Ġwanni Pawlu II fil-Kanonizzazzjoni ta’ 103 Martri Koreani

VJAĠĠ APOSTOLIKU FIL-KOREA, PAPUA NUOVA GUINEA,
ISOLE SALOMONE U THAILANDIA
QUDDIESA GĦALL-KANONIZZAZZJONI TA’ 103 MARTRI KOREANI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Piazza Youido – Seoul
Il-Ħadd, 6 ta’ Mejju 1984

Ma kellux forsi l-Messija jbati tali ħwejjeġ u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” (Lq 24, 26).

1. Dan il-kliem, meħud mill-Vanġelu tallum, kien migħud minn Ġesù waqt li kien sejjer minn Ġerusalem għal Emmaws akkumpanjat mid-dixxipli tiegħu. Huma ma għarfuhx u ddiskrivewlu daqs li kieku kien wieħed li ma jafuhx dak li kien seħħ Ġerusalem f’dawk l-aħħar jiem. Tkellmu dwar il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù. Tkellmu dwar it-tamiet li spiċċaw fix-xejn tagħhom: “Aħna ttamajna li huwa kien dak li kellu jeħles lill-Iżrael” (Lq 24, 21). Dawn it-tamiet sfaw midfuna mal-mewt ta’ Ġesù.

Iż-żewġ dixxipli kienu qalbhom maqtugħa. Minkejja li kienu semgħu jingħad li n-nisa u l-istess Appostli ma kinux sabu iktar – fit-tielet jum wara l-mewt tiegħu – il-ġisem ta’ Ġesù fil-qabar, ma kinux jafu li lilu kienu rawh ħaj. Id-dixxipli linqas ma kienu jafu li f’dak il-waqt preċiż kienu propju qegħdin iħarsu lejh, li kienu mexjin fil-kumpanija tiegħu, li kienu qegħdin jitkellmu miegħu. Verament, għajnejhom ma setgħux jagħrfuh (Lq 24, 16).

2. Allura Ġesù beda jispjega, beda mill-Iskritturi Sagri, li propju permezz tat-tbatija l-Messija kellu jilħaq il-glorja tal-qawmien mill-imwiet. Dan il-kliem, iżda, ma kisibx l-effett tiegħu. Ukoll jekk qlubhom bdew jaħarquhom waqt li kienu jisimgħu l-kliem ta’ dan l-iskonoxxut, huwa kompla jibqà għalihom wieħed li ma kinux jafuh. Kien biss waqt l-ikla ta’ filgħaxija, meta hu qabad il-ħobż, bierku, qasmu u newlu lilhom, “allura nfetħulhom għajnejhom u għarfuh” (Lq 24,31), imma f’dak il-waqt huwa għab minn quddiemhom. Waqt li għarfu lill-Mulej irxuxtat ma allora, huma saru xhieda għaż-żminijiet kollha tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu.

Permezz tagħhom, l-Appostli kollha, permezz tal-irġiel u n-nisa li xehdu l-ħajja u l-mewt ta’ Ġesù Kristu, il-Vanġelu tiegħu u l-qawmien mill-imwiet tiegħu, il-verità dwaru xterdet l-ewwel f’Ġerusalem, fil-Ġudea u mbagħad fil-Pajjiżi kollha u fost il-popli kollha. Din daħlet fl-istorja tal-umanità.

3. Il-verità dwar Ġesù laħqet ukoll l-art tal-Korea. Waslet permezz ta’ kotba miġjuba miċ-Ċina. U bi triq meraviljuża, il-grazzja divina fis imbuttat lill-antenati għorrief tagħkom l-ewwel għal riċerka intellettwali dwar il-verità u l-kelma ta’ Alla, u mbagħad għal fidi ħajja fis-Salvatur irxuxtat.

Billi xtaqu b’mod imħeġġeġ patiċipazzjoni ikbar fil-fidi nisranija, l-antenati tagħkom bagħtu, fl-1874, wieħed minnhom f’Peking, u hemm huwa tgħammed. Minn din iż-żerriegħa tajba twieldet l-ewwel komunità nisranija fil-Korea, komunità unika fl-istorja tal-Knisja, għaliex kienet imwaqqfa unikament minn lajċi. Din il-Knisja inesperta, hekk żagħżugħa u diġa hekk qawwija fil-fidi tagħha, irreżistiet għal diversi mewġiet ta’ persekuzzjoni feroċi. Kien hekk li, f’inqas minn seklu, hija setgħet tiftaħar diversi għaxriet ta’ eluf ta’ martri. Is-snin 1791, 1801, 1827, 1839, 1846 u 1866 iġibu għal dejjem il-marka tad-demm tal-martri tagħkom, u huma stampati għal dejjem fi qlubkom.

L-ewwel insara fl-ewwel ħamsin sena kienu assistiti biss minn żewġ saċedoti, li ġew miċ-Ċina, u għal perijodu ta’ żmien qasir; minkejja dan huma żiedu l-għaqda tagħhom fi Kristu permezz tat-talb u l-imħabba fraterna. Huma ma għamlux distinzjoni ta’ klassi u nkuraġġew l-vokazzjonijiet reliġjużi, u fittxew għaqda dejjem iktar stretta mal-Isqof tagħhom f’Peking u mal-Papa fl-imbegħda Ruma.

Wara li talbu għal snin biex jintbagħat numru ikbar ta’ saċerdoti, l-antenati tagħkom taw merħba lill-ewwel missjunarji franċiżi fl-1836. Uħud minnhom  ukoll jidhru fost dawk il-martri, li taw ħajjithom għall-kawża tal-Vanġelu, u li se jkunu kkanonizzati llum waqt din iċ-ċelebrazzjoni storika.

Il-fjoritura splendida tal-Knisja tallum fil-Korea hija realment frott tax-xhieda erojka tal-martri. Illum ukoll l-ispirtu mmortali tagħhom isostni l-insara tal-Knisja tas-silenzju fin-Nord ta’ dan il-Pajjiż maqsum traġikament.

4. Illum ingħatali – bħala Isqof ta’ Ruma u suċċessur ta’ Pietru fis-Sede Apostolika – li nipparteċipa fil-Ġublew tal-preżenza tal-Knisja fl-art tal-Korea. Diġa ilni ftit jiem fostkom bħala Pellegrin, waqt li nirrendi, bħala Isqof u Papa, s-servizz tiegħi lill-ulied maskili u femminili tal-maħbub Nazzjon Korean. Il-liturġija tallum tirrapreżenta il-waqt kulminanti ta’ dan is-servizz pastorali.

Osservaw, infatti: permezz ta’ din il-liturġija ta’ kanonizzazzjoni il-beati martri Koreani jiġu miktuba fl-elenku tal-qaddisin tal-Knisja kattolika. Dawn huma wlied in-nazzjon tagħkom, magħqudin ma’ tant missjunarji ta’ Pajjiżi oħra. Dawn huma l-antenati tagħkom b’dixxendenza, lingwa u kultura. U fl-istess ħin huma missirijietkom u ommijietkom fil-fidi, fidi li huma xehdu bit-tixrid ta’ demmhom stess.

Minn Peter Yu ta’ tlettax-il sena sa Mark Chong ta’ tnejn u sebgħin sena, irġiel u nisa, kleru u lajkat, għonja u fqar, nies il-poplu u nobbli, u bosta minnhom dixxendenti ta’ martri mhux magħrufin ta’ epoki preċedenti, kollha huma martri ferħana għall-kawża ta’ Kristu.

Isimgħu l-aħħar kliem ta’ Teresa Kwon, waħda minn l-ewwel martri: “Ladarba l-Mulej huwa Missier l-umanità kollha u Mulej tal-ħolqien kollu, kif tistgħu titolbuni nittradih? Saħansitra f’din id-dinja dak li jittradixxi lil missieru jew lil ommu ma jkunx maħfur. Għal raġuni ikbar jiena ma nistax nittradixxi lil dak li huwa l-Missier tagħna ilkoll”.

Ġenerazzjoni iktar tard, missier Peter Yu, Agostino, kien iddikjara b’mod deċiż: “Issa li jien għaraft lil Alla, mhuwiex possibbli li jiena nittradih”. Peter Cho imur iktar ‘il hemm u jgħid: “Nissopponu wkoll li l-missier jikkommetti delitt, ħadd m’għandu dritt jiċħdu u ma jagħrfux iktar bħala missieru. Kif nista mela jien insostni li ma nafx lill-Missier u Mulej ċelesti, li hu tant tajjeb?”.

U x’wieġbet Agatha Yi ta’ sbatax-il sena, meta lilha u lil ħuha ż-żgħir ġiet mogħtija l-aħbar falza li skontha l-ġenituri tagħha kienu ċaħdu l-fidi? “Il fatt li l-ġenituri tiegħi ittradew jew le hija biċċa tagħhom. Fejn nidħlu aħna, ma nistgħux nittradixxu l-Mulej tas-sema li dejjem qdejna”. Għal dan il-kliem, sitt insara adulti oħra taw ruħhom minn rajhom f’idejn il-maġistrati biex jiffaċċjaw il-martirju. Agatha, il-ġenituri tagħha u l-oħrajn se jkunu kkanonizzati llum. Barra minn dan, numru ferm ikbar ta’ martri umli mhux magħrufa qdew b’fidi ugwali u kuraġġ lill-Mulej.

5. Il-martri Koreani taw ix-xhieda tagħhom għal Kristo msallab u rxuxtat. Permezz tas-sagrifiċċju ta’ ħajjithom saru jixbħu lil Kristu  b’mod tassew speċjali. Huma setgħu, fis-sewwa, jagħmlu tagħhom il-kliem ta’ San Pawl: “Dejjem inġorru f’ġisimna t-tbatijiet ta’ Ġesù qiegħed imut, sabiex il-ħajja ta’ Ġesù tkun ukoll murija f’ġisimna . . . aħna mogħtija kontinwament għall-mewt minħabba f’Ġesù biex il-ħajja ta’ Ġesù tkun tidher ukoll fil-ġisem tagħna li jmut” (2 Kor 4, 10-11).

Il-mewt tal-martri tixbaħ il-mewt ta’ Kristu fuq is-salib, għaliex, bħal mewtu, hekk ukoll dik tagħhom saret il-bidu ta’ ħajja ġdida. Din il-ħajja ġdida ma wrietx ruħha unikament fihom infushom – jiġifieri f’dawk li batew il-mewt ta’ Kristu imma kienet mifruxa fuq l-oħrajn. Saret il-ħmira tal-Knisja bħala komunità ħajja ta’ dixxipli u xhieda ta’ Ġesù Kristu. “Id-demm tal-martri huwa żerriegħa tal-insara”: f’dan il-kliem tal-ewwel seklu tal-kristjaneżmu tinsab il-konferma issa quddiem għajnejna.

Illum il-Knisja li tinsab fl-art tal-Korea tixtieq tiżżi ħajr b’mod l-iktar sollenni lit-Trinità Qaddisa għad-don tar-redenzjoni. Dwar dan id-don San Pietru kiteb: “Tafu sewwa li intom kontu mifdija mhux b’xi ħaġa li tintemm, bħalma l-fidda jew id-deheb, kontu mifdija, bid-demm għażiż  ta’ Kristu li kien bħal ħaruf bla għajb u bla tebgħa” (1 Pt 1, 18-19). B’dan il-prezz, b’dan il-prezz tar-redenzjoni, il-Knisja tagħkom tixtieq, fuq il-bażi tax-xhieda tal-martri Koreani, iżżid xhieda dejjiema  ta’ fidi, tama u karità.

Jalla, permezz ta’ din ix-xhieda, Ġesù Kristu jkun dejjem iktar magħruf f’Pajjiżkom: Kristu msallab u rxuxtat, Kristu, it-triq, il-verità u l-ħajja, Kristu veru Alla: Iben Alla l-ħaj. Kristu, veru bniedem: Iben il-Verġni Marija.

Dik id-darba, f’Emmaws, żewġ dixxipli għarfu lil Ġesù “fl-att tal-qsim tal-ħobż” (Lq 24, 35). Fl-art tal-Korea, jalla dejjem jagħrfuh dixxipli ġodda fl-Ewkaristija. Ilqgħu lil ġismu u lil demmu taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-inbid, u jalla r-Redentur tad-dinja jilqagħkom fl-għaqda ta’ ġismu, permezz tal-qawwa tal-IspirtuSantu.

Jalla dan il-jum sollenni jsir impenn ta’ ħajja u ta’ qdusija għall-ġenerazzjonijiet futuri.  Ġesù Kristu qam mill-mewt u llum jgħix fil-Knisja tiegħu. “Il-Mulej qam mill-mewt tassew” (Lq 24, 34). Amen. Alleluia.


Suċċessivament, wara li tneħħa l-ilbies liturġiku, il-Papa, billi xtaq li juri mill-ġdid il-ferħ profond tiegħu għal waqt meraviljuż migħux f’komunjoni mal-fidili, idur mill-ġdid biex jitkellem, din id-darba bit-Taljan.

Tkellimt bl-Ingliż, tkellimt bil-Franċiż, issa nixtieq ngħid kelmtejn bit-Taaljan li Patri Chang se jittraduċilkom bil-lingwa Koreana.

Jiena mqanqal profondament. Ħassejt dawn iż-żewġ sekli tal-fidi, tal-martirju, tal-Knisja li llum stajt ninkuruna, b’din is-sollennità stupenda! Kemm jiena grat lejn Alla li ppermettieli li niġi hawn fil-Korea għal din is-sollennità! Kemm jiena grat lejn il-Kardinal tagħkom li stedinni, minn snin ilu, biex niġi hawn, biex nieħu sehem fiċ-ċelebrazzjoni biċentinarja!

Imma dan ir-ringrazzjament tiegħi personali huwa biss parti ċkejkna tar-ringrazzjament komuni: hekk hu, il-Knisja fil-Korea iżżiet ħajr lit-Trinità Qaddisa għal “mirabilia Dei”. Ma rringrazzjatux weħedha, imma fl-għaqda mal-Knisja ta’ Ruma u mal-Knisja universali ta’ Kristu li jgħix fid-dinja kollha. Kemm jien grat lejn Alla talli tani l-ferħ li nkun jien il-ministru, il-qaddej, ta’ dan ir-ringrazzjament, flimkien ma’ ħuti l-isqfijiet, Koreani u mistiedna minn diversi nazzjonijiet! Kemm jien grat għal dan il-ministeru saċerdotali episkopali u papali li ngħatali li nwettaq illum, hawn, f’artkom, f’Seoul.

Għeżież ħuti Koreani, matul dawn il-jiem taż-żjara apostolika tiegħi stajt nammira l-Knisja tagħkom mibnija fuq is-sies ta’ martirju sekolari u stajt nammira din il-Knisja tagħkom tallum, mibnija jum wara jum minnkom ilkoll.

Irrid mela niżżi ħajr lilkom ilkoll, preżenti u assenti; irrid niżżi ħajr lis-saċerdoti tagħkom żelanti u ħaddiema, il-familji reliġjużi tagħkom, u lis-sorijiet Koreani, il-patrijiet, irrid niżżi ħajr lil dawk kollha li jieħdu sehem fl-apostolat tal-lajċi: dan kollu jidħol fit-totalità ta’ din iċ-ċelebrazzjoni tallum. Dan kollu huwa frott ta’ żewġ sekli, frott ta’ dan il-martirju stupend tal-martri Koreani.

Irrid inżid kelma ta’ ringrazzjament lil dawk kollha li ħadu sehem fl-organizzazzjoni taż-żjara tal-Papa u b’mod speċjali f’din iċ-ċelebrazzjoni tallum. Niżżi ħajr lil kulħadd, niżżikom ħajr minn qalbi: kienet organizzazzjoni perfetta. Imma “organizzazzjoni” hija kelma lajka wisq: din apostolat, xhieda, u ta’ dan niżżikom ħajr.

Komplu ppermettuli li nżid kelma ta’ ringrazzjament lil dawk kollha li jappartienu lis-servizz pubbliku, lis-sevizz tal-komunikazzjoni, lis-servizz tal-ordni pubbliku, tas-sikurezza pubblika. Jiena grat bħala mistieden tagħkom u se nieħu miegħi ta’ din iż-żjara fil-Korea impressjoni tajba: Pajjiż ordnat u matur.

Għandi nkompli nżid kelma għalija nnifsi. Ngħid lili nnifsi li għandi nieqaf u ma nkomplix nitkellem iktar għaliex dawn in-nies ilhom hawn sigħat u sigħat u huma għajjenin, ma jifilħux iktar: “Int, Papa, imissek tieqaf u għandek tgħid biss grazzi!”.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading