VJAĠĠ APOSTOLIKU FIL-KOREA, PAPUA NUOVA GUINEA,
ISOLE SALOMONE U T-THAILANDIA
QUDDIESA GĦALL-EVANĠELIZZAZZJONI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Mount Hagen (Papua Nuova Guinea)
It-Tlieta, 8 ta’ Mejju 1984
1. “Il-grazzja tas-Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla u l-għaqda fl-Ispirtu Santu tkun magħkom ilkoll” (2 Kor 13, 13).
Sliem ggħalikom, poplu tal-muntanji u ċittadini ta’ Papua Nuova Guinea. Sliem għalikom li tappartienu lil bosta gruppi differenti, bi drawwiet u lingwaġġi differenti. Sliem għalikom, ulied il-Knisja maskili u femminili u b’mod partikolari lilkom, fidili ta’ Mount Hagen, li intom iddedikati b’mod speċjali mat-Trinità Qaddisa. Billi tieħdu sehem fl-uniku ikel li huwa l-Ewkaristija, il-ġisem ta’ Kristu, sirtu poplu uniku ta’ Alla, li huwa l-ġisem mistiku ta’ Kristu, il-Knisja mqaddsa tiegħu.
Il-Knisja ta’ Papua Nuova Guinea, mitt sena wara t-twaqqif tagħha, illum tiċċelebra sollennement l-għaqda tagħha mal-Knisja universali, bil-preżenza tal-Isqof ta’ Ruma, is-suċċessur ta’ San Pietru.
2. L-istorja tal-evanġelizzazzjoni f’Pajjiżkom, it-tkabbir tal-Knisja jirrivelalna l-opra kbira, u, meraviljuża li Alla wettaq fostkom. Ejjew inħarsu biss għal waqt wieħed lejn dik il-parti tal-istorja tas-salvazzjoni imwettqa hawn fl-art tagħkom.
Wara l-falliment tal-ewwel tentattivi ta’ evanġelizzazzjoni, attività bla taqtà missjunarja tiżviluppa mal-bidu tas-seklu li għadda. Il-missjunarji tal-Qalb Imqaddsa wasslu l-Vanġelu fi New Britain u fil-kosta tan-Nofsinhar tal-gżira ta’ Nuova Guinea. Diversi snin wara, il-patrijiet Verbiti bdew jevanġelizzaw il-Kosta fil-Grigal ta’ Nuova Guinea, u il-Maristi bdew l-attività missjunarja tagħhom fil-gżira ta’ Bougainville.
Minn dawn iż-żoni missjunarji oriġinali ħarġu finalment ħames vikarjati apostoliċi: Rabaul, Papua, East Nuova Guinea, Nuova Guinea Ċentrali u Salomone tan-Nord. Dawn, min-naħa tagħhom, kienu saru ħmistax, meta fl-1966, twaqqfet f’Papua Nuova Guinea l-ġerarkija, bħala rikonoxximent tal-maturità li kienet issa ntlaħqet mill-Knejjes lokali. Illum jeżistu erbà sedji metropolitani b’erbatax-il dijoċesi:
– Rabaul, bid-dijoċesi sostenitarji ta’ Bougainville u Kavieng;
– Port Moresby, bid-dijoċesi sostenitarji ta’ Alotau-Sideia, Bereina, Daru u Kerema;
– Madang, bid-dijoċesi sostenitarji ta’ Aitape, Lae Vanimo u Wewak;
– Mount Hagen, bid-dijoċesi sostenitarji ta’ Goroka, Kundiawa, Mendi u Wabag.
Il-Knisja verament firxet għeruqha kullimkien fost il-poplu maħbub ta’ dan il-Pajjiż: mill-iżgħar tal-gżejjer innumerevoli tagħkom sa fl-ikbar gżira ta’ Nuova Guinea.
Magħqudin mal-komunità ekkleżjali kollha li tgħammar f’Papua Nuova Guinea, aħna lkoll illum niżżu ħajr u tifħir lit-Trinità Qaddisa għaliex il-pjan etern ta’ Alla tar-rivelazzjoni u tas-salvazzjoni twettaq fost il-poplu ta’ Alla f’dan il-Pajjiż, dak il-pjan etern li dwaru San Pawl jikteb fl-ittra tiegħu lill-Efesin.
3. Fiż-żmien stabbilit, il-misteru divin, rivelat minn Ġesù Kristu, kien mgħarraf lill-ulied maskili u femminili ta’ Papua Nuova Guinea, il- misteru li l-ewwel kien elevat mill-Ispirtu Santu lill-appostli u lill-profeti, speċjalment f’jum il-Pentekoste. Permezz tal-opra missjunarja tal-Knisja, ulied dan il-Pajjiġ ġew “biex jieħdu sehem fl-istess wirt, biex jiffurmaw l-istess ġisem, biex ikunu parteċipi fil-wegħda fi Kristu Ġesù permezz tal-Vanġelu” (Ef 3, 6).
Dawk kollha li kkontribwew u li għadhom jikkontribwixxu f’dan is-servizz ekkleżjali ta’ evanġelizzazzjoni – qiegħed nitkellem dwar il-missjunarji u l-kollaboraturi, ħajjin u mejtin illum – jiżżu ħajr lit-Trinità Qaddisa għaliex lilhom “ingħatat l-grazzja li jxandru lill-pagani l-Evanġelju tal-għana ta’ Kristu, u li ġegħlu jibbru l-għajnejn ta’ dawk kollha b’liema hu t-twettiq tal-misteru moħbi għal sekli fil-moħħ ta’ Alla ħallieq tal-univers” (Ef 3, 8-9).
4. Waqt li niċċelebraw l-Ewkaristija se nersqu qrib Missierna ċelesti, billi nqegħdu tamietna u l-fiduċja tagħna “ fi Kristu Ġesù, Sidna, li jagħtina l-kuraġġ li nersqu qrib minħabba l-fidi tagħna fih” (Ef 3, 11-12).
Ejjew niftakru kif Kristu talab għad-dixxipli tiegħu lejlet il-jum tal-passjoni redentriċi tiegħu u ta’ mewtu: “Missier Qaddis, ħarishom f’ismek dawk li inti tajtni, biex ikunu ħaġa waħda bħalna” (Ġw 17, 11).
“Qaddishom permezz tal-verità; il-kelma tiegħek hi l-verità. Kif inti bgħatt lili fid-dinja, hekk jiena bgħatt lilhom fid-dinja; u jiena minħabba fihom nagħti ħajti, biex huma wkoll ikunu mqaddsin permezz tal-verità” (Ġw 17, 17-19).
Hekk talab Kristu l-jum ta’ qabel miet. Huwa talab mhux biss għall-appostli li kienu miegħu fil-kamra tas-sular ta’ fuq, imma wkoll għal dawk li għal kelmthom kienu se jemmnu fih (cf. Ġwv 17, 20).
Huwa talab ukoll għal dawk li jwasslu d-dawl tal-Vanġelu hawn, Papua Nuova Guinea.
Huwa talab ukoll għal dawk li aċċetaw il-bxara t-tajba mxandra f’ismu matul l-aħħar mitt sena. Huwa talab ukoll għal dawk li jipprofessaw il-fidi fih u li jikkomunikaw il-Vanġelu lill-oħrajn.
Fit-talba saċerdotali tiegħu Ġesù talab għal dawk kollha li kienu se jemmnu fih sal-aħħar raż-żminijiet. F’dik it-talba huwa ħaddan il-popli u n-nazzjonijiet kollha, propju kif ħaddanhom fir-redenzjoni mwettqa permezz tal-kruċifissjoni u l-qawmien mill-imwiet.
5. Flimkien magħkom illum nixtieq nirrendi ġrazzi u tifħir lit-Trinità Qaddisa għaliex il-poplu ta’ Papua Nuova Guinea jappartieni lil Alla. Dan huwa poplu mifdi bid-demm prezzjuż ta’ Ġesù Kristu. Jiena niżżi ħajr għalies intom tappartienu lill-komunità tal-Knisja ta’ Kristu, għaliex intom ħaġa waħda f’unjoni mal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu Santu. Propju bħalma Kristu fit-talba saċerdotali tiegħu talab li intom kellkom issiru “ilkoll ħaġa waħda. Kif int, Missier, inti fija u jiena fik, ikunu wkoll huma ħaġa waħda, sabiex id-dinja temmen li inti bgħattni . . . u li ħabbejthom bħalma ħabbejt lili” (Ġw 17, 21.23).
Jiena nitlob sabiex din l-imħabba divina tirrivela ruħha dejjem iżjed fikom u bejnietkom; li tiggwidakom b’sikurezza fil-futur; li tirrendikom kapaċi li timxu fil-ħajja hawn fl-art: u x’art meraviljuża għandkom madwarkom mingħajr ma titilfu minn quddiem għajnejkom l-ħajja eterna u l-komunjoni eterna ma’ Alla.
Hekk, “il-pjan tal-misteru moħbi għal sekli fil-moħħ ta’ Alla” (Ef 3, 9) ikun imwettaq għal kollox u jsir viżibbli fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnkom u fl-umanità, dak il-pjan li l-Misser “attwa fi Kristu Ġesù Sidna” (Ef 3, 11).
Att ta’ affidameno lil Marija
Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika ġo Mount Hagen, ejjew indawru moħħna u qlubna lejn il-Beata Verġni Marija:
O Marija, omm Alla, niżżik ħajr għall-imħabba li għandek għal uliedek maskili u femminili ta’ Papua Nuova Guinea, u għall-attenzjoni materna li biha sostnejt lill-missjunarji li ppridkaw il-Vanġelu ta’ Ibnek f’dan il-Pajjiż.
O Omm amoruża,jiena nafda lil Qalbek Immakulata lil uliedek għeżież kollha fil-Knisja u lill-poplu kollu ta’ dan il-Pajjiż. Nafdalek l-isqfijiet, is-saċerdoti u d-djakni, li qegħdin ikomplu jxandru hawn il-bxara t-tajba tas-salvazzjoni u tar-redenzjoni. Nafdalek lir-reliġjużi, irġiel u nisa, li huma wkoll iduru lejk b’fiduċja bħala mudell u gwida speċjali tagħhom.
O Omm tal-Verb inkarnat, nafdalek lill-katekisti u lil-lajċi responsabli tal-Knisja, il-familji, il-morda u l-batuti, il-priġunieri u l-persuni weħedhom, iż-żgħażagħ u l-anzjani: il-lajkat kollu ta’ Papua Nuova Guinea. Nitolbok li twassalhom amorożament għand l-uniku Ibnek, is-salvatur tad-dinja, għaliex irid ifejjaq lil dawk li jbatu, jirrikonċilja lil dawk li huma fid-dnub, iwelled mill-ġdid it-tama lil dawk li għandhom qalbhom maqsuma (Lq 10, 2).
O Omm tal-appostli, Omm il-Knisja, nafdalek l-opra l-kbira tal-evanġelizzazzjoni, u dawk kollha li jaħdmu għas-saltna ta; Alla billi jxandru l-Vanġelu ta’ Kristu. U nagħmillek talba ħerqana għall-vokazzjonijiet għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża. Itlob lil sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli tiegħu.
O Omm Alla ħaj, urina t-triq għall-grazzja u għas-salvazzjoni.
Ikun imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesù!
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb