It‑33 Ħadd taż‑Żmien Matul is‑Sena
16 ta’ Novembru 2025
Inti t‑tama tiegħi (ara Salm 71:5)
- “Inti, Sidi, it‑tama tiegħi.” (Salm 71:5) Dawn il‑kelmiet huma ħerġin minn qalb imtaqqla bi tbatijiet kbar: “Minn għawġ kbir u qalil int għaddejtni.” (v. 20), jistqarr is‑salmista. Minkejja dan, qalbu tibqa’ miftuħa u fiduċjuża; b’fidi qawwija, jirrikonoxxi l‑appoġġ ta’ Alla, li jsejjaħlu “blata u fortizza.” (v. 3). U allura, naraw il‑fiduċja sħiħa tiegħu fit‑tama f’Alla li qatt ma tiddiżappunta: “Fik, Mulej, jien nistkenn.” (v.1) ma jkolli qatt għax ninfixel.” (v. 1).
F’nofs il‑provi tal‑ħajja, it‑tama tagħna hi ispirata miċ‑ċertezza soda tal‑imħabba ta’ Alla, imqiegħda f’qalbna permezz tal‑Ispirtu s‑Santu. Din it‑tama ma tqarraqx bina. (ara Rum 5:5) Għalhekk San Pawl seta’ jikteb lil Timotju: “Ħu għal dan l‑għan li aħna nitħabtu u nitqabdu, għax it‑tama tagħna hi f’Alla l‑ħaj.” (1 Tim. 4:10). Alla l‑ħaj hu fil‑fatt “Alla tat‑tama” (Rum. 15:13), u Kristu, bil‑mewt u l‑qawmien tiegħu, sar “it‑tama tagħna” (1 Tim. 1:1). M’għandna qatt ninsew li aħna ġejna mifdija f’din it‑tama, li fiha rridu nibqgħu mħawla.
- Il‑foqra jistgħu jkunu xhieda ta’ tama qawwija u soda, proprju għax jgħixuha f’nofs inċertezza, faqar, instabbiltà u emarġinazzjoni. Ma jistgħux jiddependu fuq is‑sigurtà tal‑poter jew il‑ġid; imma għall‑kuntrarju, ikollhom joqogħdu għalihom u ħafna drabi huma vittmi tagħhom. Għalhekk, it‑tama tagħhom iridu jfittxuha xi mkien ieħor. Meta nirrikonoxxu li Alla hu l‑ewwel u l‑unika tama tagħna, aħna wkoll ngħaddu minn tamiet li jgħaddu għal tama li tibqa’. Ladarba fina hemm ix‑xewqa li Alla jakkumpanjana tul il‑mixja tal‑ħajja, il‑ġid materjali jsir xi ħaġa relattiva, għax insibu t‑teżor veru li għandna bżonn. Il‑kliem li l‑Mulej Ġesù qal lid‑dixxipli tiegħu jibqa’ qawwija u ċari: “Tgeddsux għalikom teżori f’din id‑dinja, fejn kollox jitmermer bil‑kamla u s‑sadid, u fejn il‑ħallelin jinfdu u jisirqu. Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis‑sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil‑kamla u lanqas bis‑sadid, u fejn ma hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu.” (Mt. 6:19‑20).
- L‑agħar forma ta’ faqar hi li ma tkunx taf lil Alla. Kif kiteb il‑Papa Franġisku fl‑Evangelii Gaudium: “L‑agħar diskriminazzjoni li jbatu biha l‑foqra hi n‑nuqqas ta’ kura spiritwali.” Il‑maġġoranza l‑kbira tal‑foqra għandhom ftuħ speċjali għall‑fidi; għandhom bżonn lil Alla, u ma għandniex nonqsu milli noffrulhom il‑ħbiberija tiegħu, il‑barka tiegħu, il‑kelma tiegħu, iċ‑ċelebrazzjoni tas‑sagramenti u mixja li fija jikbru u jimmaturaw fil‑fidi” (nru 200). Hawnhekk naraw għarfien bażiku u essenzjali ta’ kif nistgħu nsibu t‑teżor tagħna f’Alla. Kif jinsisti l‑Appostlu Ġwanni: “Jekk xi ħadd jgħid: “Jiena nħobb ’l Alla”, u jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah? Dan hu l‑kmandament li tana hu: li min iħobb ’l Alla, iħobb ukoll lil ħuh.” (1 Ġw. 4:20).
Din hi regola tal‑fidi u s‑sigriet tat‑tama: il‑ġid ta’ din l‑art, ir‑realtajiet materjali, il‑pjaċiri tad‑dinja, il‑prosperità ekonomika, importanti kemm huma importanti, ma jistgħux iġibu l‑ferħ fi qlubna. Il‑ġid spiss jiddisappunta, u jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet traġiċi ta’ faqar – fuq kollox il‑faqar li jitwieled min‑nuqqas ta’ rikonoxximent tal‑bżonn tagħna għal Alla u l‑attentat li ngħixu mingħajru. Jiġini f’moħħi dak li qal San Wistin: “Ħa tkun it‑tama kollha tiegħek f’Alla: ħoss il‑bżonn tiegħu għalik, u ħallih jimla dak il‑bżonn. Mingħajru, kulma għandek jagħmlek biss aktar vojt” (Espożizzjoi fuq Salm. 85:3).
- Il‑Kelma ta’ Alla tgħidilna li t‑tama Nisranija hija ċertezza f’kull pass tal‑ħajja, għax ma tiddependix fuq is‑saħħa umana tagħna, imma fuq il‑wegħda ta’ Alla, li hu dejjem fidil. Għal din ir‑raġuni, mill‑bidu nett, l‑Insara identifikaw it‑tama mas‑simbolu tal‑ankra, li tipprovdi stabbiltà u sigurtà. It‑tama Nisranija hi bħal ankra li tankra qlubna fil‑wegħda tal‑Mulej Ġesù, li salvana bil‑mewt u l‑qawmien tiegħu u li se jerġa’ jiġi fostna. Din it‑tama tkompli tindirizzana lejn “smewwiet ġodda” u “art ġdida” (2 Pt. 3:13), bħala l‑orizzont veru tal‑eżistenza tagħna, fejn kull ħajja ssib it‑tifsira awktentika tagħha, għax il‑pajjiż veru tagħna hu l‑ġenna. (ara Fil. 3:20).
Għalhekk il‑belt ta’ Alla, iġġegħelna ntejbu l‑ibliet tal‑bnedmin. L‑ibliet tagħna stess għandhom jibdew jixbħu lil tiegħu. It‑tama, sostnuta bl‑imħabba ta’ Alla mqiegħda f’qalbna permezz tal‑Ispirtu s‑Santu (ara Rum. 5:5), tibdel il‑qlub umani f’art fertili fejn tista’ tikber il‑karità għall‑ħajja tad‑dinja. It‑tradizzjoni tal‑Knisja insistiet kontinwament fuq ir‑rabta bejn it‑tliet virtujiet teoloġiċi: il‑fidi, it‑tama u l‑karità. It‑tama titwieled mill‑fidi, li tmantni u ssostni lilha nnifisha fuq il‑pedament tal‑karità, l‑omm tal‑virtujiet kollha. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn il‑karità, hawn u issa. Il‑karità mhijiex wegħda biss; hi realtà preżenti, li għandna nilqgħuha b’ferħ u responsabbiltà. Il‑karità timpenjana u tiggwida fid‑deċiżjonijiet tagħna għall‑ġid komuni. Min‑naħa l‑oħra, min hu nieqes mill‑karità mhux biss hu nieqes mill‑fidi u mit‑tama; iżda wkoll jisraq it‑tama lill‑oħrajn.
- Għalhekk it‑tama li titkellem dwarha l‑Bibbja titlob li nerfgħu r‑responsabbiltajiet tagħna fl‑istorja, bla tnikkir. Il‑karità, fil‑fatt, “hi l‑akbar kmandament soċjali” (Katekiżmu tal‑Knisja Kattolika, nru 1889). Il‑faqar għandu kawżi strutturali li għandhom jiġu indirizzati u eliminati. Sadanittant, kull wieħed minna hu msejjaħ biex joffri sinjali ġodda ta’ tama, li jkunu xhieda ta’ karità Nisranija, bħalma għamlu ħafna qaddisin matul is‑sekli. L‑isptarijiet u l‑istituzzjonjiet, pereżempju, twaqqfu biex jilħqu lil dawk l‑aktar vulnerabbli u marġinalizzati. Dawn l‑istituzzjonijiet għandhom ikunu parti mill‑politika pubblika ta’ kull pajjiż, madanakollu, il‑gwerer u n‑nuqqas ta’ ugwaljanza spiss iwaqqfu dan milli jseħħ. Illum is‑sinjali ta’ tama qegħdin dejjem aktar jinstabu fid‑djar tal‑kura, fil‑komunitajiet għall‑minuri, f’ċentri li jisimgħu u jilqgħu, fis‑soup kitchens, fid‑djar għan‑nies bla saqaf u fl‑iskejjel għal familji bi dħul baxx. Kemm hemm sinjali bħal dawn, fil‑kwiet u li spiss ħadd ma jinduna bihom, u madanakollu huma tant importanti biex iwaqqgħu l‑indifferenza u jħeġġu lil ħaddieħor biex jinvolvu ruħu f’xogħol volontarju ta’ kull tip!
Il‑foqra mhumiex distrazzjoni għall‑Knisja, imma huma ħutna għeżież; għax permezz tal‑ħajja, il‑kliem u l‑għerf tagħhom, ipoġġuna f’kuntatt mal‑verità tal‑evanġelju. Iċ‑ċelebrazzjoni tal‑Jum Dinji tal‑Foqra għandha l‑għan li tfakkar lill‑komunitajiet tagħna li l‑foqra huma fiċ‑ċentru ta’ kull attività pastorali tagħna. Dan mhux veru biss għall‑opri ta’ karità tal‑Knisja, imma wkoll għall‑messaġġ li tiċċelebra u xxandar. Alla ħa fuqu l‑faqar tagħhom biex ikabbarna permezz tal‑vuċijiet, l‑istejjer u l‑uċuħ tagħhom. Kull forma ta’ faqar, bla ebda eċċezzjoni, issejħilna biex nagħmlu esperjenza konkreta tal‑evanġelju, u noffru sinjali effettivi ta’ tama.
- Allura din hija l‑istedina mogħtija lilna permezz ta’ din iċ‑ċelebrazzjoni Ġubilari. Mhux b’kumbinazzjoni li l‑Jum Dinji tal‑Foqra qed jiġi ċċelebrat lejn it‑tmiem ta’ dan is‑sena ta’ grazzja. Meta jingħalaq il‑Bieb Imqaddes, irridu ngħożżu u naqsmu mal‑oħrajn id‑doni ta’ Alla li rċevejna matul din is‑sena kollha ta’ talb, konverżjoni u xhieda. Il‑foqra mhumiex riċevituri tal‑ħidma pastorali tagħna, iżda protagonisti kreattivi li jisfidawna biex insibu modi ġodda kif ngħixu l‑evanġelju llum. Quddiem forom ġodda ta’ faqar, nistgħu nirriskjaw li nibbiesu u nirrassenjaw ruħna. Kuljum niltaqgħu ma’ nies fqar jew fi stat ta’ faqar. Aħna wkoll jista’ għandna inqas minn qabel u qed nitilfu dak li darba konna nħossu li hu sikur: dar, ikel biżżejjed għal kuljum, aċċess għall‑kura tas‑saħħa u għall‑edukazzjoni, informazzjoni, libertà reliġjuża u espressjoni ħielsa.
F’din il‑promozzjoni tal‑ġid komuni, ir‑responsabbiltà soċjali tagħna għandha għeruqha fl‑att kreattiv ta’ Alla, li jagħti sehem lil kulħadd mill‑ġid tad‑dinja. Bħal dan il‑ġid, il‑frott ta’ xogħol tal‑bniedem għandu jkun aċċessibbli indaqs għal kulħadd. L‑għajnuna lill‑foqra hija kwistjoni ta’ ġustizzja qabel ma hi kwistjoni ta’ karità. Kif osserva Santu Wistin: “Inti tagħti l‑ħobż lil persuna bil‑ġuħ; iżda jkun aħjar li kieku ħadd ma kien bil‑ġuħ, sabiex ma jkollokx għalfejn tagħtih. Inti tlibbes lil min hu għarwien, imma kieku kulħadd kellu x’jilbes ma jkunx hemm bżonn tlibbes lil ħadd.” (Trattat fuq l-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann, 8:5)
Għalhekk it‑tama tiegħi hi, li din is‑Sena Ġubilari tinkoraġġixxi l‑iżvilupp ta’ politika li għandha l‑għan li jikkumbattu forom ta’ faqar, kemm antiki kif ukoll ġodda, kif ukoll l‑implimentazzjoni ta’ inizjattivi ġodda biex jissapportjaw u jassistu lil dawk l‑aktar foqra. Ix‑xogħol, l‑edukazzjoni, il‑housing u s‑saħħa huma l‑pedamenti ta’ sigurtà li qatt ma jistgħu jinkisbu bil‑forza tal‑armi. Nuri l‑apprezzament tiegħi għal dawk l‑inizjattivi li diġà jeżistu, kif ukoll l‑isforzi murija kuljum fuq livell internazzjonali minn ħafna nisa u rġiel ta’ rieda tajba.
Ejjew nafdaw lilna nfusna f’idejn Marija Santissima, faraġ tal‑imġarrbin, u magħha nkantaw innu ta’ tama, filwaqt li nagħmlu tagħna l‑kliem tat‑Te Deum: “Fik, Mulej, hi t‑tama tagħna, u tamietna qatt mhi għalxejn.”
Mill‑Belt tal‑Vatikan, it‑13 ta’ Ġunju 2025, tifkira ta’ Sant’Antnin ta’ Padova, il‑qaddis protettur tal‑fqar
Iljun XIV
Miġjuba għall-Malti minn Fr Martin Micallef