadna kemm smajna?” (1 Kor 4, 7). Infatti huwa permezz tad-don ta’ Alla li minn issa ‘l hemm se tkunu meqjusin “ministri ta’ Kristu u amministraturi tal-misteri ta’ Alla” (1 Kor 4, 1). Jiena ċert li mmeditajtu profondament dan il-kliem u li huma ttimbrati f’moħħkom u fi qlubkom. Dawn jirrapreżentaw għalikom l-identità ta’ saċerdoti ta’ Ġesù Kristu.
2. Meta ssiru saċerdoti, intom tirċievu effużjoni sagramentali tal-Ispirtu Santu. Kristu jagħtikom sehem fis-saċerdozju tiegħu: jgħaqqadkom miegħu fl-opra tar-redenzjoni. Dan huwa bla dubju privileġġ għalikom li tkunu magħżula, imma privileġġ li jitlob servizz, servizz bħal dak ta’ Ġesù, li ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi (cf. Mt 20, 28), bħal dak ta’ Marija, il-qaddejja umli ta’ Alla (cf. Lq 1, 48). Kristu għażilkom biex tkunu ministri u amministraturi. B’liema mod jien se naqdi? Dan huwa kliemu: “Jekk wieħed irid jaqdi, jiġi warajja” (Ġw 12, 26). Bħala saċerdoti intom imsejħin biex issegwu lill-Mulej divin b’mod partikolari. Intom imsejħin għal funzjoni ta’ dixxipli, li tinvolvi l-livell l-iktar profond tal-personalità tagħkom. Se tirċievu konformazzjoni sagramentali għal Kristu li tinvolvi kull settur ta’ ħajjitkom. Qegdin infatti nitkellmu dwar il-mod partikolari tas-saċerdot li jipparteċipa fil-misteru paskwali tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien mill-imwiet tas-Salvatur tagħna, Ejjew nisimgħu mill-ġdid il-kliem ta’ Kristu: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom; jekk iż-żerriegħa tal-qamħ ma tmutx, tibqà weħedha; jekk tmut iżda, tagħmel bosta frott” (Ġw 12, 24). Il-Knisja ġustament tinsisti fuq il-fatt li l-ordinazzjoni saċerdotali hija “mewt għalikom infuskom”, għaliex hija preċiżament din id-donazzjoni tagħkom infuskom li tiftaħ it-triq biex tagħtu l-frott: jekk iż-żerriegħa tal-qamħ tmut, tagħmel ħafna frott.
3. Ibeżżgħukom kultant it-talbiet li Kristu jagħmlilkom? Bla dubju tirrejalizzaw li s-servizz saċerdotali tagħkom spiss jesiġi minnkom il-kuraġġ tas-sagrifiċċju tagħkom infuskom. Huwa f’waqtiet bħal dawn li tridu jkollkom preżenti l-mod li bih jirrejaġixxi Ġesù għal dawn l-istess biżgħat, kif jiddiskrivihom il-qari tallum tal-Vanġelu: “Issa qiegħed inħoss ruħi mħawwad. U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt; għal din is-siegħa!” (Ġw 12, 27).
IL-iskop tagħkom bħala saċerdoti huwa li tkunu wieħed ma’ Kristu fl-opra tar-redenzjoni: “Fejn inkun jien, hemm ikun ukoll il-qaddej tiegħi” (Ġw 12, 26). Jalla l-eżempju tas-saċerdoti Koreani martri tagħkom ikellmu lil qlubkom, billi jirrivelawlkom in-natura vera tal-vokazzjoni tagħkom, billi jbegħdu kull aspettattiva falza. Jalla dawn il-bnedmin, li jieħdu sehem sħiħ fil-misteru paskwali ta’ Kristu, ikunu mudelli tagħkom ta’ servizz ġeneruż u ta’ sagrifiċċju saċerdotali.
4. Fejn jattwa ruħu llum il-misteru paskwali ta’ Kristu? Jattwa ruħu b’mod speċjali fid-don kbir tal-Ewkaristija, li tagħha intom sirtu ministri. Kristu jafda dan id-don suprem lilkom. Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, waqt li taġixxu fil-persuna ta’ Kristu u waqt li xxandru il-misteru tiegħu, intom iġġeddu u tattwalizzaw is-sagrifiċċju uniku tat-Testment il-Ġdid, is-sagrifiċċju li fih joffri ruħu Kristu lill-Missier bħala vittma bla tebgħa għall-maħfra tad-dnubiet (cf. Lumen Gentium, 28).
Huwa mhux biss jafda dan id-don lill-ministeru tagħkom; jistedinkom ukoll biex tieħdu sehem b’mod ferm iktar sħiħ. Hekk l-Ewkaristija ssir l-ikel ta’ ħajjitkom saċerdotali. Kif il-ħajja ta’ Ġesù tirċievi s-sinifikat sħiħ tagħha u tkun imwettqa fil-misteru paskwali, hekk is-saċerdot isib fl-Ewkaristija s-sinifikat sħiħ ta’ ħajtu, is-sors ta’ qawwietu, u l-ferħ tas-servizz tiegħu pastorali kkonsagrat għall-poplu ta’ Alla, Fil-mejda tal-kelma u tal-ħobż tal-ħajja intom tirrendu lil Kristu preżenti għall-bini tal-komunità ekkleżjali.
5. Huwa b’mod speċjali mill-Ewkaristija li tiksbu l-qawwa biex feħim ta’ kulħadd tkunu fejn ikun hu: “Fejn inkun jien, hemm ikun ukoll il-qaddej tiegħi”. Ġesù Kristu huwa fejn l-Vanġelu jurihulna: fil-faqar, fl-umiltà u fil-vulnerabiltà, fil-waqt ta’ twelidu; fil-qsim tal-ferħ u tan-niket tal-poplu tiegħu; qrib il-ħajja ta’ kuljum tal-irġiel u n-nisa ta’ Pajjiżu; fit-tberik tat-tfal; fid-diskursati maż-żgħażagħ, fil-feħim ta’ kulħadd. Narawh fuq kollox meta jitlob lil Missieru ċelesti, waqt li jfittex is-skiet u s-solitudni biex jirrifletti dwar ir-rieda tal-Missier, waqt li jaċċetta din ir-rieda fl-ubbidjenza sal-mewt (cf. Fil 2, 8). Kristu kien dejjem hemm fejn riedu l-Missier. U llum ukoll huwa hu qrib il-foqra, il-morda, l-emarġinati, il-maħqurin, il-midimbin. Huwa hawn li Kristu jinsab, huwa hawn li tinsab il-Knisja. Hawn intom imsejħa biex tkunu, bħala saċerdoti.Din il-popolazzjoni kollha għadha tistenna l-bxara t-tajba tar-redenzjoni, tat-tama, tal-beatitudni.
Kristu għandu xi ħaġa x’jagħti lil kull raġel, lil kull mara jew tifel li feda. Jiftaħ it-teżori tal-verità aħħarija u t-teżori tal-imħabba tal-Missier lil dawk kollha li jisimgħuh u li jaċċettawh. Imma biex tistgħu tgħixu “għall-oħrajn”, intom ukoll tridu tgħixu skont din il-verità u din l-imħabba. Tħallux li tkunu ngannati minn messaġġi oħra, ukoll jekk ikunu mxandra f’isem Kristu. Intom imsejħa biex tkunu xhieda tal-paradoss propost minn Kristu: “Min iħobb lil ħajtu jitlifha, u min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja eterna” (Ġw 12, 25). Iva, intom imsejħa biex tkunu portaturi tat-tama ta’ ħajja eterna, “tama li ddawwal u twettaq r-realtajiet temporali kollha: “Min jaqdi lili . . . il-Missier jagħtih ġieħ” (Ġw 12, 26).
6. Ħuti għeżież: “X’għandek li ma ngħatalekx?” (1 Kor 4, 7). Is-saċerdozju huwa d-don il-kbir li Alla takhom. Jixħet għeruqu fi qlubkom b’mod iktar sħiħ, u jipproduċi frott iktar abbundanti, daqskemm tifhmu iktar il-gratwità tad-don. Bħal Marija, intom ukoll għandkom tifirħu f’Alla salvatur tagħkom, li ħares lejn l-umiltà tagħkom (cf. Lq 1, 47-48). L-għarfien tal-proporzjon bejn il-kobor soprannaturali tad-don u l-indinjità tagħkom iżżomkom lurs milli ssiru mkabbra: kif kien imfakkar fl-ewwel qari, iżommkom lura milli “tiftaħru” bħallikieku ma rċivejtuhx (1 Kor 4, 7).
Fuq kollox, iċċaqilqu biex twieġbu għall-imħabba b’imħabba: biex tirregalaw lilkom infuskom għas-salvazzjoni tad-dinja b’ġenerożità u kuraġġ totali: biex twieġbu għad-don bid-don. Din hija l-isfida vera tas-saċerdozju tagħkom: “L-amministraturi wieħed jistenniehom li jkunu fidili” (1 Kor 4, 2). Li tkunu fidili: u din hija t-talba tiegħi għalikom; din għandha tkun ir-risposta tagħkom lil Kristu u lill-Knisja; din hija l-prova ta’ mħabbitkom għal ħutkom f’dan il-Pajjiż, li jħarsu lejkom għal gwida u għal eżempju ispiratur.
7. Il-Papa jrid jindirizza tislima speċjali wkoll lil bosta żgħażagħ preżenti għal din l-ordinazzjoni. Jiena tassew kuntent li narakom hekk numerużi. Intom mimlijin ħajja u tama, magħqudin hawn biex tieħdu sehem fil-misteru paskwali tal-Mulej fl-Ewkaristija, u wkoll biex tkunu xhieda ta’ din il-ġrajja meraviljuża li fiha numru ta’ żgħażagħ jiġu ordnati għas-saċerdozju. Huwa bla dubju għalikom ilkoll motiv ta’ meravilja li dawn iż-żgħażagħ, parti hekk konsistenti tal-ġenerazzjoni tagħkom, isiru llum saċerdoti, Ukoll lil kull wieħed minnkom timponi ruħha l-isfida li tagħtu sinifikat sħiħ lil ħajjitkom, dik il-ħajja unika li ngħatalkom li tgħixu.
Intom żgħażagħ u tridu tgħixu. Imma tridu tgħixu b’mod sħiħ, u bi skop. Tridu tgħixu għal Alla, tridu tgħixu għall-oħrajn. Il-ġejjieni huwa tagħkom, mimli kif inhu bil-perikli u l-possibiltajiet, bit-tamiet u l-biżgħat, bis-sofferenzi u bil-ferħ, Imma l-ġejjieni huwa fuq kollox sejħa għal sfida biex “tippriservaw” ħajjitkom billi tirrinunzjaw għaliha “billi titilfuha” – kif fakkarna l-Vanġelu – billi taqsmuha permezz ta’ servizz amoruż lill-oħrajn. Il-kejl tas-suċċess se jkun il-kejl tal-ġenerożità tagħkom. F’kelma waħda biss, tridu tgħixu fi Kristu Ġesù, għall-glorja tal-Missier, fl-għaqda tal-Ispirtu Santu. Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb