OMELIJA GĦAT-TIELET ĦADD TAR-RANDAN SENA Ċ

ALLA HUWA PAĊENZJUŻ ĦAFNA MAGĦNA … EJJEW INFITTXU LI NERĠGĦU NAGĦMLU ĦBIEB MIEGĦU!

Minn Fr Michael A. Galea

Kien is-6 ta’ Mejju 1976 fid-9.00 ta’ fil-għaxija. Fil-provinċja tal-Friuli, in-naħa ta’ fuq tal-Italja, terremot qawwi (imkejjel sitta punt ħamsa) skont l-iskala Richter, fi ftit minuti għamel ħerba kbira, minn din il-provinċja. ‘Il fuq minn disa’ mitt ruħ tilfu ħajjithom u ndarbu eluf ta’ nies. Ħafna familji spiċċaw bla saqaf fuq rashom għax tmintax il-elf dar waqgħu żorbru u spiċċaw gozz terrapien. Mela xi ħadd mhux magħruf ġab bott żebgħa sewda, qabad pinzell u fuq ħajt nofsu  mġarraf kiteb hekk: “O Alla, fejn kont fil-lejla tas-sitta ta’ Mejju?!”

Dan il-bniedem mhux magħruf forsi ppretenda li fil-ħila kbira tiegħu Alla seta’ jagħmel xi ħaġa biex dan id-diżastru naturali ma jseħħx u din il-ħaġa m’għamilhiex. Dal-bniedem forsi kien irrabjat għal Alla minħabba dak li ġara. Dal-bniedem forsi ħaseb li Alla mhux Alla li tassew iħobb lill-bnedmin imma Alla kapaċi jkun kattiv u jsawwat fejn ikun hemm bżonn. Ma nafx ngħidilkom għax ħadd ma jista’ jidħol fil-kuxjenza ta’ ħadd. Naf ngħidilkom biss li għal ħafna nies Alla jista’ jsir problema! Ħa nagħtikom xi eżempji…

Xi nies jistaqsu lilhom infushom u jgħidu: “Imma Alla jeżisti jew le? Jekk jeżisti fejn hu? Jekk jeżisti x’inhu jagħmel? Jekk jeżisti għaliex tant tbatija fid-dinja? Għaliex tant faqar u miżerja fit-tielet dinja? Għaliex it-tbatija ta’ nies u tfal innoċenti? Għaliex il-mewt fid-dinja, l-aktar ta’ dawk għadhom żgħar fl-eta’? Imma tgħid  Alla jħobb verament lill-bnedem jew ma jħobbux? Għaliex il-ħżiena tarahom jirnexxu fil-ħajja u t-tajbin tarahom ma jirnexxux, anzi tarahom dejjem ilaqqtu fuq rashom? Insomma il-lista ta’ dawn il-mistoqsijiet profondi u tqal ma tispiċċa qatt! Il-kardinal Angelo Comastri jgħid hekk: “Ma jeżisti ħadd fid-dinja li ma batiex, li mhux qed ibati jew li mhux se jbati. Jekk minn għalik trid tgħix mingħajr tbatija tista’ tqis lilek innifsek trid tieħu n-nifs mingħajr ossiġnu, jiġifieri qed tippretendi l-impossibbli!” Dak inhar tat-terremot tal-Friuli, waħda mara niżlet għarkobbtejha f’nofs il-pjazza mġarrfa u għajtet: “Dari mwaqqgħa, imma l-fidi tiegħi f’Alla hija soda u ħajja.”

Ħa niġu għall-vanġelu li għadna kemm smajna. Nistgħu ngħidu li dis-silta mill-vanġelu tal-lum hija maqsuna f’żewġ partijiet…

Niġu għall-ewwel parti. Mela San Luqa jgħidilna li ġew xi Lhud għand Ġesu’ u qalulu b’dawk il-Galilej li Pilatu kien ħallat demmhom ma’ dak tal-vittmi tas-sagrifiċċju tagħhom. X’kienet eżattament din il-ġrajja? Mela xi Galilej, marru fit-tempju u kienu qegħdin joqtlu xi ħrief biex joffruhom bħala sagrifiċċju lil Alla. Inqala’ xi ġlied bejniethom jew ma’ xi suldati Rumani u Pilatu, gvernatur tal-Palestina, bagħat joqtolhom. L-istoriku Flavius Josephus li kiteb fl-ewwel seklu wara Kristu, jirrakkuntah dan il-fatt u jgħid li Pilatu ma kienx jaħsibha darbtejn biex jaġixxi b’dan il-mod. Jgħid Josephus: “Pilatu kien bniedem impulsiv ħafna!”

Imbagħad minn jeddu, Ġesu’ fakkar lil dawn il-Lhud li ġew ikellmuh fuq id-diżgrazzja li seħħet, għandi nifhem fi żmienu stess, meta t-torri ta’ Silwam iġġarraf u qatel tmintax-il-ruħ. U jistaqsi Ġesu’: “Tgħid dawk li mietu f’dawn iż-żewġ każijiet kienu iktar ħżiena u midinbin minn Lhud oħra?” Jagħmel din il-mistoqsija għaliex fiż-żmien li fih inkitbet l-Iskrittura dawk milquta minn xi diżgrazzja, dawk morda jew dawk qegħdin ibatu minn xi diżabilita’ ġralhom hekk għax dinbu. Imma Ġesu’ jrid jikkorreġi din l-ideja żbaljata. Għaż-żewġ każijiet, Ġesu’ jsostni u jgħid għal darbtejn il-kelma negattiva: “Le!”. Imma fl-istess nifs Ġesu’ jkompli jgħid għalija u għalik: “Jekk ma tindmux ilkoll tintilfu xorta waħda.”

Issa niġu għat-tieni parti tal-vanġelu: il-parabbola qasira tas-siġra tat-tin. L-awtur Ingliż Kevin O’Sullivan jgħid li dil-parabbola Ġesu’ ma japplikaha għal ħadd, imma jekk inqisu ftit il-kuntest tagħha, ikollna ngħidu li dis-siġra tat-tin hija l-Poplu Lhudi. Alla kien li ħawwel din is-siġra tat-tin. Dis-siġra tat-tin ikkuraha kemm seta’ u stenna li tagħmel il-frott, imma frott  m’għamlitx. “Tliet snin, ara, ili niġi nfittex il-frott f’din it-tina, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha, għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art” Imma l-ġardinar, li jirrappreżenta lil Ġesu’ Kristu, indaħal għaliha quddiem il-Missier u qallu: “Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel…”

Ninsabu fiż-żmien tar-randan, forsi jista’ jkun l-aħħar wieħed għalija jew għalik. Nibda minni nnifsi u nistaqsi: “Qed nagħmel frott ta’ għemejjel tajba jew le? Konvint li Alla qed jiġri warajja, ifittixni bħal dik in-nagħġa li ħarġet mill-merħla biex jekk isibni jerġa’ jdaħħalni fil-maqjel ma’ sħabi?” Nispiċċa bi kwotazzjoni tat-Taljan Don Primo Mazzolari. Jgħid hekk dal-kittieb: “L-ikbar dnub tal-bniedem jista’ jkun meta dal-bniedem ma jemminx fil-ħniena kbira t’Alla u li Alla mhux se jaħirlu! ” Imma l-bniedem, jien u int, irridu nagħmlu l-parti tagħna. Ejjew ma naljenawx ruħna f’dan iż-żmien tar-randan li huwa żmien ta’ grazzja. Ejjew insibu ħin biex iktar minn żminijiet oħra nisimgħu l-Kelma t’Alla li titħabbrilna b’mod abbundanti. Ma nistax ma nsemmiex l-eżerċizzi tar-randan li jsiru f’kull parroċċa għad-diversi kategoriji ta’ nsara. Ejjew nieħdu sehem ħaj fil-quddiesa: mhux biss dik ta’ nhar ta’ Ħadd imma jekk inkunu nistgħu anki f’dik ta’ fost il-ġimgħa. Ejjew nagħmlu kuraġġ u nersqu għas-sagramenti b’mod speċjali għas-sagrament tal-qrar li bih nagħmlu ħbieb ma’ Alla, nagħmlu ħbieb mal-oħrajn u nagħmlu ħbieb magħna nfusna. Tiskanta: nies li wara tant żmien jiddeċiedu li jersqu għas-sagrament tar-rikonċiljazzjoni tarahom jinbidlu fi bnedmin ġodda u ferħanin. Nispiċċa b’nofs ta’ kelma mhux għalikom li tiġu l-knisja kull nhar ta’ Ħadd imma għal dawk li jsegwu l-quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd minn fuq it-television għax hekk draw mill-pandemija tal-convid ‘l hawn.

Nispiċċa. Nhar ta’ Ħadd fil-għaxija nieħu gost insegwi l-quddiesa li jiċċelebra Fr Charles Tabone fuq il-UTV mill-knisja tan-Nazzarenu ġewwa Malta. Mhux darba u tnejn, dal-patri dumnikan jisħaq u jgħid li l-quddiesa minn fuq it-television ma tgħoddx għal dawk li huma f’saħħithom. Dawk f’saħħithom għandhom jagħmlu l-parti tagħhom u jipparteċipaw mal-bqija ta’ nsara oħra għas-sagrifiċċju tal-quddiesa; biss biss, jekk ikunu fil-grazzja t’Alla ma jitilfux tqarbina għal xejn b’xejn. Għalhekk nitlobkom kunu kuraġġjużi biżżejjed, kunu appostli u dan li għadni kemm għedt għadduh lil dawk li għandhom bżonnu!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading