Kitba ta’ Joe Galea
Geneviève Jeanningros, soru Frnċiża ta’ 81 sena, ma qagħditx taħseb jekk hux qed tikser xi protokol meta nhar l-Erbgħa 23 ta’ April resqet bil-mod lejn it-tebut ta’ Papa Franġisku fil-Bażilika ta’ San Pietru, fil-Vatikan, biex issellem għall-aħħar darba lil Papa Franġisku.
Swor Geneviève, mill-komunità tas-‘Sorijiet iż-Żgħar ta’ Ġesù’, kienet fost l-eluf ta’ nies li kellhom jistennew għal sigħat fil-kjù, taħt l-umbrelel minħabba x-xemx, biex jagħtu l-ommaġġ tagħhom lill-Papa Franġisku. Kien l-ewwel jum li l-pubbliku setgħu jidħlu fil-Bażilika tal-Vatikan u jgħaddu madwar it-tebut tal-Papa Franġisku biex iqimu l-persuna tiegħu u jitolbu għalih hekk kif kien espost għall-pubbliku.
Swor Geneviève resqet lejn it-tebut fil-qalba ta’ ċerimonja riservata għall-Kardinali, f’naħa fejn dak il-ħin ħadd ħlief il-Kardinali, l-Isqfijiet u s-Saċerdoti ma seta’ jidħol. Kienet mara weħidha fost il-ħafna rġiel tal-kleru, mara ta’ statura żgħira, b’basket komuni u b’żarbun qadim. Qagħdet wieqfa ftit piedi ‘l bogħod mit-tebut tal-Papa Franġisku. Bkiet waqt li qiegħdet idejha ma’ wiċċha u dehret emozjonata ħafna. Ħadd ma waqqafha, ħallewha għal ftit ħin biex tesprimi n-niket tagħha.
Il-Ħadd ta’ qabel kienet fil-pjazza ta’ San Pietru meta l-Papa Franġisku għadda fost il-folla fuq il-popemobile lejliet il-mewt tiegħu, inqas minn xahar wara li ħareġ mill-isptar Ruman fejn kien għall-kura minħaba pnewmonja serja. Swor Geneviève ftit basret li dik kellha tkun l-aħħar laqgħa tagħha mal-Papa Franġisku. Ħsiebha diġà kien kif se tagħmlel għall-udjenza ta’ laqgħa oħra mal-Papa.
L-ewwel darba li ltaqgħu, il-Papa Frangisku u Swor Genevieve kien fl-2005, meta s-Soru vvjaġġat lejn Ruma minn Buenos Aires għad-dfin taz-zija tagħha Leonie Duquet, hi wkoll soru. Franġisku, li f’dak iż-żmien kien l-Isqof Jorge Mario Bergoglio ta’ Buenos Aires, kien approva d-dfin mill-ġdid ta’ Duquet, li nqatlet fl-1970 fi żmien id-dittatura tal-Gvern Arġentin.
Swor Genevieve baqgħet Ruma, taħdem fost persuni l-aktar imwarrbin, bħan-nies taċ-ċirku. Kienet toqgħod f’waħda mill-caravans tal-foqra ta’ dawk bla dar. F’Lulju tal-1924, il-Papa Franġisku mar Ostia, qrib Ruma, biex jiltaqa’ ma Suor Geneviève fl-ambjent tagħha.
Dakinhar tal-Erbgħa 23 ta’ April, meta l-Papa kien ġa fit-tebut, kellha l-ħsieb li tara l-Papa, li għaliha kien ħabib tal-qalb.. Qalet: “Ħafna qaluli li meta tmur għand il-Papa, żommna miegħek. U jiena bkejt anke għalihom”.
Għal ftit minuti, talbet u bkiet ħdejn it-tebut. Dan id-dmugħ iċċelebra t-telfa kemm tal-kap tal-Knisja Kattolika kif ukoll tal-ħabib antik tagħha. Ir-rabtiet li jgħaqqdu lil Geneviève Jeanningros u Jorge Mario Bergoglio jmorru lura għal qabel il-perjodu Ruman tal-Papa u jibdew fl-istorja traġika ta’ Léonie Duquet, iz-zija tas-soru li sabet ruħha fl-aħbarijiet.
Léonie Duquet, Suor Léonie, kienet iddeċidiet li tgħix l-impenn reliġjuż tagħha fl-Arġentina, dakinhar f’nofs dittatorjat, flimkien mal-fqar iżda wkoll mal-ommijiet ta’ dawk li kienu għebu bla ma ħadd jaf x’xar minnhom. Fl-1977, inqatlet wara li ġiet ittorturata. Il-katavru tagħha ma nstabx u ma ġiex identifikat qabel l-2005. Saret ċerimonja uffiċjali, li għaliha attendiet Geneviève Jeanningros. Dehrilha li kien hemm nuqqas ta’ rappreżentanti mill-ġerarkija Kattolika u wriet it-tħassib tagħha b’ittra lill-Arċisqof ta’ Buenos Aires, li ma kien ħadd ħlief Jorge Mario Bergoglio, li ‘l quddiem inħatar bħala l-Papa Franġisku.
Baqgħet tikkomunika mal-ArċIsqof Bergoglio f’Ruma, fejn is-soru ilha tgħix għal aktar minn ħamsin sena. In-neputija tagħha, Bénédicte Jeanningros, tiddeskrivi l-ħajja ta’ kuljum taz-zija tagħha Geneviève fl-Italja: “Hija parti mill-kongregazzjoni tas-Sorijiet Żgħar ta’ Ġesù. Huma sorijiet attivi, li jaħdmu fost il-foqra u l-minsijin. Iz-zija kienet tgħix ma’ ħaddiema taċ-ċirku f’Ruma u mbagħad f’Ostja. Kienet qrib il-Papa, u mal-udjenzi regolari li kien ikollu Franġisku, kienet iddaħħal xi nies imwarrbin u mhux stmati mis-soċjetà”.
Bil-vot tal-virtù tal-faqar, bħal tant sorijiet, is-soru Geneviève Jeanningros impenjat ruħha li tgħix l-Evanġelju mal-foqra. Hija għaddiet ħafna minn ħajjitha taqdi lill-imsejkna, tipproteġi l-migranti u lin-nies fl-aħħar ta’ ħajjithom.
L-istorja ta’ Swor Geneviève u l-protokol ġriet mad-dinja. Ftit minna kienu jafu bil-ħidma tagħha, li toqgħod ġo karavan bħan-nies taċ-ċirku, li hi dedikata għall-Papa Franġisku tant li kienet iżżuru kull nhar t-Erbgħa u ġġiblu magħha xi ħadd imwarrab jew b’diffikultà. Issemmiet sempliċiment minħabba l-protokol. Għamlet dan biex tgħid “saħħa” lill-Papa Franġisku, li għaliha kien ħabib tal-qalb.
