Ġwanni Pawlu II f’ċelebrazzjoni ta’ Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum

VIŻTA PASTORALI FL-IŻVIZZERA
ĊELEBRAZZJONI TA’ TIFĦIR
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika ta’ Einsiedeln
Il-Ġimgħa, 15 ta’ Ġunju 1984

Għeżież ħuti.

1. Ninsabu miġburin f’din l-għodwa ġdida, fis-santwarju ta’ Sidtna ta’ Einsiedeln, biex nagħtu tifħir lil Alla. Insellem b’qalbi kollha lill-gwardjani fidili ta’ dan is-santwarju, ulied San Benedittu u lill-komunità klawstorjali tagħhom; insellem lil dawk li ġew hawn f’pellegrinaġġ u wkoll lil dawk li qegħdin jiffesteġġjaw fi djarhom mal-familji tagħhom din il-funzjoni reliġjuża.

Fl-ewwel salm kantajna: “Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex. Ruħi bilgħatx għalik . . . Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek . . .” (Sal 63, 2.3). Il-leħen ta’ dan is-salm huwa l-leħen tagħna: “Alla, Alla tiegħi int . . .”. Fil-qalb ta’ kull bniedem hemm imdaħħla din ix-xewqa mħeġġa, ukoll jekk spiss hija fgata: ix-xewqa ta’ milja tal-ħajja li tirrendina għal dejjem feliċi, ix-xewqa ta’ Alla. Meta l-leħen intern tagħna ma jiġix mgħotti, nisimgħu lil qalbna li ssejjaħ esperjenza ta’ Alla. Jirritornaw kontinwament fuq xuftejna l-kliem tas-salmista: “Alla, Alla tiegħi int . . . ruħi għatxana għalik . . .”. Aħna nfittxu feliċita li tistà biss tinstab fih.

Imma Alla mhux se jħalli lilu nnifsu jiġi sperimentat kif jiġu sperimentati l-ħwejjeġ tan-natura. Għalhekk, bħas-salmista, infittxuh fis-“santwarju” tiegħu. Nistgħu niltaqgħu ma’ Alla fil-fidi biss. Iżaija jitkellem fil-qari tallum dwar l-esperjenza personali propja tiegħu ta’ Alla. Iħares b’mod misterjuż lejn l-Alla qaddis u jismà l-għanja ta’ tifħir: “Qaddis, qaddis huwa l-Mulej” ( 6, 3). Bħala bniedem huwa jisperimenta lil Alla qaddisli jixraqlu rispett, u fl-istess ħin il-kondizzjoni propja tiegħu ta’ dnub: “Ohimè”. L-esperjenza tal-viċinanza ta’ Alla hija għall-bniedem esperjenza fix-xifer. Imma il-profeta jismà minnufih il-kelma tal-maħfra: “Ħżunitek għebet” ( 6, 5-7). Il-viċinanza ta’ Alla qaddis hija viċinanza amoruża u fejjieqa. Esperjenza li tirrendi kuntenti. Meta Alla jsejjaħ qrib lejh, huwa jfejjaq.

2. F’din l-għodwa ejjew flimkien, bħas-salmista, infittxu lil Alla fis-santwarju ta’ Marija’ Ferm iktar mill-profeta Iżaija, Marija sperimentat is-sinifikat li ssir taf il- viċinanza ta’ Alla. Marija hija l-Verġni li qalbha mhix maqsuma; tikkonċerna ruħha biss bil-ħwejjeġ tal-Mulej u trid gost lilu biss fl-opri u fil-ħsieb (cf. 1 Kor 7, 32-34). Fl-istess ħin għandha hija wkoll biżà qaddis ta’ Alla u “jbeżżagħha” l-kmand ta’ Alla. Din il-Verġni Alla għażilha u kkunsagraha bħala għamara tal-kelma eterna tiegħu.

Marija, il-bint sublimi ta’ Sion, sperimentat iktar minn kwalunkwè ieħor kemm huma qrib “il-qawwa u s-sinjorija” ta’ Alla. Hija tinvokah mimlija ferħ u gratitudni fil-Magnficat: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej . . . Ħwejjeġ kbar wettaq fija l-Omnipotenti, qaddis hu l-isem tiegħu”. Marija hija fl-istess ħin konxja profondament tal-fatt li hija krejatura: “Għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu”. Taf li l-ġenerazzjonijiet kollha se jsejħulha hienja (cf. Lq 1, 46-49), imma tinsa lilha nfisha biex iddur fuq Ġesù: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2, 5). Hija jimpurtaha mill-ħwejjeġ tal-Mulej, Fid-disponibiltà tagħha lejn Alla tagħha kontinwament mitlubha, Marija “avanzat  fil-pellegrinaġġ tal-fidi” (Lumen gentium, 58). Il-Verġni ta’ Nażżaret ikkontemplat l-aġir inkonprensibbli ta’ Alla bl-għajnejn tal-fidi. Luqa jenfasizza darbtejn li hija kienet iżżomm “f’qalbha” dak li kien seħħ (Lq 2, 19.51). Fidi bħal din tiġi mfaħħra bħala mbierka. “Imbierka dik li emmnet . . .” (cf. Lq 1, 45).

3. Għeżież ħuti. Avanzaw fil-pellegrinaġġ tal-fidi bħalma għamlet Marija. Iftħu kif għamlet hi qalbkom kompletament għall-ħwejjeġ tal-Mulej. Jiena nindirizza din l-istedina lil kulħadd, lill-isqfijiet, is-saċerdoti u d-djakni, lir-reliġjużi u l-lajċi, lil irġiel u nisa. Fina lkoll tgħixu bla dubju ix-xewqa profonda u mħeġġa tal-bnedmin għall-esperjenza ta’ Alla l-ħaj. Din ix-xewqa dejjem sejħet xi bnedmin fit-triq  biex isegwu lil Kristu fil-fidi. Mhuwiex jewwilla infiltrat dan is-santwarju ta’ Marija mix-xewqa mħeġġa ta’ pellegrinaġġi bla numru għall-esperjenza tal-preżenza ta’ Alla f’din id-dinja? Dawn il-bnedmin li qegħdin ifittxu jmisshom jidħlu hawn f’atmosfera ta’ talb. F’dan il-post il-qaddis eremita Meinard († 861) fittex lil Alla fis-skiet. Hawn ġew pellegrini qaddisin: l-isqfijiet Ulrich († 983), Wolfgang († 994) u Konrad († 995), il-pellegrina Dorotea von Montau (madwar l-1394), il-ferventi Nikola da Flue (madwar l-1474), ir-rinnovatur tal-ħajja reliġjuża Carlo Borromeo (1570), it- tejologu Pietro Canisio († 1597), il-penitent Benedetto Giuseppe Labre († 1783), l-assistenta tal-morda  Giovanna Antida Thouret (1795) u numru bla tarf ta’ qaddisin anonimi. Dawn u Pellegrini oħra kienu konxji tal-bżonn tagħhom u tad-dnub tagħhom. Flimkien ma’ Marija, omm Ġesù, hawn ipperseveraw fit-talb biex jinfetħu għal Alla u għall-Ispirtu tiegħu.

Hekk tiġi  mgħoddija l-fidi: il-fidi ħajja tat-talb, l-esperjenza personali ta’ Alla. Min ifittex il-komunità tal-kredenti, b’mod speċjali min joqrob lejn Marija, jidħol f’atmosfera tal-Ispirtu. Marija rċeviet propju mill-anġlu l-wegħda tal-grazzja u tal-Ispirtu (cf. Lq 1, 28.35). Bħal Marija irridu ninfetħu għall-Ispirtu ta’ Alla, biex inkunu nistgħu nisperimentaw il-qawwa tiegħu li tarmana għas-servizz u għax-xhieda li għalihom aħna msejħa.

4. Għeżież ħuti. Ħudu ħsieb il-ħwejjeġ tal-Mulej. Fittxu lil Alla qaddis. Nerġa nfakkarkom għal darb’oħra l-viżjoni tas-sejħa tal-profeta Iżaija. Fl-esperjenza personali tal-Alla tliet darbiet qaddis trabbi għeruqha l-missjoni tiegħu għall-bnedmin. Isir kapaċi jismà leħen il-Mulej. Jirċievi t-talba biex ikun disponibbli għas-servizz profetiku. U jagħti l-aċċettazzjoni tiegħu għall-missjoni li tiġi mill-għoli: “Hawn jien, ibgħat lili” ( 6, 8). Issa jirċievi l-mandat: “Mur u għid lil dan il-poplu: isimgħu . . .” (cf.  6, 8-9). Il-profeta jiddaħħal fis-servizz ta’ Alla bla kondizzjoni. Minn issa ‘l hemm huwa se jkun totalment fuq in-naħa ta’ Alla. Imma se jbqà wkoll solidali mal-poplu li għandu se jintbagħat.

Marija wkoll kellha l-ewwel tisperimenta l-viċinanza tal-Mulej: “Il-Mulej miegħek”. Irċeviet il-wegħda tal-grazzja, qabel ma kienet mitluba d-disponibiltà għall-missjoni unika, dik li ssir omm il-Messija. Tat imbagħad il-jien tagħha bla riservi għall-kollaborazzjoni tagħha għall-opra feddejja ta’ Alla: “Hawn jien, il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni dak li għidtli” (Lq 1, 28.30). Taġixxi deliberatament, imma bla  kondizzjonijiet. Hija lesta għas-servizz għaliex  Alla l-qaddis huwa qrib. B’sabar tavanza fil-“pellegrinaġġ tal-fidi”, sa taħt is-salib ta’ Binha. F’dan il-pellegrinaġġ hija totalment solidali magħna: omm u oħt ħanina.

Ejjew mela, għeżież ħuti, nieħdu lil Marija, omm Ġesù, li hija wkoll omm il-Knisja u ommna, bħala l-mudell tagħna u seħibtna tal-vjaġġ fil-pellegrinaġġ tagħna terren. Fis-sitwazzjonijiet kollha ta’ ħajjitna rridu nfittxu lil Alla l-qaddis, li huwa dejjem differenti u ikbar minna, li bdanakollu huwa dejjem qribna b’mod misterjuż u jħobbna. Waqt li nħarsu lejn dan Alla, li fi Kristu sar Missierna, ejjew ngħidu wkoll aħna: “Hawn jien, ibgħat lili”,. “Ħa jsir minni dak li għedtli”. Għas-servizz ta’ Alla u għas-servizz tal-bnedmin. Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading