Papa Franġisku ħareġ il‑messaġġ tiegħu għall‑Jum Dinji Missjunarju 2025, u stedinna nirriflettu fuq is‑sejħa kondiviża tagħna biex inkunu Missjunarji tat‑Tama Fost il‑Popli Kollha. Hekk kif ninsabu fis‑Sena tal‑Ġublew, din it‑tema tfakkarna li l‑missjoni hija fil‑qalba tal‑fidi tagħna, u aħna msejħin biex naqsmu t‑tama ta’ Kristu mad‑dinja!
Matul ix-xhur ta’ April, Mejju u Ġunju tista’ taqra aktar dwar dan kollu fil-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta. F’dan il-magażin, li joħroġ erba’ darbiet fis-sena, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li diġà wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob. Wieħed isib ukoll tagħrif dwar id-diversi attivitajiet li Missio Malta jkun organizza u se jorganizza matul is-sena għall-benefatturi u l-qarrejja tal-magażin. F’artiklu minnhom naqraw dwar ir‑raħal ta’ Buhumuriro f’Kagongo l‑Uganda li jagħmel parti mill‑Parroċċa ta’ Ibanda, fejn inħass il‑bżonn urġenti li titħaffer spiera bil‑għan ewlieni li tiżviluppa faċilità ta’ provvista ta’ ilma sostenibbli u kostanti fil‑komunità kemm għal skopijiet domestiċi kif ukoll dawk agrikoli.
Għal aktar tagħrif, jew biex tabbona b’xejn fil-magażin Malta Missjunarja, ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962, jew ibgħat imejl lil info@missio.org.mt Żur ukoll is-sit www.missio.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook: Missio Malta.
