Aħbar tabilħaqq sabiħa dwar Miraklu Ewkaristiku
minn Manwel Cutajar
Il-Vatikan jirrikonoxxi uffiċjalment Miraklu Ewkaristiku fl-Indja wara għaxar snin ta’ investigazzjonijiet Kanoniċi u xjentifiċi
F’dis-sensiela ta’ artikli dwar il-Mirakli Ewkaristiċi li seħħew matul l-Istorja tal-Kristjaneżmu, fost tant Mirakli konna tajna xi tagħrif qasir dwar ġrajja li fiha Wiċċ Sidna Ġesù Kristu kien deher fuq l-Ostja waqt il-Konsagrazzjoni fil-quddiesa li kien qed iqaddes Fr. Thomas Patikkal, fil-15 ta’ Novembru 2013, fil-knisja ta’ Kristu Re, f’Vilakkannur , Kerala , fl-Arċidjoċesi ta’ Thalassery, fl-Indja.
Malli saret magħrufa din il-ġrajja, eluf ta’ nies, kemm Kattoliċi kif ukoll Ħindu u Musulmani, marru fil-knisja biex jaraw, u l-Kattoliċi biex iqimu l-Ostja.
Tlitt ijiem wara li seħħ l-allegat Miraklu, l-Arċidjoċesi ta’ Thalassery ħadet l-Ostja kkonsagrata għall-Evalwazzjoni xjentifika u studji teologiċi, u tinforma minnufih lis-Santa Sede tal-Vatikan, Ruma dwar dan il-każ.
F’Jannar 2020, l-Ostja ttieħdet fil-Kwartieri Ġenerali Kattoliċi tas-Siro-Malabar f’Kakkanad u ġiet ippreżentata lin-Nunzju Appostoliku ta’ dak iż-żmien, l-Arċisqof Giambattista Diquattro.
Sadattant, tkomplew aktar investigazzjonijiet intensifikati xjentifiċi u Teoloġiċi, inkluż diversi dikjarazzjonijiet bil-miktub ta’ xhieda, saċerdoti u lajċi, konnessi ma’ dan il-każ.
Il-Kummissjoni Teoloġika tal-Knisja Kattolika Siro-Malabar, li investigat l-ġrajja, sabet bażi Teoloġika qawwija li tappoġġja li kien Miraklu Ewkaristiku.
Wara, l-Arċidjoċesi bagħtet l-Ostja Qaddisa lura lill-Knisja ta’ Vilakkannur għall-Venerazzjoni Pubblika.
Issa dan l-aħħar, propju fl-10 ta’ Mejju 2025,CNews Live rrapporta li l-Arċisqof Mar Joseph Pamplani ħabbar li l-Vatikan irrikonoxxa uffiċjalment dil-Ġrajja tant Qaddisa bħala Miraklu Ewkaristiku.
Eventwalment, issa ġie mħabbar li l-Proklamazzjoni Uffiċjali Kanonika se ssir fil-31 ta’ Mejju 2025 fil-Knisja ta’ Vilakkannur, u r-rappreżentant tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun XIV fl-Indja, in-Nunzju Appostoliku l-Arċisqof Leopoldo Girelli, se jippresiedi l-Quddiesa Solenni tal-okkażjoni.

Glorja lil Alla talli kultant jfakkarna fil-verita, jiġfieri li Kristu jinsab moħbi fl-Ewkaristija, bil-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinita kollha tiegħu. Jistaħba hemm għax kieku kellu jidher fil-glorja tiegħu, kieku ma nkunux kapaċi neżistu quddiemu.
Toqgħod taħseb ftit … Ġesù ilu elfejn sena preżenti fl-Ewkaristija, bil-paċenzja kollha jistenniena nduru lejh u niftħu il-bieb ta’ qalbna għalih, biex ntuh pusses tagħna u ta’ ħajjitna.