Ġwanni Pawlu II għall-Kattoliċi tal-lingwa Tedeska

VIŻTA PASTORALI Fl-IŻVIZZERA
QUDDIESA GĦALL-KATTOLĊI FL-IŻVIZZERA
TAL-LINGWA TEDESKA U RETO-RUMANA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Lucerna
Is-Sibt, 16 ta’ Ġunju 1984

Ħuti għeżież,

Huwa l-Mulej u Redentur tagħna Ġesù Kristu li jiġborna hawn illum f’numru hekk kbir biex miegħu nfaħħru lil Alla f’komunjoni festiva, biex nisimgħu l-messaġġ tiegħu ta’ liberazzjoni u biex nerġgħu lura b’fiduċja ġdida fil-post ta’ ħajjitna u u tal-attività tagħna. Irrid nassigura lil kull wieħed u waħda minnkom li jien kuntent minn qiegħ qalbi li niffesteġġja flimkien magħkom  is-sagrifiċċju qaddis tal-quddiesa. Il-pajesaġġ imponenti ta’ Luċerna, dan iċ-ċentru antik politiku u kulturali tal-Isvizzera nterna li għal kważi 300 sena kien is-sedja ta’ nunzju tal-Isqof ta’ Ruma, joffri lil-laqgħa tagħna tallum kwadru xieraq.

1. Il-messaġġ tal-Vanġelu jeħodna llum f’Nażżaret. Aħna xhieda, kif jiddikjara Kristu pubblikament għall-ewwel darba, li fih titwettaq il-profezija messjanika ta’ Iżaija. Narawh kif iqum fil-jum tas-Sibt fost il-koċittadini tiegħu u jaqra b’leħen għoli il-kliem magħruf mill-ktieb ta’ Iżaija:

“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi; / għax hu kkonsagrani; / bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, / inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, / u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, / inrodd il-ħelsien lill-maħqurin, / u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej” ( Lq 4, 18-19).

Meta mbagħad “għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammrin fuqu”, Ġesù qal:“Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu b’widnejkom” (Lq 4, 20-21). Fih innifsu twettqet: ħajjet Ġesù ta’ Nażżaret kollha, minn dak il-waqt sa mewtu fuq is-salib u l-qawmien tiegħu mill-imwiet, jikkonfermaw dan.

L-Ispirtu Santu li strieħ fuqu madankollu ma setax jibqà limitat għalih biss. Fil-jum ta’ Pentekoste Kristu rregalah bħala frott tat-tbatija feddejja tiegħu lill-appostli u lill-ewwel dixxipli tiegħu, u ma qatax jirregalah kontinwament biex “iwassal għall-verità kollha” (cf. Ġw 16, 13) lill-Knisja u lill-bnedmin. B’dan il-mod ikompli ż-żmien messjaniku ta’ Ġesù Kristu li kien beda f’Nażżaret, meta hu, li kien meqjus bħala bin il-mastrudaxxa, irrifera għalih innifsu l-kliem tal-profeta Iżaija.

Dak li kien seħħ dakinhar f’Nażżaret jirrepeti ruħu f’ħafna postijiet tad-dinja, fost popli ferm differenti. Kristu jkompli jidher lill-bnedmin u jindirizzalhom l-istess kliem: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi; għax hu kkonsagrani; bagħatni . . .”. Illum jindirizza dan il-kliem lilna, fl-art Svizzera. F’din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika huwa stess isir għalina issa l-midluk u l-mibgħut tal-Mulej u jsir għalina sors ta’ tama permezz tal-bxara t-tajba u l-mejda ewkaristika.

2. It-tama nisranija tirregalalna qawwa u fiduċja biex nerħulha fi triqtna tul dinja li timla lill-bosta b’biżà u twerwir u li l-valuri tagħhom donnhom jiddiżintegraw, tul dinja li fiha l-bniedem iħossu dejjem inqas protett, li fiha l-konflitti internazzjonali bejn il-Lvant u l-Punent, bejn in-Nord u s-Sud jitqawwew dejjem iktar u l-faqar ta’ parti kbira mill-umanità, mal-ġuħ u l-miżerja, ikomplu jiżdiedu. Il-konkwisti tekniċi kolossalli u l-abbuż possibbli tagħhom, l-armamenti konvenzjonali u nuklejari jheddu li saħansitra jwasslu għall-qerda tal-umanità. Dan il-periklu għall-bniedem fuq livell mondjali huwa sfida għan-nazzjonijiet kollha, għal dawk responsabbli tal-popli u għal kull wieħed u waħda minna. Aħna konxji biżżejjed? Ukoll hawn fl-Ewropa, ukoll minkom fl-Isvizzera?

Jiena ġejt għandkom, f’Pajjiż li taħt ċerti aspetti huwa uniku fil-ġeneru tiegħu: għal iktar minn 170 sena huwa qatt ma kien involut fi gwerra esterna; għal kważi 140 sena ma ġarrabx gwerra fratriċida; għal kważi 70 sena in-nazzjon tagħkom ma ntlaqatx minn strajk ġenerali. Ninsab f’Pajjiż li grazzi għad-diliġenza taċ-ċittadini tiegħu u għal ċirkustanzi fortunati sar bastjun ta’ paċi u ta’ kuntentezza. L-Isvizzera tidher mela bħala Pajjiż imbierek, iffortunat, uniku fil-ġeneru tiegħu.

Imma huwa tassew Pajjiż iffortunat, gżira ta’ sikurezza quddiem it-theddida ta’ konflagrazzjoni universali? Ma jeżistix jewwilla wkoll fostkom fl-Isvizzera il-kollass tal-valuri, id-deklin tan-normi etiċi, il-biżà tal-futur, is-sens tal-futilità tal-affarijiet, it-telf tas-sikurezza, il-biżà li l-progress u l-għana ma jkunux iktar dominati? Ma jeżistix wara dawn il-fenomeni kollha stat kull ma jmur jikber ta’ disperazzjoni?

In-newtralità ta’ Pajjiżkom ma tipproteġġikomx kontra l-konvolġiment fin-nuqqas ta’ ftehim spiritwali u politiku li jeżisti llum fid-dinja kollha. Intom ukoll imsejħa biex tieħdu deċiżjonijiet u biex tassumu dmirijiet kbar. X’tagħmlu, per eżempju, biex twaqqfu l-isvujtar tal-valuri morali fundamentali fil-konvivenza soċjali, biex terġgħu tatu lill-individwi u lill-familji il-kuraġġ biex jgħixu u fiduċja fil-ġejjieni? Jew biex il-benesseri ta’ Pajjiżkom jikkontribwixxi għal sevizz ta’ paċi dejjem iktar effikaċi, għall-komunità tal-popli? Kunu konxji tal-valuri li l-attenzjoni tagħkom u d-diliġenza partikolari tagħkom bla dubju jimmeritaw bħala fedeltà, affidabilità, sens tal-familja, rispett tal-ħajja mill-bidu tagħha sa tmiemha, solidarjetà taċ-ċittadini, rapport responsabli man-natura u l-ambjent?  

Grazzi għar-rivelazzjoni ta’ Alla u għall-kuxjenza propja l-bniedem tgħallem jagħraf u jistma ideali għoljin għal eżistenza denja u sħiħa tal-bniedem. Imma donnhom jonqsu dejjem iktar kull ma jmur il-qawwiet għal attwazzjoni tagħhom kostanti u koerenti. Il-bniedem tallum irid isolvi problem bla numru li kull ma jmur qegħdin isiru iktar numerużi, iktar ġodda u iktar tal-biżà: jibda jiddubita mill-progress tal-opri tiegħu, u l-ottimiżmu illimitat inizjali tiegħu jinbidel f’biżà tal-waħx.

F’din is-sitwazzjoni li tippressa lil kulħadd, il-fidi nisranija tiġi tgħinna b’mod speċjali. Tagħtina l-kuraġġ meħtieġ biex inkomplu triqtna fil-fiduċja ta’ Alla, li huwa wkoll Mulej tal-istorja tagħna, mimlijin b’tama u mdawla.

3. Il-kliem tal-appostlu Pawlu, miktub iktar minn 1900 mitt sena ilu lill-insara ta’ Ruma u mxandra propju issa fil-qari jippriserva wkoll illum il-validità tiegħu: “Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott tal-ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna” (Rm 8, 22-23).

Kemm huwa minnu li l-bniedem jitniehed”: il-bniedem f’bosta postijiet sfruttat, mgħaffeġ, imbeżżà; il-bniedem minn mindu huwa aħjar fih bdanakollu jaħdem biss okkażjonalment u spiss, bl-aħjar rieda, ikollu jibqà bla nifs quddiem reżistenzi ħorox. Kemm nisimgħu dan il-krib kollu: minn qlubna stess u minn bnedmin li jinsabu maġembna, anzi mill-“ħolqien kollu”, min-natura mmaltrattata u sfruttata, mill-pjanti u mill-annimali li jissieltu għall-arja u għall-ispazju vitali.

U Pawlu f’dan it-tnehid universali jismà karba li tiġbed l-attenzjoni fuq l-uġigħ tal-ħlas: fiha  qiegħda titħejja xi ħaġa pożittiva;  hawn trid titwieled xi ħaġa; hawn kollox jistenna b’niket dehra aħħarija. Il-karba hija animata minn tama. L-Appostlu jgħid mill-ġdid b’mod iktar ċar: “Nistennew l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna”. Huwa mela jitkellem dwar realtà li diġa hija preżenti fina, imma li trid issir “adozzjoni ta’ wlied”, għad trid tkun  testerjolizza ruħha. Din ir-realtà huwa jsejħilha “frott bikri tal-Ispirtu”. Dan huwa l-Ispirtu ta’ Ġesù Kristu, redentur tagħna, li, għalkemm Mulej irxuxtat u mgħolli, imexxi u janima bid-dawl u bil-ħajja tal-Ispirtu tiegħu il-ħolqien kull fejn jiġu ppreżentati lilu disponibiltajiet  biex jemmnu u jħobbu. Kull kredent, kull komunità ta’ Kristu diġa ġġorr l-Ispirtu ta’ Kristu fiha, madankollu fil-bidu biss bħala frott”, kif igħid l-appostlu, bħala bidu , bħala mpuls għal approfondiment u żvilupp, bħall-qamħa u l-ħmira. Il-perijodu iebes tal-kobor iġegħelna nitniehdu, il-ħajja nterna ma’ Alla diġa attiva tqajjem fl-istess ħin fina tama qawwija  u ferħ profond. Ma’ Pawlu nipprofessaw  hekk rejaliżmu nisrani: “Aħna salvi, imma bit-tama” (Rm 8, 24).

4. Kull wieħed u waħda minna ninsabu f’din it-taqtigha doloruża għat-twelid ta’ dinja denja tal-bniedem, dinja nisranija fina u madwarna. Irridu b’mod lejali nagħrfu qabel kollox li f’ħajjitna huma preżenti id-dnub u l-ħtija. Ħafna biżgħat u ħafna perikoli ta’ żminijietna għandhom il-kawża tagħhom fil-ħtija tal-bnedmin. Propju bħala nsara aħna msejħin għal konverżjoni kontinwa u għal fidi profonda sabiex ix-xhieda tagħna ta’ Kristu, redentur tal-bniedem, issir tiddi u konvinċenti.

Hemm bżonn li nisfurzaw biex iva nagħmlu li l-Ispirtu ta’ Kristu, li nippossiedu diġa bħala “frott”, jinvadi dejjem iktar fi ħsiebna u fl-aġir tagħna. “Infetħu għall-Ispirtu ta’ Kristu”: ghal dan iħeġġiġkom il-motto taħt liema nqiegħed iż-żjara pastorali tiegħi fl-Isvizzera. Infetħu għall-Ispirtu ta’ Kristu, li jgħallimna nifhmu dejjem iktar b’mod dejjem iktar profond lir-Redentur u lil kelmtu. Infetħu għall-Ispirtu ta’ Kristu għaliex bħala wlied Alla u bil-qawwa tal-Ispirtu Santu nagħtu xhieda tas-salvazzjoni vera tad-dinja. Infetħu għall-Ispirtu ta’ Kristu, li huwa  Spirtu ta’ tama.  Min iħares lejn il-ġejjieni b’pessimiżmu biss, minn  igħid li l-bniedem u d-dinja m’għandom ebda sens, dan nesa lil Alla. Alla ma jabbandunax lid-dinja, il-pjanijiet tiegħu dwarha qatt ma jiġu nieqsa, Alla “tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu uniġenitu stess, sabiex kull min jemmen fih ma jmut qatt, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3, 16). Aħna bħala Knisja aħna l-poplu pellegrin ta’ Alla, li ħajtu hija Ġesù Kristu, li l-għan tiegħu huwa Alla nnifsu fis-sinjorija tiegħu.

Bla dubju t-tama nisranija ma tneħħix dak kollu li huwa dlam, ma tisparixxix it-tbatija u l-bżonnijiet, uil-preokkupazzjonijiet u l-biżgħat. Bil-maqlub huwa Alla stess li jieħu bis-serjetà t-tbatijiet u l-bżonnijiet tagħna. Id-dawl jgħammex paskwali irid ikun preċedut mid-dlamijiet tal-ġimgħa l-kbira, tas-salib ta’ Kristu. Hekk ukoll it-tama tagħna hija dejjem immarkata mis-salib; imma minn dak is-salib li diġa jġorr fih l-wegħda u r-rebħa tal-qawmien mill-imwiet. Il-bniedem li jemmen u jittama jaf li minkejja l-kuntrarji kollha u l-provi kollha huwa hu mdawwar bl-imħabba infinita ta’ Alla.

5. Min irċieva d-don ta’ din il-fidi mimlija bit-tama jara b’mod ċar ukoll l-opri multipli tal-Ispirtu ta’ Kristu fil-jiem tagħna, f’postijiet bla numru magħrufa jew inqas magħrufa tad-dinja. “L-Ispirtu tal-Mulej huwa fuqi . . . hu kkonsagrani; hu bagħatni . . .” (Lq 4, 18): hekk kien ħabbar mela Ġesù ta’ Nażżaret. F’dawk kollha li jsegwuh, li jagħmlu propju l-program tiegħu ta’ ħajja, dan ikun ikompli għaddejja din il-missjoni permezz tal-Ispirtu tiegħu. L-Ispirtu tal-Mulej isejjaħ ukoll lilna; dilikna fis-sagramenti mqaddsa tal-Magħmudija u tal-Griżma tal-Isqof u hekk irrendiena nixbħu lil Kristu, il-Midluk. L-Ispirtu ta’ Alla irid jimbotta u jsaħħaħ lilna wkoll sabiex inwasslu propju llum is-salvazzjoni u t-tama fid-dinja  .

Ir-realtà tar-redenzjoni ssir murija fil-preżenza tal-Ispirtu: l-Ispirtu tal-verità, li jikkonvinċi lid-dinja dwar il-gidba tagħha; l-Ispirtu ta’ konsolazzjoni, li fl-għajn ta’ din il-qawwa Kristu jagħti lill-foqra kontinwament l-bxara t-tajba; li tagħti tama lil dawk li d-dinjità tagħhom tiġi ddisprezzata u li ma jarawx iktar ġejjieni. L-Ispirtu ta’ Alla jeħles lill-bniedem mill-priġunerija tal-ħtija, mill-iskjavitù tal-ħsibijiet u mill-azzjonijiet immarkati mill-egoiżmu. Jeħlisna sabiex nagħmlu użu tajjeb u liberatorju tal-libertà umana. Ukoll illum l-Ispirtu ta’ Kristu jiftaħ għajnejn l-għomja għall-valuri awtentiċi tal-ħajja, għall-preżenza u għall-opri ta’ Alla fil-ħolqien u fil-kors tal-istorja. Jagħti qawwa u fiduċja lil min hu għajjien, b’mod speċjali lil min ibati u jkun ippersegwitat minħabba l-fidi tiegħu. Kristu jagħmel li tippersisti permezz tal-aġir tal-Ispirtu tiegħu “is-sena ta’ grazzja talMulej” fil-ħajja u fl-istorja tal-bnedmin, is-sena ta’ grazzja tal-allejanza u tal-ħbiberija ta’ Alla.

6. F’dan l-aġir tal-Ispirtu bejn il-bnedmin ikompli l-missjoni messjanika ta’ Kristu. Dan iħabbar u jibni b’dan il-mod fid-dinja s-saltna ta’ Alla, li hija saltna ta’ verità u mħabba, saltna ta’ ġustizzja u ta’ paċi. Fl-istess ħin “l-Ispirtu jgħinna fin nuqqas ta’ ħila tagħna”, kif jgħid l-appostlu fl-ittra lir-Rumani (Rm 8, 26). L-għajnuna tiegħu tasal fil-ħajja tal-bniedem mill-intimu tiegħu u tirregalalu b’mod speċjali qawwiet ġodda għat-talb: meta ma nkunux nafu kif nitolbu bil-mod ġust, “l-Ispirtu stess jinterċedi b’insistenza għalina . . .” (Rm 8, 26). Alla nnifsu jidħol għad-dgħufija tagħna u bl-Ispirtu tiegħu iwassal għat-twettiq dak li nibdew biss b’mod frammentarju u mhux komplut. It-talb imlaqlaq tagħna b’dan il-mod jiġi milqugħ fl-adorazzjoni eterna tal-Ispirtu divin u jsir hekk talb li jippossiedi l-wegħda tas-smigħ. Dan it-talb fil-qawwa tal-Ispirtu jġib tama f’din id-dinja mimlija biżgħat u mhedda mit-telfa tal-valuri. Għandu l-poter li jibdel id-dinja.

F’jum il-ħolqien ingħatat f’idejn il-bniedem id-dinja kollha viżibbli, u qabel kollox l-art, sabiex jittrasformaha “bix-xogħol ta’ jdejh”” (cf. Ġen 1, 28). Illum il-bniedem iħares bil-biżà  lejn il-frott tax-xogħol tiegħu: fejn wasal bil-bidla tad-dinja viżibbli”? X’ġejjieni tistenna l-pjaneta tagħna?

Quddiem din l-insikurezza u dan il-periklu, ejjew niftakru mill-ġdid il-qawwa ta’ Alla. Il-Mulej afda lill-bniedem it-talb, sabiex hu jikkonverti d-dinja billi jibda minn qalbu; sabiex jikkonvertiha fl-Ispirtu Santu; sabiex jirrendiha iktar umana; sabiex jibni fiha flimkien ma’ Kristu s-saltna ta’ Alla.  Fit-talb tinsab fuq kollox, għalina l-insara, il-qawwa tagħna, fiha hemm is-sors tat-tama tagħna.

Għalhekk nitlob għalikom, bħala don u bħala grazzja ta’ din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, dak li l-appostlu Pawlu kien talab għall-fidili ta’ Ruma: “U Alla tat-tama jinliekom ilkoll bil-ferħ u s-sliem permezz tal-fidi tagħkom, sabiex it-tama tagħkom toktor bil-qawwa tal-Ispirtu Santu” (Rm 15, 13). U ngħid: sabiex toktru f’Alla biex tkunu tistgħu twasslu lill-oħrajn il-għana tal-fidi tagħkom tat-tama tagħkom “bis-saħħa tal-Ispirtu Santu”. Amen.

7. B’ferħ kbir insellmilkom hawn f’Luċerna bil-lingwa tagħkoma.

Ir-reġġjun rumanz huwa Pajjiż ta‘ tradizzjoni nisranija antika. Dan juri ruħu fil-bosta monumenti reliġjużi u santwarji, fil-ħajja parrokkjali, fil-kant reliġjuż u fl-opri letterarji. Dan tassew iferraħni u nistedinkom ilkoll biex tapprofondixxu l-fidi fil-ħajja privata, fil-familji, fil-Knisja u fl-Istat. Infetħu għall-Ispirtu ta‘ Kristu!

Nesprimi ringrazzjament partikolari lil dawk kollha li huma għas-servizz tal-Knisja lokali u tal-missjonijiet.

Bit-tislima antika  „Allegra“ nitlob għalikom il-barka tal-Mulej!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading