VJAĠĠ APOSTOLIKU FIL-KOREA, PAPUA NUOVA GUINEA,
ISOLE SALOMONE U T-THAILANDIA
LAQGĦA MAL-MORDA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Knisja ta’ San Ġużepp – Port Moresby (Papua Nuova Guinea)
It-Tlieta, 8 ta’ Mejju 1984
Għeżież ħuti.
1. Il-paċi ta’ Sidna Ġesù Kristu timla qlubkom! Merħba lil dan il-jum li ninsab fostkom li ġġorru l-piż tal-mard u tan-niket, u li ninkuraġġikom biex tgħaqqdu t-tbatijiet tagħkom ma’ dawk ta’ Kristu.
Meta Ġesù inkariga l-Appostli tiegħu biex “jippridkaw il-Vanġelu lil kull maħluq” (Mk 16, 15), wiegħed li ċerti sinjali kellhom isegwu l-opra tagħhom. “F’ismi – qalilhom – tkeċċu x-xjaten, titkellmu b’ilsna ġodda . . . tqegħdu jdejkom fuq il-morda u dawn ifiequ” (Mk 16, 17-18). Dan il-kliem tas-Salvatur tagħna jirrivela ruħu bħall-assistenza lill-morda strettament marbut mal-predikazzjoni tal-Vanġelu u jikkostitwixxi parti mportanti mill-missjoni ta’ Kristu fid-dinja.
Ma nistgħux, mela, nissorprendu ruħna li l-missjunarji li ġew fil-Papua Nuova Guinea mhux biss ġabu l-bxara t-tajba tas-salvazzjoni, imma wkoll ħadu ħsieb il-morda. U tassew il-ħniena amorevoli tagħhom għal dawk li kienu qegħdin ibatu impressjonat b’mod profond lill-antenati tagħkom. Billi raw dan l-eżempju ta’ karità u fidi, huma laqgħu b’mod grazzjuż fosthom lill-missjunarji u fetħulhom qlubhom għall-Vanġelu ta’ Sidna Ġesu Kristu.
2. Bl-istess sentimenti jiena niġi għandkom illum. Niġi biex ngħidilkom dwar imħabbti għalikom fi Kristu, u biex nassikurakom bl-interess pastorali tal-Knisja kollha. Il-Knisja, bħal Ġesù r-redentur tagħha, trid tkun dejjem qrib dawk li jbatu. , billi tgħallimhom li t-tbatija mhijiex kastig divin, linqas il-konsegwenza ta’ xi saħta tal-ispirti l-ħżiena. Il-Knisja twassal b’eżempju lil Kristu li, permezz tat-tislib u l-qawmien mill-imwiet, feda t-tbatija kollha tal-umanità u hekk ta sens lil dan il-misteru tal-eżistenza umana.
Il-Knisja toffri grazzja u qawwa permezz tas-sagrament tal-Griżma tal-Morda. Waqt li jsegwi r-ritwal deskritt minn San Ġakbu, is-saċerdot li jamministra dan is-sagrament jitlob għall-persuna marida “wara li jkun dilikha biż-żejt, f’isem il-Mulej” (Ġk 5, 14). B’dan il-mod, il-Mulej, fil-ħniena u l-imħabba tiegħu, jgħin lill-persuna marida bil-grazzja tal-Ispirtu Santu, jeħlisha mid-dnub, isalvaha u jgħolliha. Dan is-sagrament tal-Knisja huwa esperjenza li ssabbar, tgħolli u tqaddes lill-marid; huwa laqgħa personali ma’ Kristu, ir-redentur u fejjieq tal-umanità.
3. Għeżież ħuti, irrid li tkunu tafu kemm intom importanti għall-Knisja, għaliex tiżvolġu rwol insostitwibbli fil-missjoni tagħha ta’ salvazzjoni. Meta twasslu t-tbatijiet tagħkom f’għaqda mal-Mulej, salvatur tagħna, intom, kif jgħid San Pawl, “intom ittemmu f’ġisimkom dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu,, għall-ġisem tiegħu li huwa l-Knisja” (Kol 1, 24). Billi tgħaqqdu t-tbatijiet tagħkom mas-sagrifiju ta’ Kristu, tgħinu lill-oħrajn biex jieħdu sehem fir-redenzjoni ta’ Kristu. Ikkoperaw ma’ Kristu fit-twassil tas-salvazzjoni tiegħu fil-Papua Nuova Guinea u fid-dinja. Fit-tiftix li tgħixu l-misteru tat-tbatija f’għaqda ma’ Kristu, tkunu rġiel u nisa tat-talb. San Ġakbu jgħid: “Itolbu għal xulxin biex tkunu mfejqa. It-talb tal-bniedem ġust magħmul bil-ħerqa għandu qawwa kbira” (Ġk 5,16).
Ippruvaw b’mod partikolari li tinkuraġġixxu u ssostnu lil ħutkom li jbatu. Agħmlu li t-tbatija tagħkom, imġarrba fl-imħabba għal Kristu, tifforma fikom qalb mimlija kumpassjoni u ħniena. Jalla Missierna ċelesti “jimliekom b’kull ġid fil-ħtieġa tagħkom skont l-għana tal-glorja fi Kristu Ġesù” (Fil 4, 19). U jalla l-imħabba ta’ Ġesù tkun dejjem fi qlubkom.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb