VIŻTA PASTORALI FL-IŻVIZZERA
QUDDIESA TA’ KONSAGRAZZJONI TAL-ALTAR MAĠĠUR IL-ĠDID TAL-BAŻILIKA-SANTWARJU TA’ EINSIEDELN
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika ta’ Einsiedeln
Il-Ġimgħa, 15 ta’ Ġunju 1984
Għeżież ħuti!
1. “Ħdejn is-salib ta’ Ġesù kien hemm ommu” (Ġw 19, 25). Bħala pellegrini fil-preżenza tas-Sinjura maħbuba tagħna ta’ Einsiedeln ninsabu miġburin fis-santwarju tiegħek biex niċċelebraw is-sagrifiċċju ewkaristiku ta’ Kristu b’talba komuni magħkom f’dan l-imkien venerabbli. Il-kappella tiegħek tal-grazzji tinsab fil-post storiku fejn il-benedittin u eremita Meinrad († 861) iktar minn elf sena ilu b’ħajtu u b’mewtu xegħel il-fjamma tal-fidi u tal-qima ta’ Alla fl-hekk imsejjaħ “bosk mudlam”. Ulied San Benedittu żammewha tħeġġeġ tul is-sekli permezz tat-talb fidil u x-xhieda ta’ ħajja u għaddewha lill-ġenerazzjonijiet suċċessivi sal-ġurnata tallum. F’dan il-post ta’ talb, li kien iddedikat lir-Redentur, Ommu wkoll sabet fost il-ġoplu Elvetiku post dejjiemi u l-lok tal-qima partikolari tagħha bħala s-Sinjura maħbuba ta’ Einsiedeln.
Għalhekk illum f’dan is-santwarju ejjew insellmu lil Marija bħala omm is-Salvatur, li fuq is-salib taha wkoll lilna bħala omm. Spiritwalment ejjew nagħmlu parti minn dik il-folla bla tarf ta’ Pellegrini li minn ġenerazzjoni għal oħra ġew f’dan it-tempju ta’ Alla, biex isejħulha hienja, għaliex ħwejjeġ kbar għamel magħha l-Omnipotenti (cf. Lk 1, 48-49). Ma’ dan il-kor kbir ta’ fidili rridu nibqgħu “unanimi fit-talb” (cf. At 1, 14) flimkien ma’ Marija, omm Ġesù, u flimkien magħha nfaħħru l-opri kbar ta’ Alla,, “li l-ħniena tiegħu minn ġenerazzjoni għal oħra tinfirex fuq dawk li jibżgħu minnu” (Lk 1, 50). Ġejna hawn biex nonoraw lit-Trinità Qaddisa: Missier, Iben u Spirtu Santu, skont it-tradizzjoni tal-poplu ta’ Alla, li jgħammar f’dan il-Pajjiż, flimkien mal-umli qaddejja tal-Mulej; biex nikkontemplaw u nqimu l-opra tar-Redenzjoni, li hawn titwettaq minn hekk tant ġenerazzjonijiet bis-sosten matern tagħha. Ejjew nagħmlu hekk fil-laqgħa tagħna ewkaristika madwar dan l-altar, li jissimbolizza lil Kristu u li għalhekk illum se jkollu l-barka ekkleżjastika speċjali tiegħu.
Insellem kordjalment lil dawk kollha li jinsabu miġbura magħna biex jiċċelebraw din l-Ewkaristija jew li huma magħqudin magħna spiritwalment f’din il-Quddiesa. Insellem lil ħuti fil-ministeru episkopali u lis-saċerdoti,. Lill-membri tal-ordnijiet differenti, lill-pellegrini nisa u rġiel kollha kif ukoll lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-Istat. Nindirizza tislima partikolari lil ħutna handikappati preżenti, li minħabba t-tbatijiet u l-provi iebsa tagħhom huma qrib b’mod partikolari għat-tbatijiet ta’ Sidna.
2. Biċ-ċelebrazzjoni ewkaristika tallum se nbierku l-altar il-ġdid ta’ din il-bażilika. Il-barka tħejji l-altar sabiex ikun jistà jitwettaq fuqu s-sagrifiċċju ewkaristiku: l-offerta li permezz tagħha s-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-salib jiġġedded b’mod sagramentali taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-imbid. Dan huwa s-sagrament tal-għaqda tagħna ma’ Alla fil-mewt u fil-qawmien mill-imwiet ta’ Ibnu.
F’dan is-sagrament nersqu qrib Alla u niltaqgħu b’mod dirett permezz ta’ Ġesù Kristu mal-qdusija ta’ Alla nnifsu: “Bih, miegħu u fih”. Kemm għandu jkun qaddis il-post stess fejn jiġi ċċelebrat dan is-sagrament!
Meta fil-bidu tat-talba ewkaristika inkantaw għal tliet darbiet: “Qaddis. Qaddis, Qaddis . . .”, f’dan l-innu jerġa jidwi kważi eku kontinwu ta’ dik il-viżjoni ta’ Iżaija, li għaliha sejħilna l-qari tallum: “Rajt il-Mulej . . . Madwaru kien hemm is-serafini. Kull wieħed minnhom kellu sitt ġwienaħ . . . Kienu jgħajtu jwieġbu lil xulxin: “Qaddis, qaddis, qaddis huwa l-Mulej tal-eżerċti ” . . .” (Iż 6, 1-3).
Fl-istess ħin, permezz tal-Ewkaristija, li fiha jiġġedded il-misteru tas-salib u tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, tinżel fuqna l-qdusija ta’ Alla. Tiġi f’nofsna permezz tas-sagrifiċċju tal-ħaruf ta’ Alla u toqrob lejn qlubna. Sa ċertu punt din tmiss – bħal f’Iżaija – b’ġebla tħeġġeġ tal-altar ukoll lil xuftejna.
Il-laqgħa tagħna ma’ Alla tesiġi dejjem il-purifikazzjoni u s-santifikazzjoni personali tagħna. Alla nnifsu jingħata lilna bħala frott tar-redenzjoni, li huwa għalina l-bnedmin is-sors li ma jintefiex tas-salvazzjoni. Bħal Iżaija nistgħu nisimgħu mingħandu l-kliem sabbari: “. . . Dnubek inħafer” (Iż 6, 7). Alla jittrażmettilna l-grazzja tiegħu bejatifikanti speċjalment bis-sagramenti tal-Knisja, imma wkoll permezz ta’ talbna u ta’ kull opra tajba li nwettqu bi mħabbtu u lill-proxxmu tagħna. Il-ħajja spiritwali tal-insara tifforma ruħha u tikber permezz ta’ purifikazzjoni kontinwa. Iktar ma tonqos l-oskurità tad-dnub fina, iktar inkunu nistgħu nitmessu mid-dawl ta’ Kristu. B’dan inkunu nistgħu ningħaqdu miegħu fil-messaġġ tiegħu ta’ salvazzjoni għad-dinja.
3. Ħajjitna kollha għandha tkun tħejjija purifikatriċi għal-laqgħa tagħna ma’ Alla: għada fl-eternità, imma issa wkoll fl-Ewkaristija. Il-Vanġelu tal-liturġija tallum jirrakkomandalna b’mod espliċitu: “Jekk mela tkun se tippreżenta l-offerta tiegħek fuq l-altar u tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik, itlaq hemm id-don tiegħek quddiem l-altar u mur irranġa ma’ ħuk u mbagħad erġà lura biex toffri d-don tiegħek” (Mt 5, 23-24). Is-sehem tagħna fl-Ewkaristija, li hija sors tar-rikonċiljazzjoni tagħna ma’ Alla, għandha tkun ukoll sors tar-rikonċiljazzjoni tagħna mal-bnedmin.
Il-ħajja tagħna reali ta’ kuljum inħabbtu wiċċna dejjem u b’mod inevitabbli ma’ konflitti u’ tensjonijiet, ma’ mibegħda u ostilità: f’qalbna, fil-familja, fil-komunità parrokkjali, fuq il-post tax-xogħol u fost il-popli. Iktar ma l-bnedmin jixtiequ fehim u armonija fraterna bejniethom, iktar dawn donnhom isiru rraġġjunġibbli għalihom. Għalhekk tant iktar b’mod iktar qawwi l-Knisja hija llum konxja tal-fatt li Alla afdalha “il-kelma tar-rikonċiljazzjoni permezz tal-predikazzjoni” (2 Kor 5, 19). Fl-istess ħin Alla nnifsu, li jitlobna r-rikonċiljazzjoni qabel ma nieħdu l-offerta tagħna fuq l-altar, jiddisponina għal din ir-rikonċiljazzjoni permezz ta’ Kristu u l-Knisja. Għaliex hu “irrikonċilja d-dinja miegħu fi Kristu” (2 Kor 5, 19) u rregalalna fil-Knisja s-sagrament prezzjuż tar-Rikonċiljazzjoni. Rikonċilazzjoni tassew bejn il-bnedmin mifrudin u ostili hija possibbli biss jekk fl-istess waqt iħallu lilhom infushom li jkunu rikonċiljati ma’ Alla. L-imħabba fraternal awtentika tibbaża lilha nfisha fuq l-imħabba ta’ Alla li huwa l-Missier komuni ta’ kulħadd.
Ejjew mela nirrikonċiljaw lilna nfusna ma’ dawk kollha li huma kontrina, għeżież ħuti, aħna li rridu nieħdu l-offerta tagħna fuq l-altar, f’din l-imħabba sinċiera lejn Alla u lejn il-proxxmu. Ejjew nirrikonċiljaw ruħna fil-kuntest tal-komunità ekkleżjali tagħna bħala aħwa fi Kristu! Ejjew nirrispettaw lil xulxin: l-istudjużi u s-surmastrijiet tal-fidi fil-konfront tas-sentiment u tar-reliġjożità tal-fidil sempliċi, dak li huwa marbut b’mod qawwi mat-tradizzjoni fil-konfront ta’ dawk li jisfurzaw għal tiġdid awtentiku tal-ħajja reliġjuża u ekkleżjastika fl-ispirtu tal-Konċilju Vatikan II. Minflok ma noskuraw jew inferu lill-oħrajn imissna pjuttost infittxu l-konċiljazzjoni u l-fehim biex inkunu nistgħu nibnu, magħqudin fit-tolleranza, fl-indulġenza u fl-imħabba, is-saltna ta’ Alla fostna, li hija saltna ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi. Hekk biss l-offeta tagħna ta’ kuljum fuq l-altari tagħna ssib l-aċċettazjoni beninja min-naħa ta’ Alla. L-altar jirrapreżenta lil Kristu, li bħalma jgħid l-appostlu huwa “il-paċi tagħna” (Ef 2, 14). Għalhekk il-talb tal-barka minn hawn u ftit ieħor se jidwi b’dan il-mod: “Dan l-altar ikun post ta’ rapport intern miegħek u post ta’ paċi” (Oratio in altaris consecratione, 48). Is-sinifikat tal-istess sagrifiċċju ewkaristiku, li huwa sagrifiċċju ta’ rikonċiljazzjoni, u l-qdusija ta’ Alla, li fih niltaqgħu, jesiġu minna din il-purifikazzjoni preparatorja permezz tar-rikonċiljazzjoni tagħna mal-proxxmu l.
4. Ir-rikonċiljazzjoni ma’ ħutna tiftħilna t-triq għall-Ewkaristija, għas-sagrifiċċju, għas-sagrament tal-għaqda ma’ Alla fi Kristu Ġesù. Bħala mgħammdin f’ismu u kkonfermati bid-don tal-Ispirtu Santu u kkonsagrati aħna sirna “xhieda sagri”. Ma Kristu niċċelebraw fl-Ewkaristija d-dedikazzjoni amoruża tiegħu lejn il-Missier u, f’għaqda stretta miegħu, billi nirċievu f’sagrifiċċju ġismu u demmu, insiru aħna stess offerta li togħġob lil Alla. Għalhekk l-Ewkaristija hija kemm il-quċċata tal-ħajja spiritwali tan-nisrani kif ukoll is-sors tal-ispiritwalità tiegħu. San Girgor il-Kbir mela jistaqsi: “Xinhu l-altar ta’ Alla jekk mhux il-qalb ta’ dawk li jgħaddu ħajja tajba (nisranija)?” (S. Gregorii Magni, Homilia in Ezechielem, II, 10, 19). U l-appostlu jikteb: “Nitlobkom, ħuti, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom” (Rm 12, 1). Ħajjitna kollha, ħsiebna u l-opra tagħna, għandhom isiru att ta’ qima devota lil Alla u għandhom ikunu ssagrifikati ma’ Kristu fuq l-altar bħala offerta li togħġob għat-tifħir tal-Missier.
L-Ewkaristija, is-sagrifiċċju ta’Ġesù Kristu li jiġi offrut lil Alla b’mod sagramentali fuq l-altari tal-Knisja llum fuq dan l-altar li għadu kemm tbierek jikkostitwixxi sa mill-bidu ċ-ċentru tal-komunità nisranija u s-sors l-iktar profond tal-ħajja spiritwali ta’ kull nisrani. Kif għadma kemm smajna mill-Atti tal-Appostli, l-ewwel insara ffurmaw komunità billi baqgħu magħqudin fit-tempju u billi kielu flimkien fil-ferħ u s-sempliċità tal-qalb. Kienu regolari”fis-smigħ tat-tagħlim tal-appostli u fl-għaqda fraterna, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb” (At 2, 42-43). B’dan il-mod tgħix il-Knisja sa mill-bidu tal-istorja tagħha. L-Ewkaristija hija ċ-ċentru tal-komunità nisranija, għaliex fiha Kristu jiftaħ lill-Knisja t-teżori kollha tas-sagrifiċċju tiegħu tar-redenzjoni fuq is-salib u jitma lill-fidili b’ġismu u b’demmu fil-ħsieb tal-impenn tagħhom bħala nsara fil-ħajja ta’ kuljum.
Din l-għaqda interna tal-fidili ma’ Kristu hija wkoll is-sors tal-għaqda u s-solidarjetà fraterna fil-komunità nisranija. Ir-rapport partikolari ma’ Alla permezz tas-sehem fis-sagrifiċċju ta’ Kristu jiġġenera u jiffavorixxi l-għaqda u l-ispirtu fratern fost il-bnedmin. Id-dimensjomi vertikali u orriżżontali tal-missjomi nisranija jiltaqgħu fis-sinjal tas-salib u jsibu fih l-għaqda nterna tagħhom. Kif jgħidulna wkoll l-Atti tal-Appostli, l-ewwel insara ma kinux biss komunità fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, imma kieni jbigħu “ġidhom u kullma kellhom u jqassmu d-dħul bejn kulħadd, skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed” (At 2, 45).
Is-sigriet tal-Ewkaristija huwa sigriet ta’ mħabba, li jobligana. L-għaqda fil-qsim tal-ħobż ewkaristiku tirrendina iktar sensibbli għall-miżerja, għall-ġuħ u għat-tbatija tal-proxxmu tagħna. Meta nieklu mill-ħobż, li bih Kristu jirregalalna l-ħajja ta’ ħajtu divina, irridu nkunu wkoll lesti li naqsmu ħajjitna mal-proxxmu. Jekk nieklu minn dan is-sors ta’ mħabba aħna msejħin mhux biss biex nagħtu xi ħaġa, imma biex inqegħdu lilna nfusna għas-servizz tal-proxxmu. Il-komunità nisranija antika dan turih b’mod eżemplari. Għalhekk il-pagani setgħu jgħidu b’ammirazzjoni dwar l-insara: “Araw kemm iħobbu lil xulxin!” (Tertullianus: PL 1, 471).
Fil-konsagrazzjoni tal-altar il-mixegħla sollenni tad-dwal fuq l-altar tfakkarna fi Kristu, “id-dawl tal-ġnus” (cf. Lq 2, 32). Kristu, li huwa preżenti fl-imħabba fraterna ta’ komunità, huwa dawl li jdawwal il-Knisja kollha. Għandu qawwa missjunarja. Infatti dwar l-ewwel komunità nisranija jingħad: “Il-Mulej kuljum kien iżidilhom fil-komunità lil dawk li jkunu salvi” (At 2, 47). Iċċelebraw mela, għeżież ħuti, l-Ewkaristija mqaddsa dejjem b’mod li d-dawl ta’ Kristu jdawwal ħajjitkom ta’ kuljum u d-dinja. Iċċelebraw il-quddiesa” (missa) b’mod li din twassal għall-“missjoni” (missio): għall-missjoni nisranija fost il-bnedmin..
5. Kristu nnifsu mis-salib jindika lil ommu: araw, ommkom! L-omm tal-grazzja divina. Propju hi hija partikolarment qrib tal-qawwa divina tar-redenzjoni permezz ta’ Kristu. Hija qrib bħala omm ir-Redentur ukoll f’din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, li fiha kkonsagrajna l-altar il-ġdid fis-santwarju tagħha ta’ Einsiedeln. Tgħallimna kif nistgħu niksbu qawwa dejjem ġdida u orjentazzjonijiet ġodda għal ħajjitna spiritwali mil-laqgħat tagħna ma’ Kristu fl-Ewkaristija: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu!” (Ġw 2, 5). Dan tgħallimulna wkoll bl-eżempju ta’ ħajjitha stess. Kemm bħala mara żagħżugħa ta’ Nażżaret, kif ukoll bħala omm il-Mulej imsallab u rxuxtat, f’Pentekoste, magħquda fit-talb mad-dixxipli, turi d-disponibiltà tal-qalb l-iktar profonda għall-miġja tas-saltna ta’ Alla. Hija, li lilha huwa ddedikat dan is-santwarju venerabbli tal-Pajjiż Svizzeru tagħkom, għandha sservi ta’ eżempju u ta’ tagħlim. Hija “żammet f’qalbha” (Lq 2, 19. 51) is-sigrieti ta’ Alla. Bħala qaddejja umli tal-Mulej inxteħtet kompletament għas-servizz tal-pjan u tal-opra tas-salvazzjoni. Tenniet il-“fiat” tagħha, tagħha iva bla ebda riserva.
Ejjew mela, għeżież ħuti, fuq dan l-altar li flimkien għadna kif ikkonsagrajna flimkien ma’ Marija taħt is-salib ta’ Binha u nfaħħru magħha fl-Ewkaristija tagħna l-opri grandjużi ta’ Alla. Tiggwidana lejn ir-rikonċiljazzjoni tagħna ma’ Alla fi Kristu. Tgħallimna l-għaqda fraterna bejnietna u r-responsibiltà tagħna fil-konfront tal-predikazzjoni tal-Vanġelu. Tgħallimna nemmnu, nittamaw, inħobbu u norjentaw mela ħajjitna kollha mad-duttrina ta’ Kristu. Ejjew niċċelebraw din l-Ewkaristija mqaddsa b’mod li wkoll fi qlubna jidwi dak il-kliem u dik il-verità li Marija ppronunzjat f’Nażżaret fil-jum tal-annunzjazzjoni: “Hawn jien, il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq1, 38). Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb