Michael Caruana
Id-Dar ta’ Pubblikazzjonijiet tal-Franġiskani Konventwali Reliġjon u Ħajja ppubblikat fi ktejjeb bil-Malti jew bl-Ingliż is-seba’ viżti ta’ Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira. Bit-titlu Il-Mejda tal-Imħabba jew The table of Love, l-awtur Joe Farrugia, jieħu lill-qarrej, lil dawk li se jkunu qed jagħmlu s-seba’ viżti, fil-mixja li għamel Ġesù mit-tieġ ta’ Kana sal-aħħar ikla f’Ġerusalemm.

L-awtur jikteb li dakinhar tat-tieġ ta’ Kana, meta Ġesù bidel l-ilma tal-ħasil tar-riġlejn fl-aħjar inbid, Ġwanni kien hemm, maġenbu. Kien hemm Ommu u magħhom kien hemm dixxipli oħra. “Kont hemm, rajt u smajt kollox, imma kont għadni ma bdejt nifhem xejn,” jgħid San Ġwann. Forsi llum lilek jiġrilek l-istess. Tkun preżenti, tieħu sehem u ma tifhimx.
“Kien biss tliet snin wara, meta konna miġbura fiċ-ċenaklu ta’ Ġerusalemm li jien bdejt nifhem li l-mejda tat-tieġ u l-mejda li madwarha tinġabar kuljum il-familja huma l-istess mejda. Waħda mingħajr l-oħra ma tagħmel l-ebda sens. Ma tinftehimx”, ikompli San Ġwann.
Kana kien biss sinjal ta’ dak li seħħ fil-lejl qabel ma bata meta ħa l-ħobż f’idejh, refa’ għajnejh lejn Alla Missieru li jista’ kollox, raddlu l-ħajr, bierek, qasam, ta lid-dxxipli tiegħu u qalilhom ‘ħudu u kulu lkoll minn dan għax dan hu ġismi li jingħata għalikom’. Kana kienet is-sinjal imsawwar minn tant sinjali oħra, kollha jindirizzawna lejn illlum, is-sinjal il-kbir tal-aħħar mument.
Joe Farrugia jikteb li matul il-ħajja tiegħu fostna, Ġesù tana bosta sinjali li bihom uriena l-glorja tiegħu u hekk aħna emminna fih. Madankollu, minkejja li s-sinjali għadhom jingħatawlna sal-lum, hi ħasra li spiss lanqas biss nintebħu bihom. Is-sinjali għadhom ikunu hemm, imma aħna mhux dejjem narawhom.
Il-ktieb tas-seba’viżti, Il-mejda tal-imħabba jew The table of Love, qed jinbiegħ għal ewro mill-bookshops Emmaus il-Belt, Birkirkara u Victoria Għawdex, inkella online http://www.ruhmalta.com