VJAĠĠ APOSTOLIKU FIL-KOREA, PAPUA NUOVA GUINEA,
ISOLE SALOMONE U T-THAILANDIA
QUDDIESA GĦALL-PAĊI FID-DINJA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Stadju Nazzjonali ta’ Bangkok (Thailandia)
Il-Ħamis, 10 ta’ Mejju 1984
Ħuti fi Kristu.
1. Huwa privileġġ tagħna, bħala membri tal-Knisja, li ninġabru madwar il-mejda ta’ Sidna Ġesù Kristu u naqsmu ġismu u demmu fis-sagrament tal-Ewkaristija. Dan il-privileġġ huwa wkoll dmir, jekk inżommu f’moħħna l-kmand tal-Mulej lill-appostli fil-lejl ta’ qabel telaq biex imut: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”. Miġburin f’din il-laqgħa ewkaristika insibu l-identità tagħna ta’ kattoliċi, ladarba huwa propju f’din is-sedja li l-għaqda tagħna ma’ Kristu bħala ndividwi u bħala komunità ssib l-espressjoni tagħha iktar sublimi: aħna marbutin ma’ Kristu, redentur tagħna fl-att perfett ta’ tifħir, fis-sagrifiċċju sħiħ tiegħu nnifsu lill-Missier.
Ma jistax ikun hemm laqgħa iktar eliġibbli fil-bidu taż-żjara tiegħi f’Pajjiħkom, għeżież kattoliċi tat-Thajlandja, jekk mhux dik li tiġborna f’isem Kristu u niċċelebraw flimkien dan il-memorjal tar-redenzjoni tagħna. Huwa mportanti għalikom li tinġabru b’dan il-mod kull nhar ta’ Ħadd, għaliex fl-okkażjoni tal-quddiesa tkunu tistgħu tiskopru dejjem mill-ġdid is-sors tagħkom ta’ għaqda bħala aħwa fi Kristu, marbutin strettament ma’ xulxin. Tkunu parti ċkejkna tal-popolazzjoni ta’ Pajjiżkom u merħla ċkejkna ta’ segwaċi ta’ Kristu, imma Kristu, i-Ragħaj it-Tajjeb, jieħu ħsibkom u jipproteġikom b’imħabba speċjali, u meta intom tingħaqdu bi qlubkom u b’moħħkom ma’ Kristu f’dan is-sagrifiċċju, tkunu fl-istess ħin spiritwalment magħqudin mal-Knisja kollha ta’ Kristu, il-laqgħa universali tal-kredenti, kemm ħajjin kif ukoll mejtin, li tifforma l-ġisem uniku ta’ Kristu.
2. Bħala Knisja intom b’mod kostanti tinsabu quddiem l-okkażjoni unika li tirriflettu dwar in-natura misterjuża tal-providenza divina li tagħżel lilkom biex tisimgħu l-messaġġ ta’ Kristu u twasslu x-xhieda tal-imħabba ta’ Alla, li turi ruħha fil-persuna ta’ Ġesù salvatur tagħna. X’dinja hi dik li fiha Alla jsejħilkom biex tkunu xhieda ta’ Kristu? Aspett tagħha indikahulkom il-Kardinal tagħkom fil-bidu tal-liturġija. Għandkom ix-xorti li tgħixu f’saltna li fiha ċ-ċittadini jgawdu mil-libertà religjuża, fejn irġiel u nisa huma ħielsa li jaduraw lil Alla skont il-preċetti ta’ kuxjenza retta. Għal din is-sitwazzjoni li tikkorrispondi ma’ dritt universali tal-popli kollha jien ningħaqad magħkom fir-ringrazzjament lil Alla.
Barra minn dan, intom tgħixu f’dinja li fiha l-parti l-kbira tal-kompatrijotti tagħkom isegwu l-Buddiżmu, dak il-kumpless ta’ twemminijiet reliġjużi u ideat filosofiċi radikati fl-istorja, fil-kultura u fil-psikoloġija Tajlandiża u li jinfluwenza b’mod profond l-identità tagħkom bħala nazzjon. Issa sa ċertu punt wieħed mela jistà jgħid li, bħala poplu tat-Tajlandja intom il-werrieta tal-għerf antik u venerabbli miġbur hawnhekk.
3. Kif tistgħu mela, billi intom insara, membri tal-Knisja kattolika, li tagħrfu fi Kristu s-salvatur tad-dinja, twieġbu għas-sejħa ta’ Kristu u ssegwuh bħala dixxipli, minkejja li tgħixu kif jiġri lilkom mgħaddsa f’ambjent reliġjuż differenti minn tagħkom?
It-tweġiba għal din id-domanda nsibuha fl-Iskrittura Mqaddsa. It-tieni qari, mill-ittra ta’ San Ġakbu, titkellem dwar għerf terren oppost għall-“għerf li jinżel mill-għoli”, mingħajr parzjalità linqas ipokresija. Il-wirt tagħkom bħala poplu Tajlandiż huwa intimament marbut mat-tradizzjoni buddista indiġena li tħejji l-art fertili sabiex iż-żerriegħa tal-kelma ta’ Alla, imxandra minn Ġesù Kristu, tkun tistà toħroġ l-għeruq u tinbet. Fil-prattika tal-buddiżmu wieħed jagħraf t-tendenza nobbli biex jissepara lilu nnifsu mill-“għerf terren” biex jiskopri u jilħaq paċifikazzjoni u liberazzjoni interni. Dan l-iskop jintlaħaq permezz tat-talb u l-meditazzjoni, magħqudin mal-prattika tal-virtujiet morali. Bħalma kien emfasizzat b’mod ċar mill-Konċilju Vatikan II, il-Knisja tirrispetta profondament l-għerf reliġjuż kontenut fit-tradizzjoni mhix nisranija u ma tirrifjuta xejn minnha li jkun veru u qaddis (cf. Nostra Aetate, 2). Il-frott ta’ għerf “paċifiku” u “umli” huwa manifestament evidenti fil-karattru Tajlandiż u huwa stmat u rrispettat minn dawk li għandhom il-fortuna li jiltaqgħu ma u li jaslu għal għarfien ta’ din il-kwalità spiritwali li hemm fikom.
4. Bħala poplu Tajlandiż, li rċieva s-sinjal tal-fidi ta’ Kristu, għaraftu pjenament dan l-għerf permezz tal-persuna u tal-messaġġ ta’ Ġesù Kristu. L-għerf tiegħu kien spjegat lilkom u lil dawk kollha li emmnu fit-tminn beatitudni li Kristu nnifsu ħabbar fil-Vanġelu tallum. Dawn il-beatitudni jitkellmu dwar il-favur ta’ Alla lejn dawk li jaspiraw li jgħixu taħt il-liġijiet tiegħu.
L-aċċettazjoni ta’ dan it-tagħlim ta’ Ġesù bħala stil ta’ ħajja huwa frott tal-Ispirtu Santu, ta’ dak l-Ispirtu Santu “msawwab fuqna mill-għoli” (Iż 32, 15), li jibdel radikalment il-qalb u r-ruħ tal-bniedem. It-tiswib tal-Ispirtu Santu jfisser il-bidla tal-ħolqien kollu, billi jipproduċi kondizzjoni li biha lkoll nistgħu nħossu l-veru ferħ, il-ferħ ta’ dawk li huma rejalment “beati”. F’dan is-sens aħna nifhmu li l-għerf mhux konkwista essenzjalment umana, l-għerf jiġi minn Alla u allura juri ruħu f’ħajja retta.
5. Il-ħajja nisranija tingħex fil-fidi fil-qawwa redentriċi tas-salib u tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu; hija t-tweġiba ta’ dawk li jixtiequ tassew isegwu t-triq tal-Vanġelu indikata mill-beatitudni. Kif juri ruħu dan l-għerf rivelat minn Kristu fil-ħajja ta’ dawk li jisperimentaw il-qawwa redentriċi mis-salib u l-qawmien mill-imwiet tiegħu! Mill-ġdid huma l-Iskritturi li jilluminawna fil-meditazzjonijiet tagħna. Fost il-frott li jiġi mill-għoli hemm id-don tal-paċi, suġġett tal-liturġija tallum, u li bl-intenzjoni tagħha qegħdin noffru din il-quddiesa. Fl-ewwel qari tagħna, mill-prodeta Iżaija, smajna li l-paċi tkun l-effett tal-ġustizzja, Imma din tiġi biss jekk l-Ispirtu jkun “imsawwab fuqna mill-għoli”.
Il-Knisja kollha hija mpenjata fit-talb għall-paċi, fit-talb għal dan id-don ta’ Alla, u titlob bil-mod l-iktar effettiv possibbli: billi jiġifieri tieħu sehem fis-sagrifiċċju perfett ta’ Kristu li offra lilu nnifsu bħala nterċessur tagħna lil Missieru ċelesti. Fl-Ewkaristija nagħrfu r-responsabiltà tagħna ta’ nsara li nitolbu kostantament, b’mod speċjali bħala komunità ta’ fidi, b’mod li nkunu nistgħu nirċievu d-don tal-paċi mingħand Kristu, bħala familja ta’ Alla miġbura fil-preżenza tal-Missier.
Ir-responsabiltà li nitolbu għall-paċi ma teżentaniex mid-dmir li naħdmu b’mod pożittiv u konkret għall-paċi. Qed nitkellem dwar il-paċi li tiġi mill-ġustizzja u mill-imħabba għall-proxxmu, u li hi marbuta mal-paċi ta’ Kristu li tiġi minn Alla. L-impenn tagħna għall-paċi jfisser tirreżisti għat-tentazzjonijiet tal-vjolenza; tinkludi l-kontroll kostanti tal-passjonijiet, ir-rispett tad-dinjità tal-oħrajn, il-ħniena, il-manswetudni u dawk kollha li jirriżultaw minn qalb magħmula xbiha ta’ Kristu, prinċep tal-paċi.
Hawn ukoll, bħala poplu mogħni mit-tradizzjoni buddista ta’ Pajjiżkom, intom imżejna bi predispożizzjoni partikulari li tirrinunzjaw għall-vjolenza fl-asserzjoni tad-drittijiet personali, u hekk l-ordni tal-Mulej li tkunu operaturi tal-paċi tmiss korda sensibbli f’moħħkom u fi qlubkom, billi tgħinkom biex ma ċċedux għall-bosta tentazzjonijiet ta’ vjolenza li jattakkaw id-dinja. .
6. F’dan id-dawl nistgħu nifhmu aħjar s-sinifikat tal-kliem ta’ San Ġakbu: “Dawk li jfittxu s-sliem jiżirgħu s-sliem u jkollhom il-frott tal-ġustizzja” (Ġk 3, 18). Kif jistà dan iseħħ? Dan iseħħ fin-nisrani meta huwa jaċċetta l-istil ta’ ħajja ndikat minn Kristu fid-diskors tal-muntanja. Dan il-program huwa l-għerf il-ġdid li jiġi minn l-għoli u jinponi ruħu f’kuntrast iebes mal-għerf ta’ din id-dinja. Dan hu l-oppost tal-materjaliżmu u tal-edoniżmu .
F’dan il-kuntest, il-beatitudni: “Imberkin dawk li jġibu l-paċi għaliex jissejħu wlied Alla” tassumi mportanza partikolari. Il-veru operatur tal-paċi mhuwiex biss dak li jirrinunzja għall-użu tal-vjolenza bħala metodu abitwali, imma dak li għandu wkoll il-kuraġġ li jiġġieled l-għedewwa tal-paċi. L-operatur jissielet, mhux bl-armi fiżiċi jew kontra ndividwu jew nazzjon, imma kontra dak l-egoiżmu, fil-forom tiegħu kollha, li jimpeduna milli naraw lill-oħrajn bħala ħutna f’familja unika umana. Huwa jissielet kontra l-indifferenza jew l-apatija quddiem il-faqar, in-niket u t-tbatija, għaliex fil-viżjoni nisranija tal-ħajja umana dawn il-kondizzjonijiet ma jiġġustifikaw qatt il-fataliżmu, lanqas ma huma sinjali ta’ saħta. Pjuttost jiggwidawna lejn ir-redenzjoni tagħna, jekk assoċjati mas-salib u l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù Kristu, Sidna salvatur, li t-tbatija innoċenti tiegħu tibqa għal dejjem sinjal ta’ tama għall-umanità kollha.
7. Ħuti fi Kristu: f’kull ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija Kristu jġedded mill-ġdid id-don li għamel tiegħu nnifsu bħala medjatur u rikonċiljatur,, billi jiġbor l-ulied inferrxa biex iwassal id-don tal-paċi lill-familja kollha umana. Fil-quddiesa, Kristu jsir il-paċi tagħna. U huwa Ġesù il-paċi tagħna, dik li aħma nixtiequ noffru lid-dinja.
Mulej, agħmel li nsiru strumenti tal-paċi tiegħek. Mulej, agħtina l-paċi tiegħek!
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb