LITURĠIJA TAL-ORDINAZZJONI PRESBITERJALI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Solennità tat-Tlugħ tal-Mulej fis-Sema
Bażilika Vatikana – Il-Ħamis, 31 ta’ Mejju 1984
1. “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art . . .” (Mt 28, 18). Skont it-test tal-Vanġelu ta’ Mattew dawn il-preċiżi kelmiet jissiġillaw l-opra messjanika ta’ Kristu fl-art. Dawn b’mod dirett jiġu eżatt ukoll qabel it-Tlugħ fis-Sema (l-Axxensjoni) tiegħu.
“Kull setgħa . . .”.
Aħna naħsbu għall-poter skont il-kategoriji li jirreferu għall-kontroll tal-ordni soġjali, għall-ġustizzja ta’ din id-dinja.
Ġesù Kristu jmur ‘il hemm minn dawn il-kategoriji. Il-poter li ngħatalu fis-sema u fl-art – il-poter li huwa propju tiegħu – huwa l-qawwa li joffri lilu nnifsu għall-ħajja tad-dinja: il-qawwa tar-redenzjoni permezz tal-imħabba.
Din il-qawwa laħqet il-quċċata tagħha fil-misteru paskwali. Is-sagrifiċċju tas-salib u l-qawmien mill-imwiet huma l-quċċata ta’ din il-qawwa. Permezz tal-Ewkaristija, dik il-“qawwa” ta’ Kristu – il-qawwa li joffri lilu nnifsu għall-ħajja tad-dinja – tiġi pparteċipata ta’ kuljum mill-Knisja. Issir il-qalb infisha tal-missjoni tagħha u tas-servizz tagħha.
Intom, għeżież, li lilkom ingħata li tirċievu s-Sagrament tas-saċerdozju fis-sollennità tal-Axxensjoni tal-Mulej, hemm bżonn li jkunilkom kostantament preżenti quddiem għajnejkom. Is-sagrament tas-saċerdozju huwa strettament marbut mal-Ewkaristija. Kristu jaqsam magħkom b’mod għal kollox partikolari dan il-“poter” li ngħata biss lilu: fis-sema u fl-art”.
2. Skont it-test tal-Atti tal-Appostli (At 1, 8), Kristu rxoxt, qabel ma mar għand il-Missier, indirizza dan il-kliem lill-appostli:“Intom tirċievu l-qawwa tal-Ispirtu Santu li jinżel fuqkom u tkunuli xhieda”.
Illum, matul il-liturġija tal-ordinazzjoni saċerdotali, ejjew nitolbu b’mod speċjali sabiex jinżel l-Ispirtu Santu, Ejjew inkantaw il- “Veni Creator Spiritus”, u ninfetħu b’qalbna kollha għad-doni tiegħu. Fil-qawwa tal-Ispirtu Santu għandkom tirċievu u tilqgħu s-sagrament tas-saċerdozju. Huwa hu ħallieq ta’ dan is-saċerdozju f’kull wieħed minnkom: “Creator Spiritus”.
L-inżul tiegħu huwa ndispensabbli.
Peress li tridu ssiru xhieda, l-inżul tiegħu huwa ndispensabbli, l-intervent intern tal-qawwa tiegħu huwa ndispensabbli.
Intom ma smajtux b’widnejkom il-kliem ta’ Ġesù ta’ Nażżaret, Ma segwejtuhx għal għonq it-toroq tal-Galilea. Ma rajtuhx irxuxtat wara l-kruċifissjoni. Linqas ma rajtuh tiela s-sema..
Madankollu . . .
Tridu tkunu xhieda ta’ Kristu msallab u rxuxtat, xhieda ta’ dak li “jinsab fuq il-lemin tal-Missier”.
Tridu tkunu xhieda ta’ dan il-poter, li ngħata lilu – u lilu biss – fis-sema u fl-art.
Anzi, tridu tkunu amministraturi tal-Ewkaristija u tas-sagramenti kollha, li fihom dan il-“poter” huwa pparteċipat lill-Knisja għas-salvazzjoni tad-dinja.
3. Għalhekk, illum, jum li fih, bħala Isqof ta’ Ruma, nordnakom saċerdoti, nerġà nħoss b’mod profond partikolarment dak li naqraw fl-ittra ta’ San Pawl lill-Efesin tal-liturġija tallum.
Bil-kliem ta’ din l-ittra nitlob għalikom u fl-istess ħin nesprimi x-xewqat tiegħi sabiex “Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja, jagħtikom spirtu ta’ għerf u ta’ rivelazzjoni għal għarfien tiegħu iktar profond”;
Sabiex jillumina “l-għajnejn ta’ moħħkom biex tagħrfu xinhi t-tama tas-sejħa tagħkom” (Ef 1, 17.18).
Propju hekk. Jalla jagħmel li tifhmu l-vokazzjoni li l-Ispirtu Santu jwettaq illum fi qlubkom bis-siġill tas-sagramenr tas-saċerdozju.
Nitlob, u bil-qalb nawgura, li it-teżor ta’ glorja miġbura fil-wirt fost il-qaddisin u “l-kobor straordinarju tal-qawwa tiegħu lejna li nemmnu” (Ef 1, 19) jibqgħu dejjem ħajjin fikom.
4. Ersqu issa biex tirċievu l-ordinazzjoni saċerdotali. Meta tinxteħtu minn tulkom waqt il-litanija tal-qaddisin, se joqrob lejn kull wieħed minnkom, fil-misteru tal-Axxensjoni tiegħu, dak Kristu li huwa il-milja: dak li l-milja tiegħu “timla kollox f’kollox” (Ef 1, 23).
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb