VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-KOREA, PAPUA NUOVA GUINEA,
ISOLE SALOMONE U T-THAILANDIA
QUDDIESA AD UNUR TAL-ISEM IMQADDES TA’ MARIJA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Honiara (Isole Salomone)
L-Erbgħa, 9 ta’ Mejju 1984
Għeżież ħuti f’Ġesù Kristu
“Meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara” (Gal 4, 4).
1. L-ewwel qari tallum jitkellem dwar il-milja taż-żminijiet. Dan jirreferi għat-twettiq tal-istorja tal-umanità fil-pjan etern tat-Trinità Qaddisa, L-ittra lill-Galatin titkellem dwar dan il-pjan, u fiex jikkonsisti t-twettiq tiegħu. L-ewwelnett, l-Iben ta’ Alla jiġi fid-dinja biex jirrendi possibbli l-adozzjoni tagħna għal ulied Alla: m’aħniex iktar skjavi, imma wlied. It-tieni, bil-qawwa tal-Ispirtu Santu li Alla bagħat fi qlubna, nistgħu ngħajtu: “Abba! Missier!”. Nistgħu insejħu lil Alla Missierna. U finalment, flimkien mal-Iben uniġenitu ta’ Alla, aħna wkoll insiru wliedu u werrieta. Meta waslet il-milja taż-żminijiet lil kulħadd ingħatat l-possibiltà li nieħdu sehem b’mod intimu fil-ħajja tal-Missier, tal-Iben, tal-Ispirtu Santu.
2. Il-proklamazzjoni ta’ din il-milja taż-żmien” hija msejħa evanġelizzazzjoni: din hija t-twettiq tal-bxara t-tajba tas-salvazzjoni. U għal kważi seklu u nofs din il-milja taż-żmien ġiet ipproklamata fil-gżejjer Salomone.
Għalkemm l-Ispanjoli, akkumpanjati mill-missjunarji Franġiskani waslu f’Point Cruz l-1568, l-istorja tal-evanġelizzazzjoni bdiet biss fl-1845. L-ewwel missjunarji mibgħutin kienu Maristi, taħt it-tmexxija tal-Isqof Epalle. Minkejja ż-żelu u l-kuraġġ tagħhom, il-missjoni kienet abbandunata sentejn iktar tard wara li l-Isqof Epalle u numru mhux ħażin ta’ oħrajn taw ħajjithom għall-fidi.
Il-program suċċessiv u iktar important ta’ evanġelizzazzjoni twettaq mill-missjunarji anglikani li ġew minn New Zeland. Grazzi lgħall-isforzi qawwija tagħhom biex jippridkaw il-Vanġelu, u jwaqqfu skejjel kristjani, il-messaġġ ta’ Kristu beda jitfa għeruqu f’qalb il-poplu. Saru tentattivi, ftit wara, minn diversi inizjattivi missjunarji, inklużi dawk tal-membri tal-Missjoni evanġelika tal-ibħra tan-nofsinhar(Sud), tal-Knisja metodista, tal-Avventisti tas-Sebà jum u ta’ oħrajn. Kollha fittxew mhux biss li jagħmlu magħruf lil Kristu, imma wkoll li jaħdmu għas-saħħa u t-tagħlim tan-nies.
Il-Knisja kattolika reġgħet bdiet l-isforzi missjunarji tagħha fi tmiem is-seklu XIX. Din id-darba kienu wkoll il-Maristi li assumew id-dmir. Fl-1904 ingħaqdu magħhom is-sorijiet missjunarji tas-Soċjetà ta’ Marija, li malajr waqqfu l-kunventi tagħhom fl-istazzjonijiet kollha tal-missjoni .
L-opra ta’evanġelizzazzjoni fil-gżejjer Salomon kienet iffaċilitata mill- gwida infatikabbli u kapaċi tal-isqfijiet iddestinati biex jirrendu hawn is-servizz tagħhom. L-isqof Bertreux, l-ewwel vigarju-apostoliku fis-Salomon ta’ nofsinhar, kien magħżul biex jiddiriegi l-ewwel espansjoni ta’ din l-opra missjunarja u jwettaq l-ewwel tentattiv għat-tħejjija tal-katekisti lokali u tal-mexxejja lajċi. Is-suċċessur tiegħu, l-isqof Raucaz, żvolġa dmiru b’żelu ugwali. Barra mir-riżultati pożittivi milħuqa, huwa nkoraġġixxa l-fondazzjoni tal-ewwel kongregazzjoni lokali ta’ reliġjużi, l-Uliedf ta’ Marija Immakulata.
L-isqof Aubin, is-suċċessur tal-isqof Raucaz, kien xhud tat-tbatijiet traġiċi u tad-devastazzjonijiet ikkawżati mit-tieni gwerra dinjija. F’dak il-perijodu, il-parti maġġura tal-missjunarji sfaw maqtula jew imġegħla jitilqu. Wara l-gwerra, madankollu, bl-għajuna ta’ ħafna missjunarji ġodda, l-isqof issuperviżjona għat-tkabbir rapidu tal-Knisja fit-territorju. Huwa rranġa l-fondazzjoni ta’ istituzzjonijiet differenti, inkluż ċertu numru ta’ skejjel kattoliċi, u b’mod partikolari l-ewwel skola ċentrali, li tqegħdet taħt id-direzzjoni tal-Fratelli Maristi tal-iskejjel. Fl-1958, is-suċċessur tal-isqof Aubin l-isqof Stuyvenberg, ħadem sallum biex ikompli l-opra tal-evanġelizzazzjoni. F’dan il-perjodu, id-Dumnikani rġiel u dawk nisa assumew ix-xogħol missjunarju fil-gżejjer Salamone tal-Punent taħt it-tmexxija pastorali tal-isqof Crawford. Bdew jiffjorixxu l-vokazzjonijiet lokali; it-tħejjija tal-katekisti u tar-responsabbli lajċi kienet notevolment iffaċilitata mill-ftuħ taċ-Ċentru apostoliku ġewwa Honiara.
Permezz ta’ dan kollu wieħed jara b’mod ċar il-providenza ta’ Alla, li jwettaq il-pjan etern tiegħu ta’ salvazzjoni.
3. Fil-Vanġelu tallum nisimgħu l-kliem li bih Eliżabetta ssellem lil l-Omm s-Salvatur tagħna dakinhar tal-viżitazzjoni: “ U mbierka dik li emmnet li jseħħ dak-kollu li bagħat jgħidilha l-Mulej” (Lq 1, 45).
Nixtieq nirripeti dan il-kliem lil dawk kollha li fil-gżejjer Salamone laqgħu lil Kristu permezz tal-fidi: “Imberkin dawk li emmnu”. Minn din il-fidi twieldet komunità ġdida tal-poplu ta’ Alla, il-Knisja. Din il-komunità hija, min-natura tagħha, viżibbli, hija hi bbażata fuq il-kelma ta’ Alla u tgħix bis-sagramenti.
Wieħed jidħol fil-komunità tal-Knisja bl-ilma tal-Magħmudija li jagħti l-ħajja, li jneħħi d-dnubiet u jġib id-don tal-grazzja u l-komunjoni mal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu Santu. Fis-sagrament tal-Griżma, aħna nirċievu s-siġill tal-Ispirtu Santu, li jiġi offrut bil-kbir bħala don ta’ Alla. Huwa jiġi biex ikebbes fina mħabba ferm ikbar lejn Alla u lejn il-proxxmu tagħna, u biex jagħtina l-qawwa li ngħixu ta’ kuljum b’fedeltà l-fidi tagħna. L-Ewkaristija hija l-oriġni u ċ-ċentru tal-ħajja nisranija kollha. Fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, aħna nieħdu sehem fis-sagrifiċċju tas-salib li wettaq ir-redenzjoni tad-dinja. U l-attivitajiet kollha tal-Knisja huma ndirizzati lis-sagrifiċċju ewkaristiku, sabiex tifħir u glorja jkunu mogħtija lil Alla Missier, lil Alla Iben, lil Alla Spirtu Santu.
4. Il-Knisja fil-gżejjer Salamone, li tgħix f’komunjoni mal-Knisja kattolika fid-dinja kollha, hija fjorixxenti. Il-missjunarji premurużi tagħkom qegħdin ikomplu jaħdmu f’għaqda stretta mal-popolazzjoni indiġena ta’ dan il-Pajjiż. Intom mgħejjuna mill-kleru u mir-reliġjużi li, waqt li jiddedikaw ħajjithom għal dan is-servizz, ifittxu li jibnu komunità ta’ kredenti fil-fidi, it-tama u l-karità. Jiena kuntent ninnota li fostkom wieħed isib numru dejjem jikber ta’ saċerdoti indiġeni, ta’ fratelli u sorijiet, u nitlob sabiex il-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi jiffjorixxu b’abbundanza. Il-lajċi wkoll jiżvolġu rwol insostitwibbli fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja. Nixtieq nesprimi kelma partikolari ta’ apprezzament lill-katekisti tagħkom, li jgħinu biex jittrażmettu l-messaġġ tas-salvazzjoni, u lill-familji nsara tagħkom, li huma tant important għal komunità nisranija solida u dinamika .
Il-ħajja apostolika kollha tal-Knisja hija għar-rikonċiljazzjoni: Ir-rikonċiljazzjoni tal-bniedem ma’ Alla, u r-rikonċiljazzjoni tal-popli ma’ xulxin. Għal din ir-raġuni, is-sagrament tal-penitenza huwa strettament importanti, għaliex f’din il-laqgħa intima ma’ Ġesù Kristu li huwa Sidna ħanin, id-dnubiet tagħna jiġu maħfura, u aħna mill-ġdid għal darb’oħra nkunu magħqudin ma’ Alla. Il-Penitenza tgħinna wkoll biex nissuperaw il-barrieri li jifirdu l-popli bejniethom, u biex tibni soċjetà ta’ armonija u ta’ paċi. B’imħabba nfinita għal dawk li huma morda, il-Mulej iġedded d-don tiegħu ta’ rikonċiljazzjoni wkoll fis-sagrament tal-Griżma tal-morda. Lill-irġiel u lin-nisa miżżewġin Alla ta s-sagrament taż-żwieġ. Permezz ta’ dan is-sagrament kbir, kull koppja nisranija ssir ħaġa waħda fi Kristu, u tirċievi l-grazzja li tgħix fl-imħabba dejjiema u fidila, li trabbi lil uliedha f’anbjen ta’ serenità u ta’ mħabba. Is-sagrament tal-Ordni Sagri jservi l-kawża tar-rikonċiljazzjoni, sabiex djakni, saċerdoti u isqfijiet jaħdmu iebes biex jagħtu l-assistenza pastorali lil dawk kollha li jafdaw ruħhom lilhom. Huma jfarrku l-ħajt tal-injoranza u tad-dnub u jagħtu qawwa lill-għaqda fil-Knisja lokali.
5. Għall-opras kollha ta’ evanġelizzazzjoni u ta’ rikonċiljazzjoni li saret fil-gżejjer Salomone, l-Isqof ta’ Ruma jixtieq illum ikanta magħkom il-kantiku ta’ ringrazzjament li ħareġ mix-xuftejn ta’ Omm Alla meta fiha twettqet il-“milja taż-żmien”.
Magħqudin mal-Verġni Marija infaħħruk, o Mulej; u rwieħna jifirħu f’Alla salvatur tagħna, talli ħarist bi tjubija l-bidu umli tal-isforzi missjunarji fil-gżejjer Salomone.
Int li int qawwi, għamilt ħwejjeġ kbar għal dawk li jgħammru hawn, u jkun imqaddes ismek.
Il-ħniena tiegħek tkun għal dawk li jibżgħu minnek, minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni. Dan il-Pajjiż ukoll kien imħarbast mit-terruri tat-tieni gwerra dinjija; int ma abbandunajtux, imma wrejt il-qawwa tal-għajnuna tiegħek, għollejt l-umli, imlejt bil-ġid l-imġewwaħ. Ġgħelt mill-ġdid tiffjorixxi l-Knisja fil-gżejjer Salomone, għaliex ftakart fil-ħniena tiegħek u komplejt tkabbarha minn ġenerazzjoni għal oħra.
O Alla ħanin, il-pjan etern ta’ salvazzjoni tiegħek huwa dak tal-ġustizzja u tal-imħabba. Ibgħat l-Ispirtu Santu fi qlubna sabiex hekk inkunu nistgħu ngħajtu: “Abba! Missier!” Niżżuk ħajr għall-opri kollha tiegħek. Magħqudin ma’ Marija u mal-qaddisin l-oħra kollha aħna nkantaw it-tifħir tiegħek. Imbierku ismek għal dejjem ta’ dejjem, flimkien ma’ Kristu Sudna. Amen.
Naf li f’dawn il-gżejjer Salomon illum hawn preżenti fidili numerużi ta’ lingwa Franċiża, li ġew minn ħafna gżejjer tal-Paċifiku, b’mod partikolari mid-dijoċesi ta’ Noimea. Niżżihom ħajr taż-żjara u tat-tislima tagħhom bil-ferħ. Għeżież ħuti, ‘il hemm mid-differenza tar-razez, tal-interessi u tat-tensjonijiet li jistgħu jqumu, intom imsejħa biex tieħdu sehem fl-uniku don tal-Mulej, billi tilqgħu il-Vanġelu u billi tirċievu l-Magħmudija. Intom ġejtu nkorporati fl-istess Kristu, mejjet u rxuxtat għalina lkoll. Intom irċivejtu l-istess Spirtu Santu, l-Ispirtu ta’ qdusija u ta’ mħabba. U dan l-Ispirtu li jgħammar fikom, jimbuttakom biex tidħlu f’rapport dejjem iktar ħaj ma’ Alla permezz tat-talb, biex ikollkom ġuħ u għatx tal-ġustizzja, biex tibnu komunitajiet insara li fihom isaltnu, b’mod inseparabbli, il-ġustizzja, il-paċi l-imħabba fraterna. Din hija x-xhieda li l-kompatrijotti tagħkom jistennew mill-insara awtentiċi. Intom tikkontribwixxu biex tissalvagwardjaw ir-rispett tal-kulturi, id-drittijiet tal-persuni u wkoll il-ġid komuni ta’ kull Pajjiż. Ibqgħu magħqudin madwar l-isqfijiet tagħkom. U kunu afu l-fatt li għalkemm tinsabu ġejografikament imferxa f’dan l-Oċejan bla tarf, intom magħqudin fil-Knisja universali, li fiha s-suċċessur ta’ Pietru għandu l-missjoni li jwettaq lil ħutu fil-fidi u li jiġborhom madwar l-uniku ragħaj, Sidna Ġesù Kristu. F’ismu, imbierek b’qalbi kollha lilkom u lil dawk kollha li intom tirrapreżentaw.
Att ta’ affidament lil Marija
F’dan il-jum li fih ninsabu miġbura ad unur tal-Beata Verġni Marija, ejjew inħobbuha bil-fiduċja u bl-imħabba.
O Qaddisa Omm Alla, jiena, Ġwanni Pawlu II, nafdalek lill-ulied maskili u femminili tal-Knisja fil-gżejjer Salomone. Dawn huma ħut Ibnek, il-Mulej Ġesù Kristu, li kienu mifdija bil-merti ta’ demmu prezzjuż u evanġelizzati bil-grazzja tiegħu.
O Omm maħbuba tas-Salvatur tagħna, nafdalek il-familji, l-ommijiet u l-missirijiet u t-tfal ta’ din l-art, u b’mod speċjali l-morda, il-batuti u l-anzjani. Interċedi għalihom quddiem Ibnek, sors ta’ kull ħajja.
O Marija, reġina tal-paċi, nafdalek dan in-nazzjon tal-gżejjer Salomone u l-irġiel kollha u n-nisa kollha li jgħixu hawn. Nitolbok tgħinhom fil-problemi tagħhom u ssostnihom fit-tamiet tagħhom. Kun għalihom ilkoll Omm tal-għajnuna perpetwa. Offrihom ilkoll lil Missier, waqt li nitlob t-tjieba ħanina tiegħek u d-doni tal-għaqda u tal-paċi permezz ta’ Ġesù, il-Verb etern li sar Ibnek. Ikseb mistrieħ għall-mejtin għeżież tagħhom u għal dawk kollha li mietu jikkumbattu fuq arthom tul it-tieni gwerra dinjija.
O Marija, verġni u omm, itlob li l-Ispirtu Santu jwassal għal tmiemu fil-qlub tal-abitanti tal-gżejjer Salomon ix-xogħol li kien mibdi permezz tal-predikazzjoni tal-kelma ta’ Ġesù, li lilu tkun il-glorja u t-tifħir, flimkien mal-Missier u l-istess Spirtu Santu, issa u dejjem. Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb