Kitba ta’ MIchael Caruana
Id-Dar tal-Pubblikazzjonijiet tal-Franġiskani Konvntwali “Reliġjon u Ħajja” ppubblkat bil-Malti l-Ittra Enċiklika Dilexit nos tal-Papa Franġisku dwar l-inħabba umana u divina tal-Qalb ta’ Ġesù Kristu.

Fiha l-Papa jsostni kemm-il qalb ta’ Kristu hi estasi, ħruġ, don u laqgħa. Fiha nsiru tassew kapaċi nidħlu f’relazzjoni ma’ xulxin b’mod san u hieni u nibnu f’din id-dinija s-Saltna tal-imħabba u l-ġustizzja. Hu jitratta diversi suġġetti, fosthom l-intelliġenza artifiċjali u l-gwerrer u jgħid li meta naraw kif qed jinqalgħu gwerer ġodda, bil-kompliċità, it-tolleranza jew l-indifferenza ta’ pajjiżi oħra jew b’sempliċi ġlidiet ta’ poter madwar l-interessi tal-ftit, jagħtina naħsbu li s-soċjetà dinjija qed titlef il-qalb tagħha. “Biżżejjed inħarsu u nisimgħu lin-nisa anzjani mid-diversi partijiet fil-ġlied li sfaw ilsiera ta’ dawn il-kunflitti qerrieda. X’għafsa ta’ qalb tarahom jibku lin-neputijiet maqtula, jew tismagħhom jixtiequ li jmutu għax tilfu d-dar fejn għexu u minn dejjem. Huma, li tant drabi kienu mudelli ta’ qawwa u reżistenza tul ħajjiet diffiċli u sagrifikati, issa li waslu fl-aħħar tappa tal-ħajja tagħhom, mhumiex jirċievu l-paċi li jimmeritaw, imma t-tbatija, il-biża’ u l-għadab.
“Li noqogħdu nixħtu l-ħtija fuq l-oħrajn”, isostni l-Papa, “mhux se nsolvu din it-traġedja tal-mistħija. Li naraw lin-nanniet jibku mingħajr ma dan isir ħaġa intollerabbli hu sinjal ta’ dinja bla qalb”.
Il-Papa jgħid li dak li dan id-dokument jesprimi, jgħinna niskopru li dak li hemm miktub fl-Enċikliċi Laudato sì u Fratelli tutti mhuwiex barrani għal-laqgħa tagħna mal-imħabba ta’ Kristu għax jekk nixorbu minn din l-imħabba nsiru kapaċi ninsġu rabtiet ta’ bejn l-aħwa, nagħrfu d-dinjità ta’ kull bniedem u nieħdu ħsieb flimkien tad-dar komuni tagħna.
“Illum kollox nixtru u nħallsu u donnu l-istess tifsira tad-dinjità tiddependi minn ħwejjeġ li jinkisbu bis-setgħa tal-flus. Aħna mħajrin biss niġimgħu, nikkonsmaw u naljenaw ruħna, imjassra minn sistema degradanti li ma tħalliniex inħarsu lil hemm mill-bżonnijiet immedjati u dojoq tagħna. L-imħabba ta’ Kristu tinsab barra minn dan l-ingranaġġ pervers u hu biss jista’ jeħlisna minn dan id-deni li fih m’għadx hemm spazju għal imħabba b’xejn. Hu kapaċi jagħti qalb lil din l-art u jerġa’ jpoġġi l-imħabba fejn naħsbu li l-ħila li nħobbu mietet għal dejjem.
Il-Papa jgħid li għandha bżonn dan ukoll il-Knisja biex ma tispiċċax flok l-imħabba ta’ Kristu tpoġġi strutturi li jispiċċaw, ossessjonijiet ta’ żminijiet oħra, adorazzjoni tal-mentalità tagħha, fanatiżmi ta’ kull xorta li jispiċċaw biex jieħdu post tal-imħabba ta’ Alla li teħles, tagħti l-ħajja, thenni l-qalb u sseddaq il-komunità. Mill-ġerħa tal-kustat ta’ Kristu tissokta tgelgel dik ix-xmara li ma tinxef qatt, li ma tgħaddix, li toffri ruħha dejjem mill-ġdid lil min irid iħobb. L-imħabba tiegħu biss tagħmel possibbli umanità ġdida.
Hu jtemm din l-Enċiklika jitlob lill-Mulej li mill-Qalb qaddisa tiegħu jnixxi għalina lkoll xmajjar ta’ ilma ħaj biex ifejqu l-ġrieħi li bihom nifnu lil xulxin, biex isaħħu l-ħila tagħna li nħobbu u naqdu, biex iħeġġuna nitgħallmu nimxu flimkien lejn dinja ġusta, solidali u fraterna. Dan sa ma għad niċċelebraw hienja u magħqudin il-festa tat-tieġ fis-Saltna tas-Smewwiet. Hemm ikun hemm Kristu Rxoxt li jġib is-sliem fost id-differenzi kollha tagħna bid-dawl li jiddi bla waqfien mill-Qalb miftuħa tiegħu.
L-Enċiklika Dilexit nos inqalbet għall-Malti minn Francesco Pio Attard u qed tinbiegħ mill-bookshop Emmaus il-Belt, Birkirkara u Victoria Għawdex għall-prezz ta’ €8 inkella online billi wieħed jidħol fis-sit https://www/ruhmalta.com/product/?dilixit-nos