ŻJARA LILL-QABAR TA’ SAN PAWL
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Paolo fuori le mura
It-Tlieta 20 ta’ Mejju 2025
Is-silta mill-Bibbja li għadna kemm smajna hija l-ftuħ ta’ ittra mill-isbaħ indirizzata minn San Pawl lill-Insara ta’ Ruma, li l-messaġġ tagħha jdur madwar tliet temi kbar: il-grazzja, il-fidi u l-ġustifikazzjoni. Waqt li nafdaw lill-interċessjoni tal-Appostlu tal-ġnus il-bidu ta’ dan il-Pontifikat ġdid, nirriflettu flimkien fuq il-messaġġ tiegħu.
San Pawl jgħid qabelxejn li kellu mingħand Alla l-grazzja tas-sejħa (ara Rum 1:5). Jiġifieri, jagħraf li l-laqgħa tiegħu ma’ Kristu u l-ministeru tiegħu huma marbuta mal-imħabba li biha Alla kien diġà ħabbu, meta sejjaħlu għall-ħajja ġdida xħin hu kien għadu mbiegħed mill-Vanġelu u kien jippersegwita lill-Knisja. Santu Wistin – li wkoll ikkonverta – jitkellem fuq l-istess esperjenza u jgħid: “X’nistgħu nagħżlu aħna, jew qabel ma ġejniex magħżula aħna stess? Fil-fatt, jekk qabel ma ġejniex maħbuba, lanqas nistgħu nħobbu” (Diskors 34, 2). Fl-għerq ta’ kull vokazzjoni hemm Alla: il-ħniena tiegħu, it-tjieba tiegħu, ġeneruża bħal dik ta’ omm (ara Iż 66:12-24), li naturalment, permezz tal-istess ġisem tagħha, titma’ lit-tarbija tagħha meta din għadha ma tafx tiekol waħidha (ara Santu Wistin, Espożizzjoni fuq is-Salm 130, 9).
Imma Pawlu, fl-istess silta, jitkellem ukoll fuq l-“ubbidjenza tal-fidi” (Rum 1:5), u hawn ukoll jaqsam dak li huwa għex. Fil-fatt, meta deherlu fit-triq ta’ Damasku (ara Atti 9:1-30), il-Mulej ma ċaħħdux mil-libertà tiegħu, imma ħallielu l-possibbiltà ta’ għażla, ta’ ubbidjenza frott it-taħbit, it-taqbid minn ġewwa u minn barra, li huwa aċċetta li jaffronta. Is-salvazzjoni ma tiġix b’xi maġija, imma b’misteru ta’ grazzja u ta’ fidi, ta’ mħabba li ġejja minn Alla, u ta’ twaħħid fiduċjuż u ħieles min-naħa tal-bniedem (ara 2 Tim 1:12).
Għalhekk, waqt li rroddu ħajr lill-Mulej għas-sejħa li biha bidel il-ħajja ta’ Sawl, nitolbuh li aħna wkoll nagħrfu nwieġbu għall-istediniet tiegħu bl-istess mod, billi nsiru xhieda tal-imħabba “li ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna” (Rum 5:5). Nitolbuh li nagħrfu nikkultivaw u nxerrdu l-imħabba tiegħu, billi nsiru proxxmu ta’ xulxin (ara Franġisku, Omelija fit-II Għasar fis-Solennità tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, 25 ta’ Jannar 2024), fl-istess ġirja ta’ mħabba li, sa mil-laqgħa tiegħu ma’ Kristu, wasslet lill-persekutur qadim biex isir “kollox għal kulħadd” (ara 1 Kor 9:19-12), sal-punt tal-martirju. Hekk, għalina kif kien għalih, fid-dgħufija tal-ġisem tidher il-qawwa tal-fidi f’Alla li tiġġustifika (ara Rum 5:1-5).
Din il-Bażilika sa minn sekli ilu hi fdata fil-ħarsien ta’ komunità Benedittina. Kif allura, jekk qed nitkellmu fuq l-imħabba bħala għajn u mutur tax-xandir tal-Vanġelu, ma niftakrux fis-sejħat insistenti ta’ San Benedittu, fir-Regola tiegħu, għall-imħabba tal-aħwa fiċ-ċenobju u fl-ospitalità lejn kulħadd (Regola, kap. LIII; LXIII)?
Imma nixtieq nagħlaq billi nfakkar fil-kelmiet li, iktar minn elf sena wara, Benedittu ieħor, il-Papa Benedittu XVI, qal liż-żgħażagħ: “Għeżież ħbieb”, qalilhom, “Alla jħobbna. Din hija l-verità l-kbira tal-ħajja tagħna u li tagħti sens lill-bqija kollu […]. Fil-bidu tal-ħajja tagħna hemm pjan ta’ mħabba ta’ Alla”, u l-fidi twassalna biex “niftħu qalbna għal dan il-misteru ta’ mħabba u biex ngħixu bħala persuni li jagħrfu li huma maħbuba minn Alla” (Omelija fil-Velja ta’ talb maż-żgħażagħ, Madrid, 20 ta’ Awwissu 2011).
Hawn jinsabu l-għeruq, sempliċi u uniċi, ta’ kull missjoni, anki tiegħi, bħala suċċessur ta’ Pietru u werriet taż-żelu appostoliku ta’ Pawlu. Ħa jagħtini l-Mulej il-grazzja li nwieġeb fedelment għas-sejħa tiegħu.